Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 3 ta' Diċembru 2012

Il-premju ‘Access City’ għall-ibliet aċċessibbli għall-persuni b'diżabilità jintrebaħ minn Berlin!

Brussell, it-3 ta’ Diċembru 2012 – Illum il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding ikkunsenjat lill-belt ta’ Berlin il-premju ‘Access City’ għall-2013. Il-premju ngħata lil Berlin b’rikonoxximent għall-approċċ komprensiv u strateġiku tagħha biex tkun belt aċċessibbli għal kulħadd. Il-premju huwa organizzat mill-Kummissjoni flimkien mal-Forum Ewropew tal-Persuni b’Diżabilità, u kien ippreżentat fl-okkażjoni tal-konferenza annwali fil-Jum Ewropew tal-Persuni b'Diżabilità fi Brussell. Il-premju għandu l-għan li jinkoraġġixxi lill-ibliet biex jitgħallmu mill-esperjenza ta’ xulxin u biex itejbu l-aċċessibiltà għall-benefiċċju ta’ kulħadd.

"Il-persuni b'diżabilità għadhom iħabbtu wiċċhom ma' ħafna ostakli fil-ħajja ta’ kuljum, iżda bliet bħal Berlin huma minn ta' quddiem biex jagħmlu l-ħajja iktar aċċessibbli għal kulħadd," qalet il-Viċi President Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "L-aċċessibilità toffri opportunitajiet kummerċjali ġodda u tista’ tkun stimulu reali għall-innovazzjoni u t-tkabbir ekonomiku. Huwa għalhekk li l-aċċessibilità hija fil-qalba tal-Istrateġija Ewropea dwar id-diżabilità u għaliex aħna qed inħejju l-proposti tagħna għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibilità li beħsiebni nippreżenta s-sena d-dieħla."

Il-ġurija għażlet lil Berlin għall-politika tagħha dwar id-diżabilità li hija strateġika u inklużiva, billi investiet ħafna biex iddawwar il-belt li qabel kienet mifruda, f’ambjent aċċessibbli u mingħajr ostakoli. Il-ġurija enfasizzat is-sistema ta’ trasport u l-investiment ta’ Berlin f’aċċessibilità għal persuni b'diżabilità fi proġetti ta' rikostruzzjoni. L-approċċ komprensiv ta’ Berlin lejn l-aċċessibilità huwa totalment inkorporat fil-politika tal-belt u dan għandu l-appoġġ wiesa’ ta’ dawk li huma responsabbli għaliha.

Il-finalisti l-oħra kienu:

Nantes (Franza): ippremjata għall-approċċ komplet tagħha fit-tfassil ta’ belt aċċessibbli għal kulħadd u għal varjetà ta' attivitajiet ta’ sensibilizzazzjoni rigward l-aċċessibbiltà fil-ħajja ta' kuljum. Nantes investiet f’taħriġ għal disinjaturi u arkitetti u tmexxi djalogu maċ-ċittadini biex persuni b'diżabilità jkunu jistgħu jiltaqgħu u jistabbilixxu proġetti komuni.

Stokkolma (l-Isvezja): magħżula għall-approċċ inklussiv u għat-tul tagħha skont l-istrateġija Design for All. Il-pjan “Vision Stockholm fl-2030 ” għandu l-għan li jittrasforma lill-belt, fejn 30% taż-żona ċentrali tikkonsisti f'ilma, f'belt ta’ klassi dinjija aċċessibbli għal kulħadd. Eżempji tajba jinkludu qsim pedonali aċċessibbli, u toilets pubbliċi u playgrounds li huma aċċessibbli għal tfal u ġenituri b'diżabilità.

Skont stħarriġ ġdid li sar mill-Kummissjoni Ewropea u li ġie ppubblikat it-3 ta’ Diċembru, meta jiġi ċċelebrat il-Jum Ewropew tal-Persuni b'Diżabilità, l-Ewropej jemmnu bil-qawwa li l-persuni b'diżabilità għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà (ara IP/12/1296).

Sfond

‘Aċċessibbiltà’ tfisser li dawk li għandhom diżabbiltajiet ikollhom aċċess daqs ħaddieħor għall-ambjent fiżiku, għat-trasport, għat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni, kif ukoll għal faċilitajiet u servizzi oħrajn.

Din hija t-tielet edizzjoni annwali tal-premju ‘Access City’. L-ewwel premju ngħata lil Avila fi Spanja (IP/10/1641) u t-tieni lil Salzburg fl-Awstrija (IP/11/1492). Barra r-rebbieħ u t-tliet finalisti, din is-sena l-ġurija semmiet ukoll b’mod speċjali lil:

- Pamplona (Spanja) għal ambjent urban aċċessibbli u politiki ambjentali sostenibbli. Pamplona stabbiliet pjan fuq erba' snin għat-tiġdid tal-infrastruttura lokali, inkluża l-belt l-antika: Il-bankini tbaxxew, ġew stallati playgrounds u faċilitajiet fil-beraħ tal-fitness li huma aċċessibbli għal persuni b'diżabilità u għall-anzjani, u rampi, liftijiet u passerelli jipprovdu soluzzjonijiet aċċessibbli f'żoni bi tlajja’ u nżul fil-belt.

- Gdynia (il-Polonja) għall-isforzi li qed tagħmel biex it-trasport pubbliku jkun aċċessibbli: 97% tal-karozzi tal-linja u 58% tat-trolley buses issa huma aċċessibbli għal persuni b'diżabilità. Il-belt introduċiet ukoll sistema ta' informazzjoni b’deskrizzjonijiet li jinqraw bil-Braille, kif ukoll sinjali, piluni u tabelli ta’ informazzjoni aċċessibbli għal persuni fis-siġġijiet tar-roti.

- Bilbao (Spanja) għall-użu li għamlet mit-teknoloġija tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni (ICT) għall-benefiċċju ta’ persuni b'diżabilità, inkluż servizz telefoniku ta' informazzjoni għal persuni neqsin mis-smigħ jew li għandhom diffikultà bid-diskors, terminals ta’ traduzzjoni simultanja f’uffiċċji miftuħa għall-pubbliku, u cirkwiti ta' induzzjoni li jeliminaw il-ħsejjes fl-isfond u jtejbu s-servizzi għal nies li jużaw apparat tas-smigħ.

- Tallaght (l-Irlanda) għal firxa ta' servizzi innovattivi biex titjieb il-kwalità tal-ħajja taċ-ċittadini tagħha li għandhom diżabilità, inklużi l-anzjani. Eżempji jinkludu servizz ta’ tiswija fi żmien 48 siegħa għat-toroq u l-bankini, servizzi ta' informazzjoni, żoni pedonali aċċessibbli, faċilitajiet ta' riċiklaġġ aċċessibbli, libreriji aċċessibbli u kotba disponibbli f'formati differenti għal dawk b’vista batuta.

Għal aktar informazzjoni

Il-Premju Access City

www.accesscityaward.eu

Il-Kummissjoni Ewropea: Persuni b’diżabilità:

http://ec.europa.eu/justice/discrimination/disabilities/index_en.htm

Stħarriġ tal-Ewrobarometru - Attitudes to Accessibility in the EU:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/flash_arch_360_345_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site