Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-3 ta' Diċembru 2012

L-Aġenda Diġitali: Il-Kummissjoni tipproponi regoli tal-UE sabiex is-siti elettroniċi tal-gvernijiet ikunu aċċessibbli għal kulħadd

Bis-saħħa ta’ regoli ġodda proposti llum mill-Kummissjoni Ewropea fil-Jum Internazzjonali tal-Persuni b'Diżabilità, aktar minn 100 miljun ċittadin tal-UE għandhom isibuha eħfef biex jużaw is-servizzi pubbliċi online biex ifittxu x-xogħol, jirreġistraw karozza, jissottomettu dikjarazzjoni tat-taxxa u japplikaw għal passaport jew liċenzja tas-sewqan. Il-proposta tal-Kummissjoni għal Direttiva dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi tal-korpi tas-settur pubbliku għandha tintroduċi karatteristiċi standardizzati u obbligatorji tal-UE ta’ aċċessibbiltà, b’seħħ minn tmiem l-2015, għal 12-il tip ta’ sit elettroniku. L-aċċessibbiltà obbligatorja għandha tapplika għal servizzi tal-gvern essenzjali bħas-servizzi tas-sigurtà soċjali u dawk relatati mas-saħħa, it-tiftix għal impjieg, l-applikazzjonijiet għall-Università u l-ħruġ ta’ dokumenti u ta’ ċertifikati personali (ara l-anness għal-lista sħiħa). Ir-regoli ġodda proposti għandhom jiċċaraw ukoll xi tfisser l-aċċessibbiltà għall-internet (speċifikazzjonijiet tekniċi, metodoloġija għall-valutazzjoni, rappurtar, ittestjar minn isfel għal fuq), u l-gvernijiet se jkunu mħeġġa japplikaw ir-regoli fis-servizzi kollha, mhux biss dawk fil-lista obbligatorja.

Il-benefiċjarji ewlenin tal-proposta tal-lum se jkunu t-80 miljun ċittadin tal-Ewropa b'diżabilità u s-87 miljun Ewropew li għandhom aktar minn 65 sena. Pereżempju, il-persuni neqsin mid-dawl se jisimgħu deskrizzjonijiet ta’ immaġnijiet meta jużaw qarrej tal-iskrin, dawk neqsin fis-smigħ se jaraw kitba għal fajls tal-awdjo filwaqt li l-partijiet kollha ta’ sit elettroniku jistgħu jiġu esplorati bit-tastieri kif ukoll bil-mouse tal-kompjuter.

L-implimentazzjoni tal-proposta tal-lum għandha wkoll tillibera suq Ewropew tal-aċċessibbiltà għall-internet li stmat li jiswa €2 biljun, suq li bħalissa qed jilħaq 10% biss tal-potenzjal tiegħu. L-innovazzjonijiet xprunati minn din il-proposta se jtejbu l-esperjenza tal-utenti kollha tal-internet minħabba funzjonalità akbar u minħabba spejjeż anqas mill-użu ta’ din il-funzjonalità.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes qalet: "Illum il-ġurnata, b’xi mod jew ieħor kważi lkoll kemm aħna niddependu fuq l-aċċess għall-internet għall-ħajjitna ta' kuljum, u lkoll għandna d-dritt għall-aċċess ugwali għas-servizzi tal-gvern online. Din il-proposta għandha tagħmel dak id-dritt realtà, u mhux biss idea. Għandha toħloq kundizzjonijiet tas-suq aħjar, aktar impjiegi, u se tagħmilha irħas għall-gvernijiet biex jagħmlu s-siti elettroniċi tagħhom aċċessibbli."

Ioannis Vardakastanis, il-President tal-Forum Ewropew għad-Diżabilità jingħaqad mas-sejħa tal-Kummissjoni sabiex jitħeġġeġ il-progress: "Il-Forum Ewropew għad-Diżabilità jilqa’ l-proposti għal leġiżlazzjoni dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi pubbliċi li se tikkontribwixxi sabiex tiżgura d-drittijiet taċ-ċittadinanza u l-aċċess dirett għas-servizzi pubbliċi għat-80 miljun ċittadin b'diżabilità, u li tikkostitwixxi l-ewwel pass lejn it-tneħħija tal-ostakli kollha għall-aċċess għall-prodotti u s-servizzi tal-internet fis-suq uniku"

Sett uniku ta’ regoli ta’ aċċessibbiltà għandu jfisser li l-iżviluppaturi tal-programmi informatiċi se jkunu jistgħu joffru l-prodotti u s-servizzi tagħhom madwar l-UE kollha, mingħajr l-ispejjeż żejda tal-adattament u mingħajr kumplikazzjonijiet.

Id-Direttiva proposta issa tgħaddi għand il-Kunsill tal-Ministri tal-UE u l-Parlament Ewropew għall-adozzjoni tagħhom.

L-Istati Membri jkollhom idaħħlu fis-seħħ ir-regoli u r-regolamenti nazzjonali sat-30 ta’ Ġunju 2014. 21 Stat Membru diġà għandhom liġijiet nazzjonali jew miżuri dwar l-aċċessibbiltà għall-internet iżda l-progress huwa kajman.

Bil-proposta tal-lum il-Kummissjoni ssodisfat l-Azzjoni 64 tal-Aġenda Diġitali għall-Ewropa kif ukoll l-Artikolu 9 tal-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabilità (UNCRPD).

Sfond

Is-sitwazzjoni attwali fir-rigward tal-aċċessibbiltà għall-internet tas-settur pubbliku hija waħda mwiegħra. Terz biss mis-761,000 sit elettroniku tas-settur pubbliku u tal-gvern fl-Ewropa huma kompletament aċċessibbli, minkejja d-disponibbiltà ta’ soluzzjonijiet tekniċi, li wħud minnhom ġew żviluppati bil-finanzjament tar-riċerka tal-UE matul l-aħħar 15-il sena.

L-aċċessibbiltà għall-internet tirreferi għall-prinċipji u għat-tekniki li għandhom jiġu segwiti meta jinbnew siti elettroniċi sabiex il-kontenut online jkun aċċessibbli għall-utenti kollha, b’mod partikolari dawk b’diżabilità1. F’dan il-qasam jeżistu linji gwida rikonoxxuti internazzjonalment u li jħarsu n-newtralità tat-teknoloġija partikolari: il-Kriterji ta’ Suċċess u r-Rekwiżiti tal-Konformità tal-Livell AA fil-verżjoni 2.0 tal-Linji Gwida għall-Accessibbiltà għall-Kontenut tal-Web (Web Content Accessibility Guidelines) (WCAG 2.0) tal-World Wide Web Consortium (W3C). Standard Ewropew li jinkludi l-aċċessibbiltà għall-internet bbażata fuq dawk il-linji gwida qed jiġi żviluppat bħalissa skont il-“Mandat Nru 376 tal-Kummissjoni Ewropea" u hemm possibbiltà li jkun disponibbli fi stadju bikri fl-2014.

Eżempji ta’ riċerka ffinanzjata mill-UE jinkludu l-proġett WAI-Age, li analizza l-ħtiġijiet speċifiċi ta' utenti anzjani u li kkontribwixxa għar-rieżaminar ta’ WCAG 2.0.

Il-Kummissjoni se tinvolvi ruħha mal-gvernijiet, mal-industrija u mal-organizzazzjonijiet inkluż il-Forum Ewropew għad-Diżabilità sabiex jinkiseb l-akbar vantaġġ mill-impenji nazzjonali eżistenti u mill-infiq għall-aċċessibbiltà għall-internet tas-siti elettroniċi pubbliċi u sabiex titħaffef l-adozzjoni u l-implimentazzjoni ta’ dawn ir-regoli essenzjali.

Links Siewja

Aktar dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi tas-settur pubbliku;

Il-Kummissjoni Ewropea - Persuni b’diżabilità.

L-istħarriġ tal-Eurobarometer – Attitudes to Accessibility in the EU:

Is-sit elettroniku tal-Agenda Digitali

Is-sit elettroniku ta’ Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter.

Anness

Siti elettroniċi li jaqgħu fil-ġurisdizzjoni tad-Direttiva proposta tal-UE dwar l-aċċessibbiltà tas-siti elettroniċi tal-korpi tas-settur pubbliku

  • Taxxi fuq id-dħul: dikjarazzjoni, notifika tal-evalwazzjoni

  • Servizzi ta’ tiftix ta’ impjieg minn uffiċċji tal-impjieg

  • Benefiċċji tas-sigurtà soċjali: benefiċċji tal-qgħad, benefiċċji għat-tfal, spejjeż mediċi (rimbors jew saldu dirett), stipendji jew għotjiet għall-istudenti

  • Dokumenti personali: passaporti jew liċenzji tas-sewqan

  • Reġistrazzjoni ta’ vetturi

  • Applikazzjoni għal permess ta’ bini

  • Dikjarazzjoni lill-pulizija, eż. fil-każ ta’ serq

  • Libreriji pubbliċi, eż. katalgi u għodda għat-tiftix

  • Talba u twassil ta’ ċertifikati tat-twelid jew taż-żwieġ

  • Reġistrazzjoni f'edukazzjoni għolja jew f'università

  • Notifika ta' bidla fir-residenza

  • Servizzi marbutin mas-saħħa: tagħrif interattiv dwar id-disponibbiltà ta' servizzi, servizzi online għall-pazjenti, appuntamenti.

Contacts :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)

1 :

Skont il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b’Diżabbiltà, il-persuni b’diżabilittà jinkludu dawk li għandhom diżabilittajiet fiżiċi, mentali, jew intellettwali fit-tul, jew diżabilitajiet sensorji, li flimkien ma’ diversi diffikultajiet jistgħu jxekklu l-parteċipazzjoni sħiħa u effettiva tagħhom fis-soċjetà fuq bażi ugwali ma’ ħaddieħor.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site