Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Is-sikurezza tal-avjazzjoni: Il-Kummissjoni taġġorna l-lista Ewropea tas-sikurezza tal-linji tal-ajru

Commission Européenne - IP/12/1302   04/12/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SL BG RO

,Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Diċembru 2012

Is-sikurezza tal-avjazzjoni: Il-Kummissjoni taġġorna l-lista Ewropea tas-sikurezza tal-linji tal-ajru

Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat l-20 aġġornament tal-lista Ewropea tat-trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal projbizzjoni fuq l-operat jew restrizzjonijiet fuq l-operat fl-Unjoni Ewropea, magħrufa aħjar bħala "il-lista tas-sikurezza tal-ajru tal-UE". Minħabba tħassib importanti rigward is-sikurezza, it-trasportaturi tal-ajru ċċertifikati fl-Eritrea ġew miżjuda mal-lista. Min-naħa l-oħra, wara titjib fis-sitwazzjoni tas-sikurezza fil-Mawritanja, kien possibbli li t-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati fil-Mawritanja jitneħħew mil-lista. Kien l-istess każ għat-trasportatur tal-Ġordan Jordan Aviation, li tneħħa wkoll mil-lista. Ġie nnutat ukoll progress fil-Libja, iżda l-awtoritajiet Libjani qablu li t-trasportaturi tal-ajru Libjani ma jkunux permessi li joperaw fl-Ewropa qabel ma jkunu ċċertifikati kompletament mill-ġdid għas-sodisfazzjon tal-Kummissjoni.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport, Siim Kallas, qal: “Il-Kummissjoni lesta tagħmel l-almu tagħha biex tgħin lill-pajjiżi milqutin mil-lista ta' sikurezza jibnu l-kapaċità teknika u amministrattiva meħtieġa biex jegħlbu d-diffikultajiet fil-qasam tas-sikurezza malajr kemm jista’ jkun u bl-aktar mod effiċjenti possibbli. Ninsab kuntent li pajjiż wieħed u diversi linji tal-ajru tneħħew mil-lista. Dan huwa progress importanti. Iżda s-sikurezza għandha dejjem tiġi qabel kollox u aħna ma nistgħu naċċettaw l-ebda kompromess f’dan il-qasam, għalhekk id-deċiżjoni fir-rigward tal-linji tal-ajru tal-Eritrea."

Il-lista l-ġdida tissostitwixxi dik stabbilita f’April 2012 u tista’ tiġi kkonsultata fuq il-websajt tal-Kummissjoni1.

It-trasportaturi kollha tal-ajru ċċertifikati l-Mawritanja tneħħew mil-lista wara progress eċċezzjonali mill-awtoritajiet kompetenti u l-prospettiva ta’ verifika fuq il-post li għandha titwettaq daqt mill-Kummissjoni. Il-progress ġie rikonoxxut minn żewġ missjonijiet ta’ suċċess li twettqu fuq is-sit mill-Organizzazzjoni tal-Avjazzjoni Ċivili Internazzjonali (ICAO). Minħabba li din hija l-ewwel darba li tneħħiet projbizzjoni kompleta li taffettwa t-trasportaturi kollha tal-ajru minn Stat wieħed, il-Mawritanja impenjat ruħha li tawtorizza titjiriet għall-Unjoni biss taħt kundizzjonijiet stretti.

Jordan Aviation iċċertifikat fil-Ġordan tneħħa wkoll mil-lista wara r-reżoluzzjoni b’suċċess tad-defiċjenzi li ġew identifikati qabel. Tali titjib kien evidenti matul valutazzjoni fuq il-post li twettqet mill-Kummissjoni.

Sabiex nevitaw riskji, kienet meħtieġa projbizzjoni fuq l-operat fuq it-trasportaturi kollha tal-ajru ċċertifikati fl-Eritrea minħabba tħassib dwar is-sikurezza pendenti notifikat mill-ICAO u fin-nuqqas ta' miżuri adegwati ta’ mitigazzjoni meħuda mill-awtoritajiet kompetenti tal-Eritrea.

Saru konsultazzjonijiet intensi mal-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili tal-Libja u mal-Ministeru Libjan tat-trasport. B'konsegwenza ta’ dan, l-awtoritajiet tal-avjazzjoni ċivili Libjani qablu li jżommu r-restrizzjonijiet volontarji applikabbli għat-trasportaturi tal-ajru kollha liċenzjati fil-Libja, li jeskluduhom milli jtiru fl-UE sakemm dawn it-trasportaturi tal-ajru jkunu ċċertifikati b'mod sħiħ skont l-istandards tas-sikurezza internazzjonali. L-implimentazzjoni tal-miżuri deċiżi mill-awtoritajiet Libjani tibqa’ soġġetta għal superviżjoni mill-qrib mill-Kummissjoni.

Il-lista Ewropea tas-sikurezza tal-ajru ġiet aġġornata wkoll biex jitneħħew ċerti trasportaturi li ma għadhomx jeżistu jew biex jiżdiedu trasportaturi ġodda li nħolqu f’għadd ta’ pajjiżi: ir-Repubblika tal-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, il-Ginea Ekwatorjali, il-Ħonduras, l-Indoneżja, il-Kazakistan, il-Kirgiżistan, il-Filippini u r-Rwanda. Konsegwentement, l-ebda trasportur tar-Rwanda jew tal-Ħonduras ma għadu jissemma fil-lista.

Fl-aħħar nett, il-Kummissjoni tirrikonoxxi l-isforzi tal-awtoritajiet tas-sorveljanza tas-sikurezza ta’ Aruba, l-Indoneżja, il-Libja, il-Kazakistan, il-Kirgiżistan, il-Madagaskar, il-Filippini u r-Russja biex jirriformaw is-sistema tal-avjazzjoni ċivili tagħhom, u b’mod partikolari biex itejbu s-sikurezza biex jiggarantixxu li l-istandards tas-sikurezza internazzjonali huma effettivi u jiġu applikati b'mod konsistenti. Il-Kummissjoni tinsab lesta li tipprovdi appoġġ attiv ulterjuri għal dawn ir-riformi b’kooperazzjoni mal-ICAO, l-Istati Membri tal-UE u l-EASA, bħala għajnuna għal ftit minn dawn il-pajjiżi sabiex jitneħħew mil-lista meta s-sitwazzjoni tas-sikurezza tkun tjiebet aktar.

Il-Kummissjoni tibqa’ impenjata bis-sħiħ fl-appoġġ tagħha lejn konformità aħjar mal-istandards tas-sikurezza internazzjonali kull fejn possibbli, u tat mandat lill-Aġenzija Ewropea tas-Sikurezza tal-Avjazzjoni (l-EASA) biex twettaq serje ta’ missjonijiet ta’ assistenza teknika biex jappoġġaw l-awtoritajiet kompetenti ta’ għadd ta’ Stati fl-isforzi tagħhom biex isaħħu s-sikurezza.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni llum kienet ibbażata fuq opinjoni unanima tal-Kumitat tas-Sikurezza tal-Ajru, magħmula minn rappreżentanti tas-27 Stat Membru tal-UE, il-Kroazja, in-Norveġja, l-Islanda, l-Isvizzera u tal-EASA.

Sfond

Il-lista Ewropea aġġornata tas-sikurezza tal-ajru tinkludi t-trasportaturi tal-ajru kollha ċċertifikati f'20 Stat, li jammontaw għal 287 trasportaturi tal-ajru magħrufa, li l-attivitajiet tagħhom huma pprojbiti kompletament fl-Unjoni Ewropea: l-Afganistan, l-Angola, il-Benin, ir-Repubblika tal-Kongo, ir-Repubblika Demokratika tal-Kongo, Ġibuti, il-Ginea Ekwatorjali, l-Eritrea, il-Gabon (bl-eċċezzjoni ta' tliet trasportaturi li joperaw taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), l-Indoneżja (bl-eċċezzjoni ta’ sitt trasportaturi), il-Kazakistan (bl-eċċezzjoni ta’ trasportatur wieħed li jopera taħt restrizzjonijiet u kundizzjonijiet), il-Kirgiżistan, il-Liberja, il-Możambik, il-Filippini, Sjerra Leone, São Tomé u Principe, is-Sudan, is-Sważiland u ż-Żambja.

Il-lista tinkludi wkoll tliet trasportaturi individwali: Blue Wind Airlines mis-Surinam, Meridian Airways mill-Gana, u Conviasa mir-Repubblika Bolivarjana tal-Venezwela.

Barra minn hekk, il-lista tinkludi 10 trasportaturi tal-ajru li huma soġġetti għal restrizzjonijiet fuq l-operat u għalhekk għandhom il-permess biex joperaw fl-UE taħt kundizzjonijiet stretti: Air Astana mill-Kazakistan, kif ukoll Afrijet, Gabon Airlines u SN2AG mill-Gabon kif issemma qabel, Air Koryo mir-Repubblika Demokratika Popolari tal-Korea, Airlift International mill-Gana, Air Service Comores, Iran Air, TAAG Angolan Airlines u Air Madagascar.

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site