Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Ispazju tal-Ajru Uniku Ewropew: L-Istati Membri ma jirnexxilhomx jilħqu l-iskadenza ewlenija biex jiksbu spazju tal-ajru Ewropew aktar effiċjenti

Commission Européenne - IP/12/1301   04/12/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-4 ta' Diċembru 2012

L-Ispazju tal-Ajru Uniku Ewropew: L-Istati Membri ma jirnexxilhomx jilħqu l-iskadenza ewlenija biex jiksbu spazju tal-ajru Ewropew aktar effiċjenti

Ħafna Stati Membri għadhom lura ħafna u mhumiex kompletament konformi mar-rekwiżiti biex disa’ Blokok tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali .(FABs) ikunu operattivi bis-sħiħ, għall-iskadenza tal-4 ta’ Diċembru 2012. Skadenza kritika inqabżet għall-FABs, il-blokok tal-ispazju tal-ajru reġjonali li huma element ewlieni għall-pjanijiet ambizzjużi biex jinħoloq spazju tal-ajru Ewropew – li jittriplika l-kapaċità tal-ispazju tal-ajru u jnaqqas bin-nofs l-ispejjeż tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru. Illum il-Kummissjoni wissiet li se tniedi proċeduri ta’ ksur kontra l-Istati Membri għall-Blokok tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali kollha (FABs) li għadhom mhumiex konformi kompletament mar-rekwiżiti legali kollha. Se tippreżenta wkoll pakkett ġdid ta’ miżuri leġiżlattivi fir-rebbiegħa tal-2013, biex tagħti spinta lir-riformi u tassigura t-twettiq sħiħ tal-Ispazju tal-Ajru Uniku Ewropew.

L-ineffiċjenzi kkawżati mill-ispazju tal-ajru frammentat tal-Ewropa jġibu magħhom spejjeż addizzjonali ta’ qrib il-€5 biljun fis-sena. Dawn l-ineffiċjenzi jtawlu d-distanza ta’ titjira medja b’42 kilometru, u dan iwassal biex l-inġenju tal-ajru jikkonsma aktar fjuwil, jiġġenera aktar emissjonijiet, iħallas tariffi jogħla għall-użu, u jġarrab aktar dewmien. L-Istati Uniti jikkontrollaw l-istess ammont ta’ spazju tal-ajru, b’aktar traffiku, bi kważi nofs l-ispejjeż.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport, Siim Kallas, qal: “Se nieħdu kull azzjoni possibbli sabiex l-Ispazju tal-Ajru Uniku Ewropew isir realtà. L-ispejjeż tal-konġestjoni u d-dewmien fl-ajru jitħallsu kuljum miċ-ċittadini u n-negozji Ewropej meta jtiru. Minbarra dan, hemm l-ispejjeż għall-ekonomija f'effiċjenza mitlufa u l-prezz ambjentali li nħallsu, u jidher ċar li l-Ispazju tal-Ajru Uniku huwa wisq importanti biex jitħalla ma jirnexxix. Fi żmien ta’ kriżi ekonomika, ma naffordjawx nibqgħu fl-istess qagħda Bħalissa l-implimentazzjoni tar-riforma tal-ispazju tal-ajru Ewropew qed taqa' ħafna lura. Il-FABs huma s-sinsla tal-infrastruttura tal-Ispazju tal-Ajru Uniku Ewropew u nqabżet skadenza kritika. Ma hemm l-ebda triq oħra ħlief dik li ninfurzaw il-liġi tal-UE b'aktar qawwa."

L-2012 hija sena kritika għall-Ispazju tal-Ajru Ewropew – SES) b’erba’ riżultati ewlenin inklużi disa’ Blokok tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali (FABs) biex ikunu operattivi sa Diċembru 2012.

Skont il-leġiżlazzjoni tal-UE, il-Blokok tal-Ispazju tal-Ajru Funzjonali (FABs) kellhom jiġu implimentati sal-4 ta’ Diċembru 2012. It-twaqqif totali ta’ 9 FABs li jkopru l-UE kollha u 4 Stati aktar (il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Kroazja, in-Norveġja, l-Isvizzera) jirrappreżenta progress sinifikanti. Min-naħa l-oħra, dawn il-FABs għadhom mhumiex ġenwinament “funzjonali” għax xorta għadhom isegwu fruntieri nazzjonali jew għadhom ma ottimizzawx is-servizzi tan-navigazzjoni bl-ajru tagħhom, jew it-tnejn li huma. Il-kawża ewlenija ta’ dan in-nuqqas kienet enfasi mtawla dwar l-iffinalizzar ta' kwistjonijiet istituzzjonali pjuttost milli dwar l-identifikazzjoni u t-twettiq ta’ titjib operazzjonali u l-ħarsien żejjed ta’ interessi nazzjonali.

Sfond

L-Ispazju tal-Ajru Uniku Ewropew (SES) huwa inizjattiva ewlenija Ewropea għar-riforma tal-arkitettura tal-kontroll tat-traffiku tal-ajru Ewropew, biex jintlaħqu l-kapaċità futura u l-ħtiġijiet tas-sikurezza. Abbażi tal-inizjattivi li ttieħdu fl-aħħar snin tad-disgħinijiet, ġew adottati l-pakkett tal-Ajru Uniku (SES l – Single Sky l) fl-2004 u l-pakkett tal-Ajru Uniku ll (SES ll - Single Sky ll) fl-2009.

Bl-implimentazzjoni kompleta tal-SES:

  • is-sikurezza se tittejjeb b'fattur ta' għaxra;

  • il-kapaċità tal-ispazju tal-ajru se tittriplika;

  • l-ispejjeż tal-ġestjoni tat-traffiku tal-ajru se jitnaqqsu b’50 %;

  • l-impatt fuq l-ambjent se jitnaqqas b’10 %.

Għaliex neħtieġu FABs li huma kompletament funzjonali

Il-ftuħ tas-suq tal-avjazzjoni tal-UE fl-1993 għamel l-ivvjaġġar ħafna aktar aċċessibbli u affordabbli, u stimola t-tkabbir fis-servizzi tal-ajru. Minn dak iż-żmien, it-traffiku żdied b’54 %.

Ir-restrizzjonijiet fuq il-kapaċità tal-ispazju tal-ajru fl-Ewropa wasslu għal aktar dewmien. Id-dewmien ma jiġix ikkawżat biss min-nuqqas ta' kapaċità; huwa kkawżat ukoll mill-fatt li l-kontroll tat-traffiku tal-ajru fl-Ewropa huwa frammentat u ineffiċjenti. L-ispazju tal-ajru bħalissa huwa strutturat madwar fruntieri nazzjonali u għalhekk it-titjiriet ħafna drabi mhumiex kapaċi jieħdu rotot diretti – li jiffrankaw il-fjuwil, inaqqsu l-ispejjeż u li jkunu aħjar għall-ambjent.

Jekk wieħed jagħmel paragun, fi spazju tal-ajru li bejn wieħed u ieħor huwa tal-istess daqs, l-Ewropa għandha aktar minn 30 fornitur tas-servizz tan-navigazzjoni bl-ajru en-route u l-Istati Uniti għandha wieħed biss; l-Istati Uniti, bl-istess ammont ta’ spejjeż tagħmel ammont doppju ta' titjiriet meta kkumparata mal-Ewropa.

FAB huwa parti mill-ajru fejn tneħħew il-fruntieri nazzjonali. Wieħed jista’ jarah bħala spazju tal-ajru uniku, bħal ma s-suq uniku fl-UE jippermetti liċ-ċittadini tal-UE jivvjaġġaw, jgħixu u jaħdmu bil-libertà kullimkien fl-UE. Billi jippermettu l-inġenji tal-ajru jtiru, mingħajr ma jitrattaw il-qsim tal-fruntieri, u b’hekk ukoll anqas arranġamenti nazzjonali effiċjenti, il-FABs se jsaħħu s-sikurezza. Billi jippermettu l-inġenji tal-ajru jtiru fuq rotot aktar dritti u f'altitudnijiet aħjar, il-FABs se jiffrankaw il-fjuwil u jnaqqsu d-dewmien. Billi jgħaqqdu l-ajru tal-Ewropa u jikkonsolidaw is-servizzi tiegħu, il-FABS se jnaqqsu l-impatt ambjentali tal-avjazzjoni u jnaqqsu l-ispejjeż tat-titjir b'biljuni ta' euro fis-sena.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni Ewropea daqt se tipproċedi billi tibgħat ittri ta' notifika formali lill-partijiet kollha kkonċernati.

Għal iktar tagħrif: MEMO/12/934; IP/12/1089; SPEECH/12/711

Kuntatti:

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site