Navigation path

Left navigation

Additional tools

Other available languages: EN FR DE NL EL HU PL

Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Azzjoni effikaċi għall-korrezzjoni tad-defiċit mill-Belġju, Ċipru, Malta u l-Polonja imma miżuri insuffiċjenti mill-Ungerija

Brussell, il-11 ta’ Jannar 2012 - Illum il-Kummissjoni Ewropea kkonkludiet li l-progress tal-Ungerija ma kienx biżżejjed għall-korrezzjoni f'waqtha u sostenibbli tad-defiċit eċċessiv tagħha. Il-Kummissjoni Ewropea tipproponi l-prosegwiment għall-pass li jmiss tal-Proċedura ta’ Defiċit Eċċessiv u tirrakkomanda li l-Kunsill jiddeċiedi li l-ebda azzjoni effikaċi ma ttieħdet biex id-defiċit jitniżżel taħt it-3 % tal-PDG b'mod sostenibbli. Abbażi ta' din id-deċiżjoni tal-Kunsill, (skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat dwar il-Funzjonament tal-Unjoni Ewropea) il-Kummissjoni mbagħad tipproponi lill-Kunsill rakkomandazzjonijiet ġodda indirizzati lill-Ungerija (skont l-Artikolu 126(7) tat-Trattat) bil-ħsieb li ġġib fi tmiemu d-defiċit pubbliku eċċessiv tagħha.

Il-Belġju, Ċipru, Malta u l-Polonja - il-pajjiżi l-oħra li kienu fir-riskju li ma jżommux mal-iskadenzi tagħhom tal-2011 jew l-2012 biex jikkoreġu d-defiċit eċċessiv tagħhom - ħadu azzjoni effikaċi. Għalhekk, il-Kummissjoni tqis li ma jeħtieġ l-ebda pass ieħor fil-proċedura ta' defiċit eċċessiv għal dawn l-erba' pajjiżi, minkejja li ser tkompli ssegwi mill-qrib l-iżviluppi baġitarji. Din hija l-ewwel darba li l-Kummissjoni Ewropea applikat ir-regoli l-ġodda tal-Patt ta’ Stabilità u Tkabbir (PST) imsaħħaħ, dawk magħrufa bħala r-regoli tas-"six-pack" dwar il-governanza ekonomika, li daħlu fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2011.

Olli Rehn, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro qal: "Ir-rapport tal-lum juri li s-"six-pack" diġà qed jaqdina tajjeb. Ta s-saħħa lill-Kummissjoni Ewropea biex taġixxi fejn il-pajjiżi jonqsu li jġibu d-defiċits tagħhom taħt kontroll u jnaqqsu d-dejn tagħhom. Id-dixxiplina fiskali hija kruċjali biex tissaħħaħ il-fiduċja fil-finanzi pubbliċi tagħna. Qed inkun ċar: Irrid nuża bis-sħiħ dawn l-għodda qawwija ġodda minnufih."

Sfond

Għall-Belġju, Ċipru, l-Ungerija, Malta u l-Polonja, it-Tbassir tal-Ħarifa tal-Kummissjoni tal-10 ta’ Novembru 2011 wera li dawk il-pajjiżi kienu fir-riskju ċar li ma jilħqux l-obbligi tagħhom biex jikkoreġu d-defiċit eċċessiv tagħhom. L-għada, il-Viċi President Rehn bagħat ittri lill-Ministri tal-Finanzi kkonċernati, fejn għamilha ċara li, fin-nuqqas ta' miżuri korrettivi, ma jkunx hemm triq oħra għajr li jittieħdu aktar passi skont il-Proċedura ta' Defiċit Eċċessiv, bil-possibilità li jiskattaw sanzjonijiet. Minn dak iż-żmien, l-erba' pajjiżi li huma ħadu miżuri li jidhru suffiċjenti biex jiżguraw korrezzjoni sostenibbli tad-defiċit eċċessiv.

Għall-kuntrarju, il-bilanċ baġitarju fl-Ungerija huwa influwenzat ħafna minn elementi ta’ dħul ta’ darba li ma jrendux sostenibbli l-korrezzjoni tad-defiċit. Minkejja li fl-2011, l-Ungerija formalment osservat il-valur referenzjarju ta’ 3 %, dan sar biss bis-saħħa ta' miżuri ta’ darba b'valur ta’ madwar 10 % tal-PDG, u dan l-eżitu baġitarju jaħbi d-deterjorament gravi fil-bilanċ strutturali sottostanti. Fil-fatt, il-pożizzjoni strutturali baġitarja ddeterjorat fl-2010 u 2011 bi stima ta’ 2¾ % kumulattivi tal-PDG b'kuntrast qawwi mat-titjib fiskali kumulattiv rakkomandat ta’ 0.5 % tal-PDG. Anki, fl-2012, id-defiċit tal-amministrazzjoni pubblika jibqa' taħt it-3 % tal-PDG grazzi biss għall-elementi ta’ dħul ta’ darba. Konsegwentement, fl-2013, id-defiċit huwa pproġettat li jilħaq it-3¼ % tal-PDG, anki mingħajr ma jitqiesu l-effetti negattivi possibbli ta’ xenarju makroekonomiku agħar u r-redditi dejjem jikbru fuq il-bonds, u għalhekk ma jiġix osservat il-valur referenzjarju tat-Trattat. Għaldaqstant, il-korrezzjoni tad-defiċit eċċessiv fl-2011 mhijiex sostenibbli. Dan iwassal għall-konklużjoni li l-Ungerija ma ħaditx azzjoni effikaċi b'reazzjoni għar-Rakkomandazzjoni tal-Kunsill ta’ Lulju 2009.

Għal aktar informazzjoni:

MEMO/11/898

MEMO/11/364

MEMO/11/627

Kuntatti :

Amadeu Altafaj Tardio (+32 2 295 26 58)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)

Catherine Bunyan (+32 2 299 65 12)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website