Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta' Novembru 2012

It-3 ta’ Diċembru huwa l-Jum Ewropew tal-Persuni b’Diżabbiltajiet: L-Ewropej favur bil-kbir li jkun hemm aċċessibbiltà aħjar għal dawk li għandhom diżabbiltajiet

Brussell, it-30 ta Novembru 2012 – Skont stħarriġ ġdid li sar mill-Kummissjoni Ewropea u li ġie ppubblikat qabel ma, nhar it-3 ta’ Diċembru, jiġi ċċelebrat il-Jum Ewropew għal-Persuni b'Diżabbiltajiet, l-Ewropej jemmnu bil-qawwa li l-persuni b'diżabbiltajiet għandhom ikunu jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà. Fost dawk mistoqsijin, 97% qalu li persuni b’diżabbiltajiet għandhom ikunu jistgħu jmorru l-iskola, isibu xogħol jew ikollhom aċċess għall-ħwienet daqs ħaddieħor. 7 minn kull 10 wieġbu li jekk ikun hawn aċċessibbiltà aħjar għall-prodotti u għas-servizzi, il-ħajja tal-persuni b'diżabbiltajiet, tal-anzjani u ta’ nies oħrajn, bħall-ġenituri bi tfal żgħar, titjieb ħafna. 84% jemmnu li aċċess akbar għall-prodotti u għas-servizzi joħloq ukoll aktar opportunitajiet għall-industrija.

Li l-Ewropa ssir post aktar aċċessibbli għal dawk li għandhom diżabbiltà huwa element ewlieni tal-istrateġija globali tal-UE dwar id-diżabbiltajiet (IP/10/1505). Bħalissa, il-Kummissjoni Ewropea qed tħejji proposti għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, li mistennijin joħorġu fl-2013. Skont l-istħarriġ li qed jiġi ppubblikat illum, 86% tal-Ewropej jemmnu li jekk madwar l-Ewropa jiġu adottati soluzzjonijiet li jixbħu lil xulxin, il-persuni b’diżabbiltajiet ikunu jistgħu jivvjaġġaw, jistudjaw u jaħdmu f'pajjiż ieħor tal-UE, filwaqt li 78% jaħsbu li jekk ikollna regoli komuni, ikun aktar faċli għall-kumpaniji biex joperaw fis-suq uniku tal-UE.

"Fl-Ewropa kulħadd għandu l-jedd li jipparteċipa bis-sħiħ fis-soċjetà, u huwa ċar li l-Ewropej jaqblu ma dan," qalet il-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding. “Fil-qalba tal-istrateġija tagħna biex nibnu Ewropea mingħajr ostakoli hemm il-ħidma biex nagħmlu l-ħajja aċċessibbli għal kulħadd, u huwa għal din ir-raġuni li għandi l-ħsieb li nressaq proposta biex fl-2013, permezz ta’ Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, inxejnu x-xkiel li għad baqa' għal dawk li għandhom diżabbiltajiet.”

Fit-3 ta’ Diċembru 2012, il-Kummissjoni Ewropea se tħabbar ir-rebbieħa tat-tielet Access City Award – kompetizzjoni innovattiva ta’ kull sena bejn l-ibliet Ewropej bil-għan li tiġi inkoraġġita l-aċċessibbiltà għall-persuni b'diżabbiltajiet fl-ambjent urban. Fost l-ibliet li diġà rebħu hemm Salzburgu fl-Awstrija (IP/11/1492) u Avila fi Spanja (IP/10/1641).

Sfond

Persuna minn kull sitta fl-Unjoni Ewropea – madwar 80 miljun – għandha diżabbiltà li tvarja minn ħafifa sa severa. Aktar minn terz tal-persuni ta’ ’l fuq minn 75 sena għandhom diżabbiltajiet li, b'mod jew b'ieħor, jillimitawhom. Dawn iċ-ċifri mistennijin jogħlew hekk kif, aktar ma jmur, il-popolazzjoni tal-UE qed tkompli tixjieħ. Il-biċċa l-kbira ta' dawn il-persuni spiss ma jkunux jistgħu jipparteċipaw bis-sħiħ fis-soċjetà u fl-ekonomija minħabba ostakoli fiżiċi jew ta' tip ieħor, kif ukoll minħabba d-diskriminazzjoni.

Il-Karta tad-Drittijiet Fundamentali tal-Unjoni Ewropea tgħid li l-"Unjoni tirrikonoxxi u tirrispetta d-drittijiet tal-persuni diżabbli li jibbenefikaw minn miżuri intiżi sabiex jiżguraw l-indipendenza, l-integrazzjoni soċjali u professjonali tagħhom, u l-parteċipazzjoni tagħhom fil-ħajja tal-komunità." Barra minn hekk, l-UE u s-27 Stat Membru tagħha kollha kemm huma diġà impenjaw ruħhom li joħolqu Ewropa mingħajr ostakoli billi ffirmaw il-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar id-Drittijiet tal-Persuni b'Diżabbiltajiet (il-UNCRPD).

‘Aċċessibbiltà’ tfisser li dawk li għandhom diżabbiltajiet ikollhom aċċess daqs ħaddieħor għall-ambjent fiżiku, għat-trasport, għat-teknoloġiji tal-informatika u tal-komunikazzjoni, kif ukoll għal faċilitajiet u servizzi oħrajn.

Fl-2010 l-Kummissjoni adottat strateġija komprensiva bil-ħsieb li, sal-2020, ikunu tneħħew l-ostakoli li jeżistu fl-Ewropa għall-persuni b'diżabbiltajiet. Il-pjan jippreżenta b'mod ġenerali kif l-UE u l-gvernijiet nazzjonali jistgħu jagħtu lill-persuni li għandhom diżabbiltajiet is-setgħa biex ikunu jistgħu jgawdu drittijiethom.

Waħda mill-azzjonijiet ewlenin li ġew inklużi kienet inizjattiva favur l-aċċessibbiltà. L-għan huwa li jsir użu mir-regoli dwar l-istandardizzazzjoni jew minn dawk dwar l-akkwist pubbliku biex il-prodotti u s-servizzi kollha jibdew ikunu aċċessibbli għall-persuni b'diżabbiltajiet filwaqt li jiġi inkuraġġit suq Ewropew għat-tagħmir ta' assistenza. Meta wieħed iħares lejn l-esperjenza tal-Istati Uniti f’dan il-qasam, dan is-suq mistenni jikber b'mod konsiderevoli fis-snin li ġejjin.

F'Diċembru tal-2011, il-Kummissjoni Ewropea tat bidu għal konsultazzjoni pubblika ta’ għaxar ġimgħat dwar il-miżuri li jistgħu jittieħdu biex l-aċċessibbiltà fl-Ewropa titjieb (IP/11/1533). Ir-riżultati ta’ din il-konsultazzjoni issa se jintużaw fil-preparamenti tal-Kummissjoni għal Att Ewropew dwar l-Aċċessibbiltà, li jinkludu evalwazzjoni bir-reqqa ta’ xi jkun l-impatt ta’ politiki differenti li jistgħu jiġu adottati. Il-Kummissjoni biħsiebha tippreżenta proposta matul l-2013.

Għal aktar informazzjoni

Stħarriġ tal-Ewrobarometru - Attitudes to Accessibility in the EU:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/flash_arch_360_345_en.htm (EN/FR)

Il-Kummissjoni Ewropea – People with disabilities:

http://ec.europa.eu/justice/discrimination/disabilities/index_en.htm (EN/FR/DE)

Access City Award:

www.accesscityaward.eu (EN/FR/DE)

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President u Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja, Viviane Reding:

http://ec.europa.eu/reding (EN/FR/DE)

Kuntatti :

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website