Navigation path

Left navigation

Additional tools

Rapport: Il-prevenzjoni tal-kriminalità fl-Ewropa

European Commission - IP/12/1295   30/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta’ Novembru 2012

Rapport: Il-prevenzjoni tal-kriminalità fl-Ewropa

It-tneħħija tal-armi mit-toroq tagħna, l-indirizzar tas-cyber-bullying jew it-trawwim tas-sejbien kmieni tal-vizzji – dawn huma fost l-inizjattivi innovattivi għall-prevenzjoni tal-kriminalità li qed iseħħu madwar l-UE bħala parti min-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (EUCPN). F’rapport ippreżentat illum, il-Kummissjoni Ewropea tevalwa l-isforzi tan-netwerk biex tittejjeb is-sikurezza u s-sigurtà għaċ-ċittadini Ewropej. Ir-rapport jikkonkludi li ħafna proġetti qegħdin iseħħu biex jinkoraġġixxu l-parteċipanti fil-livell lokali, iżda li n-netwerk jista’ jtejjeb l-impatt tiegħu billi jiffoka l-inizjattivi tiegħu aktar u jaħdem aktar mill-qrib mal-atturi ewlenin fil-qasam tal-prevenzjoni tal-kriminalità.

L-EUCPN huwa pjattaforma mifruxa mal-UE kollha għall-iskambju tal-aħjar prattiki, ir-riċerka u l-informazzjoni dwar kif wieħed jimpedixxi l-kriminalità. Mill-2001, l-EUCPN appoġġa attivitajiet bħal dawn, li jgħinu lill-uffiċjali tal-infurzar tal-liġi, l-assistenti soċjali u lil dawk li jaħdmu maż-żgħażagħ, il-professjonisti tal-kura tas-saħħa, l-għalliema u l-akkademiċi, kif ukoll lil dawk li jfasslu l-politika fil-livelli tal-UE u nazzjonali.

“Appoġġat mill-fondi tal-UE, in-Netwerk tal-UE għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità jgħin lill-Istati Membri biex jagħmlu s-soċjetajiet tagħna iktar sikuri permezz tal-ħidma tagħhom biex tiġi evitata l-kriminalità. Ir-rapport tal-lum juri li n-Netwerk jaħdem tajjeb, u jissuġġerixxi kif tista’ saħansitra ssir aktar differenza fir-realtà fil-futur”, qalet il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström.

Fost oqsma oħra, l-EUCPN jagħti attenzjoni partikolari lill-kriminalità minorenni, urbana u dik relatata mad-droga. Huwa jiffoka, pereżempju, dwar it-tqajjim ta’ kuxjenza permezz tal-Premju Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità (PEPK), konkors annwali li għandu l-għan li jippremja lill-aħjar proġett Ewropew għall-prevenzjoni tal-kriminalità; dwar id-drogi, pereżempju permezz ta’ proġett preventiv għal tfal tal-iskola primarja u sekondarja fil-Pajjiżi l-Baxxi; u dwar il-vjolenza domestika permezz ta’ proġett kollaborattiv fuq skala kbira mmexxi mill-awtoritajiet lokali, il-pulizija u s-settur tal-kura tas-saħħa f’Malmö, l-Isvezja.

Lista sħiħa tal-attivitajiet u l-prattiki tajba promossi permezz tal-EUCPN hija disponibbli fil-MEMO/12/925.

Ir-rapport tal-lum tal-Kummissjoni juri li l-EUCPN kien qed jaħdem tajjeb tul l-aħħar sentejn u nofs. Madankollu hemm ambitu għal aktar titjib tan-netwerk. Pereżempju, l-EUCPN għandu jimmira l-prodotti tiegħu (karti tematiċi, rapporti, studji, eċċ) aktar lejn dak li għandhom bżonn in-nies li jaħdmu fil-prevenzjoni tal-kriminalità, eż. billi jipproduċi materjal dwar il-prattika t-tajba għall-prattikanti fil-livelli reġjonali u lokali.

Ir-rapport tal-Kummissjoni jirrakkomanda wkoll lill-EUCPN biex jibni relazzjonijiet eqreb mal-EUROSTAT (biex jintroduċi informazzjoni statistika aħjar fil-livell tal-UE), il-Kulleġġ Ewropew tal-Pulizija, is-CEPOL (biex jilħaq il-prattikanti fil-livell lokali), u l-Uffiċċju Ewropew tal-Pulizija, il-EUROPOL (biex jidentifika l-isfidi u l-prijoritajiet tal-ġejjieni fil-ġlieda kontra l-kriminalità organizzata).

F’ħafna mill-pajjiżi tal-UE, il-livelli tal-kriminalità kienu qed jonqsu għal madwar għaxar snin. Madankollu hemm differenzi konsiderevoli bejn tipi differenti ta’ kriminalità. Mill-2006 sal-2009, il-pulizija rreġistraw żieda fid-delitti f’numru ta’ Stati Membri, partikolarment għal serq domestiku u t-traffikar tad-droga. Fl-istess ħin, in-numri rreġistrati ta’ serq ta’ vetturi bil-magna, kriminalità vjolenti u serq naqsu b’mod sostanzjali.

Links Siewja

Il-websajt ta’ Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ Affarijiet Interni fuq Twitter

Il-websajt tan-Netwerk Ewropew għall-Prevenzjoni tal-Kriminalità

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website