Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-30 ta' Novembru 2012

L-ambjent: Il-Kummissjoni tirrikonoxxi soluzzjonijiet innovattivi għall-ġestjoni tal-ilma

Il-Kummissjoni Ewropea ħabbret ir-rebbieħa għal din is-sena tal-Premjijiet tal-Iskema Ewropea ta’ Ġestjoni u Verifika Ambjentali. Is-sitt organizzazzjonijiet rebbieħa wrew eċċellenza f’dak li għandu x’jaqsam mal-ħarsien u s-salvagwardja tal-ambjent, u fl-applikazzjoni ta’ soluzzjonijiet innovattivi sabiex il-ġestjoni tal-ilma tagħhom tittejjeb. Il-premjijiet kienu ppreżentati f'ċerimonja fi Brussell il-lejl li għadda.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "L-ilma huwa riżorsa prezzjuża, u jeħtieġ li nieħdu ħsiebu aħjar. Għalhekk kuntent ħafna li qed nifraħ lir-rebbieħa kollha tal-premjijiet EMAS għall-ġestjoni ta' kwistjonijiet relatati mal-ilma fl-organizzazzjonijiet tagħhom li tant taw riżultati impressjonanti. B’dawn il-premjijiet il-Kummissjoni Ewropea qed tirrikonoxxi l-prestazzjoni ambjentali straordinarja tagħhom f'dan il-qasam. Komplu b’din il-ħidma siewja!"

Ir-rebbieħa ta' din is-sena, magħżula minn fost 27 kandidat, huma: Abwasserverband Anzbach Laabental (l-Awstrija), Riechey Freizeitanlagen GmbH & Co. KG (il-Ġermanja), Neumarkter Lammsbräu Gebr. Ehrnsperger e. K. (il-Ġermanja), Lafarge Cement (ir-Renju Unit), Comune di Tavarnelle Val di Pesa (l-Italja), Bristol City Council (ir-Renju Unit).

Ir-rebbieħa mis-settur privat u l-kisbiet tagħhom

Mikroorganizzazzjonijiet: Abwasserverband Anzbach Laabental (l-Awstrija) hija assoċjazzjoni ta’ xogħlijiet tad-drenaġġ innovattivi stabbilita fl-1972. Il-komunitajiet membri jnaddfu d-drenaġġ tagħhom b’mod ekoloġikament razzjonali u jippromwovu fost il-pubbliku rimi ta’ skart li ma jagħmilx ħsara lill-ambjent. Huma jirreġistraw is-sustanzi niġġiesa mhux domestiċi kollha biex jevitaw it-tniġġis perikoluż tal-ilma, u l-membri tal-assoċjazzjoni jikkooperaw biss ma’ fornituri ċċertifikati li jiġu evalwati kull sena.

Organizzazzjonijiet żgħar: Riechey Freizeitanlagen GmbH & Co. KG (il-Ġermanja) tmexxi l-park tal-ikkampjar u tal-vaganzi ta’ Wulfenerhals fuq il-gżira Fehmarn fil-Baħar Baltiku. Dawn stabbilixxew sistema integrata taċ-ċiklu tal-ilma u impjant tat-trattament bijoloġiku tal-ilma li jippermetti l-użu mill-ġdid tal-ilma mormi riċiklat għat-tisqija tal-ħaxix tal-ġonna tagħhom. Huma installaw ukoll mekkaniżmi li jiffrankaw l-ilma fix-xawers tagħhom u jużaw biss likwidi tal-ħasil u tat-tindif bijoloġiċi.

Organizzazzjonijiet ta’ daqs medju: Neumarkter Lammsbräu Gebr. Ehrnsperger e. K. (il-Ġermanja) hija birrerija li tipproduċi birer organiċi u xorb mhux alkoħoliku. Il-kumpanija tiffranka l-ilma billi tuża l-ilma tax-xita u l-ilma rriċiklat. Neumarkter Lammsbräu jedukaw lill-impjegati tagħhom dwar l-iffrankar tal-ilma u jiżguraw l-użu responsabbli tal-ilma mill-bjar tal-kumpanija stess. Ladarba jużaw biss materja prima ekoloġika, l-ebda pestiċida ma jmur fl-ilma mormi tagħhom

Organizzazzjonijiet kbar: Lafarge Cement (ir-Renju Unit), l-ikbar produttur tas-siment tar-Renju Unit ikkummissjona xogħol indipendenti għall-valutazzjoni tal-impronta ekoloġika tal-impatti fuq l-ilma tal-prodotti tagħhom tul iċ-ċiklu tal-ħajja kollu tagħhom. Dan wassal biex l-effiċjenza fil-proċess tal-manifattura tas-siment tjiebet: 1.22m3 ta’ ilma għal kull tunnellata ta’ PCE (Ekwivalenti għal “Portland Cement”) fl-2010, meta mqabbel ma’ 0.142m3 ta’ ilma għal kull tunnellata ta’ PCE fl-2011. Meta jiżviluppaw siment ġdid, dawn issa jqisu l-ilma meħtieġ mill-utent finali.

Ir-rebbieħa mis-settur pubbliku u l-kisbiet tagħhom

Organizzazzjonijiet żgħar: Il-Comune di Tavarnelle Val di Pesa (it-Toskana, l-Italja) jesiġi li teknoloġiji għall-iffrankar tal-ilma jiġu installati f’kull binja ġdida. L-organizzazzjoni introduċiet ukoll pjanijiet għat-titjib agrikolu sabiex jonqsu l-erożjoni u l-iskular. Il-Kunsill issa jqis l-aspetti tal-ġestjoni tal-ilma meta jiddeċiedi dwar investimenti kapitali, dwar l-akkwist u dwar attivitajiet oħra, u jorganizza taħriġ ambjentali għall-industrija tal-ospitalità.

Organizzazzjonijiet kbar: Il-Bristol City Council (ir-Renju Unit) jippromwovi skemi għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma inkluż il-ġbir tal-ilma tax-xita, sistemi sostenibbli għad-drenaġġ urban u konsum tal-ilma mnaqqas fil-programm ortikulturali tal-belt, li mill-2009/10 wassal għal tnaqqis fil-konsum tal-ilma ta’ Bristol bi 11 %. L-istrateġija għall-iżvilupp futur tal-belt tinkludi politiki ewlenin għall-preservazzjoni tal-ilma. Il-kwalità tal-ilma tas-superfiċje tax-xmajjar madwar il-belt qed tiġi mtejba wkoll permezz ta’ inizjattivi lokali.

Sfond

L-Iskema Ewropea ta' Ġestjoni u Verifika Ambjentali (EMAS - European Eco-Management and Audit Scheme) hija għodda ta’ ġestjoni għall-organizzazzjonijiet li jimmiraw li jtejbu l-prestazzjoni ambjentali u finanzjarja tagħhom u li jikkomunikaw il-kisbiet ambjentali tagħhom. L-EMAS twassal għal prestazzjoni, kredibbiltà u trasparenza msaħħa tal-organizzazzjonijiet irreġistrati.

Fl-2005 l-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li tippremja l-ħidma eċċellenti tal-organizzazzjonijiet irreġistrati mal-EMAS bl-introduzzjoni tal-premjijiet EMAS. Il-premjijiet EMAS jirrikonoxxu l-kisbiet eċċezzjonali f’aspett wieħed partikolari ta’ ġestjoni ambjentali kull sena.

It-tema tal-premjijiet tal-2012 hija “Il-ġestjoni tal-ilma, inklużi l-Effiċjenza fl-Użu tal-Ilma u l-Kwalità tal-Ilma ”. Din is-sena, ġew innominati 27 korp minn 14-il pajjiż Ewropew. Sitt rebbieħa ntgħażlu minn ġurija ta’ esperti ppreseduta minn Jacqueline McGlade, id-Direttriċi Eżekuttiva tal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent. Iċ-Ċerimonja tal-Premjijiet saret fl-"Ateliers des Tanneurs" fi Brussell, il-Belġju.

Għal iktar informazzjoni:

http://ec.europa.eu/environment/emas/emasawards/index.htm

Ir-Regolament dwar l-EMAS:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=CELEX:32009R1221:MT:NOT

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website