Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: il-Kummissjoni titlob għal rispons akbar għad-degradazzjoni tal-ħamrija

Commission Européenne - IP/12/128   13/02/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

L-Ambjent: il-Kummissjoni titlob għal rispons akbar għad-degradazzjoni tal-ħamrija

Brussell, is-13 ta’ Frar 2012. Id-degradazzjoni tal-ħamrija hija fenomenu inkwetanti fl-UE. Bejn l-1990 u l-2006, intilfu kuljum b'mod permanenti mill-anqas 275 ettaru ta' ħamrija permezz tal-issiġillar tal-ħamrija – il-kisi ta' art fertili b'materjal impermeabbli – li jammonta għal 1 000 km² fis-sena, jew medda ta' art daqs Ċipru kull għaxar snin. Fl-Ewropa, l-erożjoni tal-ħamrija permezz tal-ilma, hija stmata li taffettwa 1.3 miljun km, li hija erja id-daqs ta' Franza għal darbtejn u nofs. Id-degradazzjoni tal-ħamrija taffettwa l-ħila tagħna li nipproduċu l-ikel, li nevitaw in-nixfiet u l-għarar, li nwaqquf it-telf tal-bijodiversità u nikkumbattu tibdil fil-klima. Dawn huma wħud mill-konklużjonijiet ta' żewġ rapporti ġodda ppreżentati mill-Kummissjoni dwar il-politika u l-aspetti xjentifiċi tal-ħamrija Ewropea.

Il-Kummissjarju għall-Ambjent Janez Potočnik qal: "Dawn ir-rapporti jisħqu fuq l-importanza li l-ħamrija Ewropea tkun ippreservata jekk irridu nħarsu l-provvisti ta' ikel ta' kwalità u ilma ta' taħt l-art nadif, spażji nodfa ta' rikreazzjoni u anqas emissjonijiet ta' gassijiet serra. Jeħtieġ li nużaw ir-riżorsi mill-ħamrija tagħna b'mod aktar sostenibbli. L-aqwa mezz li bih nistgħu nagħmlu dan, huwa permezz ta' strateġija komuni madwar l-UE. Il-Kummissjoni ressqet proposti leġiżlattivi għad-diskussjoni u nittama li r-rapporti l-ġodda tagħna ser jgħinu lill-Kunsill u l-Parlament biex jibdew jieħdu azzjoni. "

Ir-rapporti jenfassizzaw il-ħtieġa għal azzjoni biex ma nħallux il-ħamrija tal-Ewropa tkompli tiddeterjora. Fl-aħħar deċennju, l-erozjoni, l-issiġġillar tal-ħamrija u l-aċidifikazzjoni, kollha kemm huma żdiedu u aktarx li din ix-xejra ser tissokta sakemm jiġu indirizzati l-isfidi bħal ma huma l-użu akbar tal-art, in-nuqqas ta' effiċjenza fl-użu tar-riżorsi u l-preservazzjoni tal-materja organika fil-ħamrija. Skont ir-rapport tal-politika, wara ħames snin mill-adozzjoni tal-Istrateġija Tematika tal-Ħamrija, għadhom ma jeżistu l-ebda protezzjoni u monitoraġġ sistematiku tal-ħamrija madwar l-Ewropa. Dan ifisser li l-azzjonijiet eżistenti mhumiex biżżejjed biex jiżguraw livell xieraq ta' protezzjoni għall-ħamrija fl-Ewropa.

Bi preparazzjoni għal azzjoni fuq livell tal-UE, il-Kummissjoni qed taħdem biex tappoġġa inizjattivi ta' sensibilizzazzjoni dwar il--ħamrija, proġetti ta' riċerka u monitoraġġ bħal LUCAS, stħarriġ dwar il-kopertura tal-art, l-użu tal-art u l-indikaturi agroambjentali mmexxija mill-Eurostat. Il-Kummissjoni kompliet tintegra wkoll l-għanijiet tal-protezzjoni tal-ħamrija f'politiki oħrajn tal-UE, li jinkludu l-iżvilupp agrikolu u dak rurali. Madwar EUR 3.1 biljun ġew allokati biex jiġu riabilitati s-siti industrijali u l-artijiet imniġġsa bħala parti mill- Politika ta' Koeżjoni għall-perjodu 2007-2013. L-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka u l-Ġermanja kienu l-pajjiżi li l-aktar allokaw finanzi (EUR 475, EUR 371, u EUR 332 miljun rispettivament).

Minbarra l-azzjonijiet kontinwi mmirati biex jindirizzaw id-degradazzjoni tal-ħamrija, il-Kummissjoni biħsiebha ssostni r-riċerka u l-monitoraġġ tal-ħamrija, tiffinalizza l-linji gwida dwar l-issiġġillar tal-ħamrija u tkompli tintegra l-kunsiderazzjonijiet tal-ħamrija fir-reviżjoni li jmiss tad-Direttiva dwar il-Valutazzjoni tal-Impatt Ambjentali. Il-Kummissjoni ser tipproponi wkoll kontabilità għall-użu tal-art, bidliet fl-użu tal-art u l-emissjonijiet mill-forestrija (LULUCF) bħala parti mill-impenn tal-UE dwar it-tibdil fil-klima għall-2002, kif ukoll li taħdem f'livell internazzjonali biex tippromwovi inizjattivi marbuta mal-ħamrija.

Ir-rapport xjentifiku 'The state of soil in Europe' ġie ppubblikat miċ-Ċentru Konġunt għar-Riċerka tal-Kummissjoni Ewropea, b'kollaborazzjoni mal-Aġenzija Ewropea għall-Ambjent u jipprovdi ħarsa ġenerali komprensiva lejn l-għarfien tagħna tal-lum tar-riżorsi tal-ħamrija u l-proċessi ta' degradazzjoni. Ir-rapport jikkonkludi li jenħtieġu aktar riċerka u ġbir aħjar ta' dejta , biex intejbu l-għarfien tagħna u nkabbru l-aspettativa tal-pubbliku dwar l-importanza tal-ħamrija.

Il-Passi li Jmiss

Il-Parlament Ewropew u l-Kunsill issa huma mistiedna jressqu l-opinjonijiet tagħhom dwar ir-rapport tal-politika.

Sfond

Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea adottat Direttiva Qafas dwar il-Ħamrija li tindirizza l-protezzjoni tal-ħamrija, inklużi l-aspetti transkonfinali tagħha. Id-Direttiva għandha l-għan li tiżgura l-produttività tal-ħamrija, speċjalment għall-produzzjoni tal-ikel, jiġi limitat ir-riskju fuq is-saħħa tal-bniedem u l-ambjent, tipprovdi l-opportunitajiet għall-mitigazzjoni u l-addattament klimatiku u biex jiġu stimulati l-opportunitajiet tan-negozju għar-rimedji lill-ħamrija. Ladarba tiġi adottata d-Direttiva, li għadha qed tiġi diskussa fil-Kunsill u l-Parlament Ewropew, din ser tikkontribwixxi biex jiġu indirizzati ċerti kwistjonijiet li ġew misħuqa fir-rapport.

Għal aktar tagħrif:

Rapport tal-politika: http://ec.europa.eu/environment/soil/three_en.htm

Rapport xjentifiku: http://ec.europa.eu/dgs/jrc/index.cfm?id=2540

Ara wkoll:

MEMO/06/341 on the Soil Thematic Strategy

http://ec.europa.eu/environment/soil/index_en.htm

http://eusoils.jrc.ec.europa.eu/

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site