
Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, id-29 ta' Novembru 2012
Il-Kummissjoni tniedi konsultazzjoni dwar is-suq integrat tal-konsenja tal-pakki biex tagħti spinta lill-kummerċ elettroniku fl-UE
Għal ħafna negozji tal-kummerċ elettroniku, il-ġimgħat li jwasslu għall-Milied jirrappreżentaw wieħed mill-iktar perjodi intensi tas-sena għall-bejgħ. Madanakollu, għadd minnhom qed jitilfu n-negozju potenzjali minħabba tħassib dwar il-konsenja. Studji juru li 9 % tal-konsumaturi tal-UE biss jixtru prodotti onlajn minn pajjiżi oħra, bil-bejjiegħa elettroniċi u l-konsumaturi jesprimu t-tħassib tagħhom dwar in-nuqqasijiet tas-sistemi ta’ konsenja attwali użati għal prodotti ordnati onlajn. 57 % tal-bejjiegħa elettroniċi jqisu l-konsenja transfruntier bħala xkiel għall-kummerċ, filwaqt li 47 % tal-konsumaturi jinkwetaw dwar il-konsenja fi tranżazzjonijiet transfruntieri. Sistema effiċjenti ta’ konsenja (u ritorn) hija essenzjali biex tiffaċilita t-tkabbir ulterjuri fil-kummerċ elettroniku, u b'hekk ukoll l-għażla u l-konvenjenza tal-konsumaturi.
Hemm ħtieġa urġenti li jiġi indirizzat it-tħassib rigward il-konsenja u li jittejbu s-sistemi ta' konsenja. Huwa għalhekk li llum il-Kummissjoni adottat konsultazzjoni bi Green Paper dwar il-konsenja tal-pakki, b’enfasi speċjali fuq kwistjonijiet transfruntieri u l-ħtiġijiet tal-kummerċ elettroniku.
“Il-konsultazzjoni tal-Green Paper se tgħin biex tidentifika l-miżuri x-xierqa biex itejbu l-konsenja ta’ pakki fis-suq uniku,” qal Michel Barnier, il-Kummissarju Ewropew għas-Suq Intern u s-Servizzi. “Sistema ta’ konsenja flessibbli u bi prestazzjoni tajba mal-UE kollha, li tiffoka fuq il-ħtiġijiet speċifiċi tal-kummerċ elettroniku, se tikkontribwixxi direttament għall-potenzjal enormi tal-kummerċ elettroniku biex tagħti spinta lit-tkabbir u toħloq l-impjiegi.”
Elementi ewlenin tal-Green Paper:
Ġew identifikati tliet oqsma ta’ prijorità biex jindirizzaw il-problemi u l-isfidi li qed jaffaċċjaw il-bejjiegħa elettroniċi u l-konsumaturi fl-UE:
Titjib fil-konvenjenza tas-servizzi ta’ konsenja għall-konsumaturi u l-SMEs madwar l-UE;
L-iżgurar ta’ soluzzjonijiet ta’ konsenja aktar kosteffettivi, u ta’ prezzijiet aħjar għall-konsumaturi u l-SMEs;
Il-promozzjoni ta’ interoperabbiltà mtejba tas-servizzi ta' konsenja bejn l-operaturi (sħubjiet u kooperazzjoni aħjar), u bejn l-operaturi u l-bejjiegħa elettroniċi, partikolarment l-SMEs.
B’din il-Green Paper, il-Kummissjoni se tiġbor tagħrif dwar il-qagħda attwali tas-suq tal-konsenji għal prodotti li jinxtraw onlajn, u tidentifika kwalunkwe ostaklu potenzjali għall-ħolqien ta’ suq integrat tal-konsenja tal-pakki mal-Ewropa kollha. Se tfittex l-fehmiet tal-partijiet interessati dwar kif l-aħjar iservu l-interessi tal-konsumaturi, in-negozji u l-konsumaturi aħħarija. Abbażi tat-tagħrif miġbur, il-Kummissjoni se tidentifika soluzzjonijiet biex tgħin fl-iżvilupp ta’ proċess ta’ konsenja tal-pakki mingħajr xkiel fl-UE, sabiex tappoġġa t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku, u tassigura li l-benefiċċji tal-kummerċ elettroniku jkunu aċċessibbli għaċ-ċittadini u l-SMEs kollha madwar ir-reġjuni kollha tal-Ewropa permezz ta' sistema ta' konsenja sostenibbli u li tiffunzjona sew.
Sfond
Din il-konsultazzjoni tifforma parti mill-ħidma li għadha għaddejja tal-Kummissjoni dwar l-iżvilupp tal-kummerċ elettroniku. Il-kummerċ elettroniku huwa ġeneralment rikonoxxut bħala kontributur ewlieni għat-tkabbir ekonomiku u għal livelli dejjem jiżdiedu ta’ impjieg fl-Unjoni Ewropea. Il-Komunikazzjoni tal-Kummissjoni dwar il-kummerċ elettroniku u s-servizzi onlajn, ta’ Jannar li għadda (ara IP/12/10), tidentifika l-konsenja bħala waħda mill-ħames prijoritajiet ewlenin għall-ixprunar tal-kummerċ elettroniku sal-2015, u l-importanza tagħha ġiet imtennija mill-Kunsill Ewropew u mill-Parlament. Il-konsenja hija tabilħaqq kruċjali peress li għandha impatt sostanzjali fuq l-iffaċilitar tal-kummerċ elettroniku, u hija element ewlieni biex tinbena l-fiduċja bejn il-bejjiegħa u x-xerrejja.
Il-partijiet interessati huma mistiedna jwieġbu għal din il-konsultazzjoni qabel il-15 ta’ Frar 2013.
Ara wkoll MEMO/12/923.
Għal aktar tagħrif
Ħolqa għall-konsultazzjoni:
http://ec.europa.eu/internal_market/consultations/2012/parcels-delivery_en.htm
Aktar tagħrif dwar is-suq postali:
http://ec.europa.eu/internal_market/post/index_en.htm
Komunikazzjoni tal-kummerċ elettroniku:
http://ec.europa.eu/internal_market/e-commerce/communication_2012_en.htm
Vidjo li juri l-problemi li jiltaqa’ magħhom il-bejjiegħ elettroniku:
http://www.youtube.com/watch?v=g22ydMKWLxU
Kuntatti: Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21) Carmel Dunne (+32 2 299 88 94) Audrey Augier (+32 2 297 16 07) |