Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-29 ta' Novembru 2012

L-ambjent: Il-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa 2013 – Nantes, Franza

Illum f’ċerimonja fi Brussell, Nantes, is-sitt l-akbar belt fi Franza, irċiviet it-titlu ta’ Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa, li qabel kien għand Vitoria-Gasteiz fi Spanja. Nantes ingħatat it-titlu ta’ Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa 2013 wara kompetizzjoni intensiva mal-Ewropa kollha fl-2010.

Il-Kummissarju Potočnik qal: "Jiena nawgura lil Nantes talli ngħatat it-titlu ta’ Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa 2013, titlu li jġib miegħu responsabbiltà kbira. Il-Premju jirrikonoxxi l-aħjar prattiki ambjentali, inkluż fl-oqsma ta’ kontribuzzjoni lokali għal trasport sostenibbli u l-użu tal-art, żoni urbani ħodor, il-konsum tal-ilma u l-ġlieda kontra t-tibdil fil-klima globali."

Nantes għandha ħafna kredenzjali ambjentali li għenuha tirbaħ dan it-titlu. Fosthom:

  • Kulħadd f’Nantes jgħix għall-anqas 300 metru ’l bogħod minn żona ħadra

  • Għal kull persuna hemm 57 m² ta’ spazju aħdar

  • Fil-belt hemm 100,000 siġra

  • 15 % tar-residenti jużaw it-trasport pubbliku kuljum

  • Nantes għandha Pjan għall-Azzjoni Klimatika ambizzjuż biex tnaqqas l-emissjonijiet tad-CO2 bi 30 % per capita sal-2020 meta imqabbel mal-2003

  • 60 % taż-żona tal-art f’Nantes hija agrikola jew żona ħadra

  • Il-belt għandha erba’ siti ta’ Natura 2000 u 33 żona naturali ta’ interess għall-flora, għall-fawna jew għall-ekoloġija.

Nantes ipproduċiet ukoll wirja itineranti bl-isem ta’ Aéroflorale II. Il-wirja, li se ddur bliet Ewropej matul l-2013, tikkonsisti minn spettaklu li jissejjaħ "espedizzjoni tal-pjanti", li se jservi bħala vetrina għall-kontribuzzjoni ta’ Nantes għall-aħjar prattiki ambjentali, filwaqt li jqajjem kuxjenza dwar il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa, permezz ta' esperimenti u skoperti bijoloġiċi. Brussell se jilqa’ l-Aéroflorale f’Mejju 2013.

Nantes fasslet ukoll kalendarju vast ta’ avvenimenti biex tikkondividi l-esperjenzi tagħha mad-dinja u tiċċelebra s-suċċessi tal-belt. Il-kalendarju jinkludi l-ħames Forum Dinji dwar id-Drittijiet Umani intitolat "Żvilupp Sostenibbli / Drittijiet Umani: taqbida komuni?” (Mejju 2013); l-10 Konferenza Ecocity (Settembru 2013); u t-tielet laqgħa dinjija tal-ibliet għall-iffirmar tal-pattijiet fil-Messiku fil-moviment tal-Ecocity Builders.

Sfond

Il-Premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika Ewropea jingħata lil belt li tinsab fuq quddiem nett fl-għajxien urban ekoloġiku. Il-bliet jiġu vvalutati minn bord ta’ esperti abbażi ta’ tnax-il indikatur ambjentali, u mbagħad ġurija tevalwahom fuq l-impenn tagħhom lejn miri ambjizzjużi u kontinwi għal aktar titjib ambjentali u żvilupp sostenibbli, u safejn jistgħu jservu ta’ mudell u jippromwovu l-aħjar prattiki għal bliet Ewropej oħra. Minbarra li jispira bliet oħrajn, dan il-profil imtejjeb għandu jservi biex isaħħaħ ir-reputazzjoni u l-attrazzjoni tal-belt rebbieħa bħala destinazzjoni għal min jixtieq iżurha, jaħdem jew saħanistra jgħix fiha.

Ħamest ibliet ingħataw il-premju tal-Belt Kapitali Ekoloġika tal-Ewropa mindu tnieda fl-2010. Stokkolma rebħet it-titlu inawgurali, segwita b’Hamburg fl-2011, u Vitoria-Gasteiz fi Spanja fl-2012; Nantes se tgħaddi t-titlu lil Kopenħagen għall-2014.

Nantes tinsab fil-konfluwenza tax-xmajjar Loire, Erdre u Sèvre, 55 km mill-kosta Atlantika ta’ Franza, u tifforma l-qalba taż-żona urbana tar-Reġjun ta’ Nantes. Hija s-sitt l-akbar belt fi Franza, b’popolazzjoni metropolitana ta’ madwar 600,000 abitant u superfiċje urbana ta' 534.9 km².

Għal iktar tagħrif:

www.europeangreencapital.eu / Twitter: @EU_GreenCapital

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website