Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Infrastruttura tat-trasport: Il-Kummissjoni tiżblokka ‘l fuq minn EUR 1.2 biljun biex tiffinanzja proġetti ewlenin tat-TEN-T

Commission Européenne - IP/12/1281   29/11/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-29 ta' Novembru 2012

Infrastruttura tat-trasport: Il-Kummissjoni tiżblokka ‘l fuq minn EUR 1.2 biljun biex tiffinanzja proġetti ewlenin tat-TEN-T

Il-Kummissjoni Ewropea nediet żewġ Sejħiet għal Proposti taħt il-programmi pluriennali u annwali tan-Netwerk Trans-Ewropew tat-Trasport (TEN-T) tal-2012, u b'hekk għamlet EUR 1.265 biljun disponibbli għall-iffinanzjar ta’ proġetti Ewropej tal-infrastruttura tat-trasport għall-mezzi kollha tat-transport – bl-ajru, ferrovjarju, bit-triq u fuq passaġġi tal-ilma marittimi/interni – kif ukoll il-loġistika u s-sistemi intelliġenti tat-trasport, u fl-Istati Membri kollha tal-UE.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għat-trasport, Siim Kallas, qal: “Meta tagħmel dan l-ammont konsiderevoli ta’ finanzjament disponibbli, il-Kummissjoni timmira li terġa' tniedi b'mod kompetittiv l-ekonomija Ewropea, biex issostni u tappoġġa t-tkabbir. Billi nallokaw dawn il-flus għall-infrastruttura tat-TEN-T, qed inkomplu ngħinu fit-twettiq tan-netwerk TEN-T kollu – u b’hekk inwasslu benefiċċju tanġibbli lin-negozji u liċ-ċittadini kollha Ewropej li se jaħsdu l-frott ta’ sistema Ewropea tat-trasport aktar effiċjenti, sostenibbli u effettiva.”

Il-programm pluriennali TEN-T tradizzjonalment jiffinanzja l-ogħla prijoritajiet tan-netwerk TEN-T. Is-sejħa pluriennali ta’ din is-sena tisħaq fuq sitt oqsma b’baġit totali indikattiv disponibbli ta’ EUR 1.015 biljun:

  1. it-30 Proġett ta’ Prijorità tat-TEN-T: baġit indikattiv ta' EUR 725 miljun

  2. is-Sistema Ewropea tal-Ġestjoni tat-Traffiku Ferrovjarju (ERTMS), li tippermetti l-interoperabilità fin-netwerk ferrovjarju Ewropew: baġit indikattiv ta' EUR 100 miljun

  3. is-Servizzi tal-Informazzjoni tax-Xmajjar (RIS), li jinvolvu l-infrastruttura tal-ġestjoni tat-traffiku fin-netwerk tal-passaġġi tal-ilma interni: baġit indikattiv ta' EUR 10 miljun

  4. il-Ġestjoni tat-Traffiku tal-Ajru (ATM), l-implimentazzjoni tal-Ajru Uniku Ewropew u l-għanijiet ta' modernizzazzjoni tal-ATM: baġit indikattiv ta' EUR 50 miljun

  5. Awtostradi tal-Baħar (MoS) li jipprovdu alternattivi vijabbli għal toroq traffikużi billi jiddevjaw l-merkanzija għal rotot tal-baħar: baġit indikattiv ta' EUR 80 miljun

  6. Sistemi ta’ Trasport Intelliġenti (ITS), inkluż is-Servizz Ewropew ta' Pedaġġ Elettroniku (EETS), li jippromwovi intermodalità u titjib fis-sikurezza u l-affidabilità tan-netwerk: baġit indikattiv ta' EUR 50 miljun

Il-programm annwali jikkumplimenta l-programm pluriennali u jalloka l-fondi għal erba’ prijoritajiet distinti b’baġit totali indikattiv ta' EUR 250 miljun:

  1. l-aċċelerazzjoni/iffaċilitar tal-implimentazzjoni tal-proġetti tat-TEN-T (studji u xogħlijiet għal proġetti maturi għall-modi kollha, bħala parti mill-proġetti ta’ interess komuni): baġit indikattiv ta' EUR 150 miljun

  2. miżuri għall-promozzjoni tal-innovazzjoni u ta' teknoloġiji ġodda għall-infrastruttura u l-faċilitajiet tat-trasport li jikkontribwixxu għad-dikarbonizzazzjoni jew għat-tnaqqis tal-kostijiet esterni inġenerali:

  3. baġit indikattiv ta' EUR 40 miljun

  4. sostenn għal Sħubijiet Pubbliċi-Privati (PPPs) u strumenti finanzjarji innovattivi: baġit indikattiv ta' EUR 25 miljun

  5. sostenn għall-implimentazzjoni fit-tul tat-TEN-T, b'mod partikolari f’dak li jirrigwarda kurituri: baġit indikattiv ta' EUR 35 miljun

L-Aġenzija Eżekuttiva tat-TEN-T (TEN-T EA) tikkontrolla l-implimentazzjoni teknika u finanzjarja tal-programm tat-TEN-T, taħt il-patroċinju tad-Direttorat-Ġenerali għall-Mobilità u t-Trasport. Illum, id-29 ta’ Novembru 2012, it-TEN-T EA qed torganizza Jum ta’ Informazzjoni fi Brussell biex tgħin lil applikanti potenzjali jifhmu aħjar il-prijoritajiet tas-sejħa, iħejju l-proposti tagħhom u jitgħallmu dwar il-proċess ta' valutazzjoni.

Il-proposti jridu jitressqu sat-28 ta' Frar 2013.

Għal aktar tagħrif, jekk jogħġbok żur is-sit http://tentea.ec.europa.eu/ jew ibgħat e-mail fuq: TENT-AGENCY@ec.europa.eu

Kuntatti :

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site