Navigation path

Left navigation

Additional tools

Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija: Appoġġ għall-aġġustament makroekonomiku fl-UE

European Commission - IP/12/1275   28/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-28 ta' Novembru 2012

Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija: Appoġġ għall-aġġustament makroekonomiku fl-UE

Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi t-tieni ċiklu annwali tal-Proċedura għall-Iżbilanċ Makroekonomiku (MIP) għall-2013 bil-pubblikazzjoni tar-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija (AMR). Ir-rapport isejjaħ għal reviżjonijiet fil-fond tal-iżviluppi marbutin mal-akkumulu u l-korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi f'14-il Stat Membru tal-UE: il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit.

Olli Rehn, il-Viċi President responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u għall-Euro, qal: "L-UE għaddejja minn proċess diffiċli ta' korrezzjoni tal-iżbilanċi makroekonomiċi li nħolqu u akkumulaw fid-deċennju ta' qabel il-kriżi. Sal-lum diġà sar ħafna progress, u r-riformi qegħdin iħallu l-frott. Madankollu, il-proċess ta’ bbilanċjar mill-ġdid għad fadallu ħafna biex jitlesta, u ser ikompli jagħti sura lill-pajsaġġ ekonomiku għal ħafna snin. Bis-saħħa tal-Proċedura għall-Iżbilanċ Makroekonomiku, il-Kummissjoni tiggwida lill-Istati Membri sabiex dawn jadottaw politiki xierqa li jindirizzaw l-iżbilanċi u jqiegħdu s-sisien għat-tkabbir sostenibbli u għall-ħolqien tal-impjiegi."

L-analiżi fl-AMR hija msejsa fuq klassifika ta' ħdax-il indikatur makroekonomiku li jiffukaw fuq l-iżviluppi fil-kompetittività, id-dejn, il-prezzijiet tal-assi, l-aġġustament, u l-interkonnessjonijiet mas-settur finanzjarju. Bl-użu ta’ din il-klassifika bħala l-punt tat-tluq, il-Kummissjoni tivvaluta l-qagħda makroekonomika billi tirreferi wkoll għal informazzjoni u indikaturi addizzjonali, u billi tqis kif xieraq iċ-ċirkustanzi speċifiċi għal kull pajjiż. Fl-AMR, il-Kummissjoni tidentifika l-Istati Membri li l-qagħda makroekonomika tagħhom teħtieġ iktar skrutinju, permezz ta’ reviżjoni fil-fond li r-riżultat tagħha ma jiġix iġġudikat minn qabel. Ikun biss wara li jintemmu r-reviżjonijiet fil-fond, fir-rebbiegħa li ġejja, li l-Kummissjoni tikkonkludi jekk jeżistux żbilanċi, jew żbilanċi eċċessivi. Wara dan, il-Kummissjoni tipproponi r-rakkomandazzjonijiet politiċi xierqa.

L-AMR juri li qed isir progress fl-aġġustament tal-iżbilanċi makroekonomiċi. Fil-pajjiżi bl-ikbar żbilanċi esterni, id-defiċit tal-kontijiet kurrenti qiegħed jonqos, mirfud minn prestazzjoni tal-esportazzjonijiet li qed titjieb bil-mod il-mod u minn kisbiet fil-kompetittività, filwaqt li l-korrezzjoni fis-suq tal-proprjetà għadha għaddejja. Madankollu, dan il-proċess ta' bbilanċjar mill-ġdid, li huwa prerekwiżit għat-tkabbir sostenibbli fit-tul, baqagħlu ħafna u ħafna x'jaqdef. Fil-medda l-qasira, ser ikompli jolqot ħażin it-tkabbir u l-impjiegi f'għadd ta' pajjiżi. L-aġġustament li għaddej bħalissa jinvolvi korrezzjoni kemm ċiklika u kemm strutturali, għalkemm jidher li, fil-parti l-kbira tal-pajjiżi, hija l-korrezzjoni strutturali li tiddomina. B'mod parallel mal-aġġustament fl-Istati Membri b'defiċit kbir tal-kontijiet kurrenti, il-bilanċi esterni ta’ ħafna Stati Membri b'bilanċ pożittiv qegħdin jonqsu, għalkemm b'pass aktar kajman. L-importanza tad-domanda domestika fl-attività ekonomika tal-pajjiżi b'bilanċ pożittiv, li kulma jmur qed tikber, u ż-żidiet relattivament dinamiċi fis-salarji, jissuġġerixxu li l-kontribut tal-pajjiżi b'bilanċ pożittiv lejn l-ibbilanċjar mill-ġdid jista’ jikber fis-snin li ġejjin.

L-14-il Stat Membru li għalihom il-Kummissjoni ser tvara reviżjoni fil-fond qed iħabbtu wiċċhom ma' sfidi u riskji potenzjali differenti. Għal tnax minnhom, diġà saret analiżi fil-fond fis-sessjoni tal-MIP tal-2012, u nstabu żbilanċi li kienu jvarjaw fin-natura u l-gravità tagħhom. Dawn il-pajjiżi rċevew pariri politiċi permezz tar-rakkomandazzjonijiet speċifiċi għal kull pajjiż fil-qafas tas-Semestru Ewropew (MEMO/12/388) f'Mejju li għadda. Il-Kummissjoni tqis li jkun ta' siwi li terġa' tingħata ħarsa iktar mill-qrib lejn ir-riskji involuti u lejn il-progress li għaddej bħalissa fil-korrezzjoni tal-iżbilanċi f'dawn l-Istati Membri. Fil-każ ta’ Malta u tal-Pajjiżi l-Baxxi, se tkun l-ewwel darba li qed issirilhom reviżjoni fil-fond fil-qafas tal-MIP.

Il-pajjiżi li huma soġġetti għal sorveljanza fil-qafas ta’ programmi ta’ aġġustament ekonomiku mirfudin minn finanzjament uffiċjali ma jiġux ivvalutati fl-AMR. Dan jikkonċerna l-Irlanda, il-Greċja, il-Portugall u r-Rumanija. Dan l-approċċ jevita d-duplikazzjoni tal-proċeduri u tal-obbligi ta’ rappurtar, u huwa konsistenti ma' dak li hemm ippjanat fl-hekk imsejħa proposta “doppja” ("two-pack proposal"), li tiffoka fuq il-mekkaniżmi ta’ sorveljanza fiż-żona tal-ewro. L-AMR jiddiskuti l-qagħda fi Spanja, billi l-finanzjament uffiċjali li dan il-pajjiż qed jingħata huwa speċifiku għar-rikapitalizzazzjoni tal-banek. Il-qagħda f’Ċipru u dik fl-Ungerija qed jiġu diskussi wkoll, billi n-negozjati dwar l-assistenza finanzjarja għadhom ma waslux fi tmiemhom.

Il-passi li jmiss

Il-konklużjonijiet tar-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta' Twissija se jiġu diskussi fil-Grupp tal-ewro u fil-Kunsill għall-Affarijiet Ekonomiċi u Finanzjarji, l-ECOFIN. Il-Kummissjoni qiegħda tibgħat ir-rapport ukoll lill-Parlament Ewropew.

Ir-reviżjonijiet fil-fond speċifiċi għal kull pajjiż se jitħejjew mill-Kummissjoni stess, u mistennija jiġu ppubblikati fir-rebbiegħa, fil-qafas tas-Semestru Ewropew.

Sfond

Il-Proċedura għall-Iżbilanċ Makroekonomiku (MIP) ġiet introdotta bis-sett ta' leġiżlazzjoni “ta’ sitt aspetti” (l-hekk imsejjaħ "six-pack"), li daħal fis-seħħ fit-13 ta’ Diċembru 2011 (MEMO/11/898), bil-għan li jsaħħaħ is-sorveljanza makroekonomika u fiskali fl-UE. Is-sorveljanza fil-qafas tal-MIP tifforma parti mis-"Semestru Ewropew", li jiżgura koordinazzjoni tal-politika ekonomika tal-UE li tkun integrata u li tħares 'il quddiem.

Il-MIP għandha lat ta’ prevenzjoni u lat ta' korrezzjoni. Il-lat ta’ prevenzjoni jippermetti lill-Kummissjoni u lill-Kunsill jadottaw rakkomandazzjonijiet fi stadju bikri, qabel ma l-iżbilanċi jsiru eċċessivi. F'każijiet iktar serji japplika l-lat ta’ korrezzjoni, li jiskatta Proċedura għall-Iżbilanċ Eċċessiv. Sabiex jiġi żgurat l-infurzar ta’ din il-Proċedura, jistgħu jiġu imposti sanzjonijiet finanzjarji fuq l-Istati Membri taż-żona tal-ewro.

Għal aktar tagħrif ara:

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/documents/alert_mechanism_report_2012-11_en.pdf

http://ec.europa.eu/economy_finance/economic_governance/macroeconomic_imbalance_procedure/index_en.htm

MEMO/12/912

MEMO/12/388

MEMO/12/104

IP/12/132

Kuntatti:

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website