Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-28 ta’ Novembru 2012

L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2013: Inħejju t-triq għall-irkupru

Brussell, it-28 ta’ Novembru 2012 – Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat l-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir (SAT), li jistabbilixxi ħames prijoritajiet imfassla biex jiggwidaw lill-Istati Membri matul il-kriżi lejn it-tkabbir imġedded. Is-SAT jagħti bidu lis-Semestru Ewropew għall-koordinazzjoni tal-politika ekonomika, li jiżgura li l-Istati Membri jallinjaw il-pjanijiet baġitarji u ekonomiċi tagħhom mal-Patt ta’ Stabbiltà u Tkabbir u mal-Istrateġija Ewropa 2020.

Fil-kummenti tiegħu dwar il-prijoritajiet, José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: “Huwa kruċjali li nżommu mal-istrateġija tagħna ta’ konsolidament fiskali li jiffavorixxi t-tkabbir ekonomiku, ir-riformi ekonomiċi u l-investimenti mmirati. Dan huwa l-uniku mod biex terġa’ tinkiseb il-fiduċja u noħolqu tkabbir sod u dejjiemi. Nifhem li dawn ir-riformi huma diffiċli u jista’ jkollhom konsegwenzi soċjali, li hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni qed tagħmel l-almu tagħha biex tagħmel l-irkupru rikk fl-impjiegi kemm jista’ jkun. L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir jipprovdi lill-Istati Membri gwida politika, filwaqt li jiżgura li l-piż tar-riforma tkun maqsuma b’mod ġust u li dawk li huma l-aktar vulnerabbli jkunu protetti.”

Il-messaġġ prinċipali tas-SAT din is-sena huwa li filwaqt li l-politiki tal-UE qed jibdew juru r-riżultati – l-iżbilanċi qed jonqsu, t-tensjonijiet fis-swieq finanzjarji qed jikkalmaw u hemm sinjali li l-kompetittività qed titjieb f’xi Stati Membri – riforma kontinwa hija meħtieġa biex tiġġenera tkabbir u impjiegi sostenibbli. Din hija r-raġuni għaliex il-Kummissjoni tqis li l-ħames prijoritajiet deskritti fis-SAT tas-sena l-oħra (ara MEMO/11/821) għadhom validi. Il-ħames prijoritajiet huma: li nfittxu li nwettqu konsolidazzjoni fiskali differenzjata u li tiffavorixxi t-tkabbir; li jiġi restawrat is-self normali lill-ekonomija; li jiġu promossi t-tkabbir ekonomiku u l-kompetittività għal-lum u għal għada; li jiġu indirizzati l-qgħad u l-konsegwenzi soċjali tal-kriżi; u l-modernizzazzjoni tal-amministrazzjoni pubblika.

Kull waħda mill-ħames prijoritajiet hija ffokata fuq il-kisba tat-tkabbir u l-impjiegi, b’enfasi speċjali fuq l-ekwità. Ma hemm l-ebda pjan ta’ “soluzzjoni waħda għal kollox” biex jagħti spinta lit-tkabbir u lill-impjiegi, iżda hemm għanijiet komuni u sensiela ta’ riformi biex wieħed jikkunsidra. Appoġġ immirat għar-riċerka fis-setturi pubbliċi u privati, sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ aħjar biex jiżdiedu l-livelli ġenerali tal-ħiliet, u reġim legali aktar sempliċi għan-negozji ġodda – dawn il-miżuri kollha jistgħu jgħinu biex tingħata spinta lill-kompetittività u għalhekk lit-tkabbir. Is-Suq Uniku u l-iżvilupp ulterjuri ta’ industriji tan-netwerk (it-trasport, l-enerġija u l-infrastrutturi tal-internet) ukoll joffru opportunitajiet għan-negozji biex jiżviluppaw u għall-konsumaturi biex jibbenefikaw minn servizzi u prodotti aħjar.

L-adozzjoni ta’ Patt għat-Tkabbir u l-Impjiegi mill-Kapijiet tal-Istat jew tal-Gvern fil-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju 2012 għandu jagħti spinta għall-isforzi tal-UE u tal-Istati Membri biex jimmobilizzaw l-għodod għat-tkabbir li għandhom fil-kapaċità tagħhom – mill-implimentazzjoni tal-Atti dwar is-Suq Uniku għall-użu aktar immirat tal-Fondi Strutturali tal-UE. Riċentament il-Kummissjoni pproponiet ukoll strateġija biex ittejjeb it-tħaddim tas-swieq tal-enerġija, kif ukoll miżuri sabiex tiġi rinfurzata l-politika industrijali. Barra minn hekk, is-sejbien ta’ ftehim ġenerali dwar il-qafas finanzjarju pluriannwali tal-UE għall-2014-2020 se jkun essenzjali għar-restawr tat-tkabbir u l-kompetittività madwar l-Ewropa u biex jintlaħqu l-miri tagħna tal-Ewropa 2020.

Is-SAT jenfasizza li s-sitwazzjoni tas-suq tax-xogħol titlob rispons urġenti. Matul l-aħħar 12-il xahar, in-numru ta’ nies qiegħda żdied b’2 miljuni u issa hemm aktar minn 25 miljun persuna mingħajr xogħol. Il-qgħad fit-tul laħaq l-ogħla livelli allarmanti u s-sitwazzjoni taż-żgħażagħ marret għall-agħar b’mod drammatiku f’ħafna pajjiżi. Is-SAT jispjega l-prijoritajiet għat-tħejjija għal irkupru li jkun rikk fl-impjiegi, biex jitjiebu l-livelli tal-impjegabbiltà u tiġi promossa l-inklużjoni soċjali. Iffaċċjati b’żieda fin-numru ta’ persuni li qed ifittxu impjieg, l-Istati Membri għandhom jagħtu spinta lis-servizzi pubbliċi tax-xogħol u jżidu l-“politiki attivi tas-suq tax-xogħol”, inkluż l-assistenza lil dawk li qed ifittxu x-xogħol, l-apprendistati, l-appoġġ għall-intraprendituri u t-taħriġ fuq il-post tax-xogħol ta’ kwalità.

Is-sitwazzjoni taż-żgħażagħ hija partikolarment inkwetanti, bil-qgħad fost iż-żgħażagħ jolqot 50% f’bosta pajjiżi. Il-Kummissjoni waqqfet timijiet ta’ azzjoni biex tassisti tmien Stati Membri bl-ogħla livelli ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ fir-ridirezzjonar tal-fondi tal-UE għat-taħriġ tax-xogħol u l-programmi ta’ appoġġ (ara MEMO/12/100). Is-SAT jistieden ukoll lill-Istati Membri biex jiżviluppaw “garanzija għaż-żgħażagħ”, fejn kull persuna taħt il-25 sena tirċievi offerta ta’ impjieg, studju ulterjuri jew apprendistat fi żmien erba’ xhur minn meta titlaq l-edukazzjoni formali jew issib ruħha bla xogħol. Il-Kummissjoni se tippreżenta proposta sħiħa dwar il-garanziji taż-żgħażagħ fil-Pakkett tagħha dwar l-Impjiegi taż-Żgħażagħ fil-5 ta’ Diċembru.

Is-SAT jagħmel enfasi fuq il-ħarsien ta’ dawk li huma l-aktar vulnerabbli. It-taxxi fuq id-dħul u l-kontribuzzjonijiet tas-sigurtà soċjali għandhom ikunu mnaqqsa, partikolarment għal dawk b’pagi baxxi, u r-riformi għandhom jitħaffu biex il-leġiżlazzjoni dwar l-impjiegi tkun issimplifikata u jiġu żviluppati arranġamenti flessibbli tax-xogħol, kif ukoll biex jiġi żgurat li l-iżviluppi fil-pagi jappoġġaw il-ħolqien tal-impjiegi. Sforzi addizzjonali huma meħtieġa wkoll biex tiġi żgurata l-effettività tas-sistemi ta’ protezzjoni soċjali u jiġu żviluppati strateġiji ta’ inklużjoni attiva li jindirizzaw l-effetti tal-kriżi.

Flimkien mas-SAT, il-Kummissjoni qiegħda tippubblika t-tieni Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija (RMT) dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi (ara IP/12/1275). Ir-RMT jipprovdi l-ewwel qari tal-politiki ekonomiċi tal-Istati Membri (minbarra dawk taħt il-programm UE-FMI) kontra tabella ta’ valutazzjoni ta’ 11-il indikatur li jiffukaw fuq l-iżviluppi fil-kompetittività, id-dejn, il-prezzijiet tal-assi, l-aġġustament u r-rabtiet mas-settur finanzjarju. Ir-RMT għall-2013 jippreżenta evidenza li l-aġġustament tal-iżbilanċi makroekonomiċi miexi ’l quddiem. Id-defiċits tal-kontijiet kurrenti qed jiċkienu fil-pajjiżi bl-akbar żbilanċi esterni, sostnuti minn titjib gradwali fil-prestazzjoni tal-esportazzjoni u l-kisbiet tal-kompetittività, u l-korrezzjoni fis-suq tad-djar tinsab għaddejja. Ir-RMT għall-2013 jappella għal reviżjonijiet fil-fond tal-iżviluppi relatati mal-akkumulazzjoni u l-ħruġ ta’ żbilanċi makroekonomiċi f’14-il Stat Membru tal-UE: Il-Belġju, il-Bulgarija, id-Danimarka, Spanja, Franza, l-Italja, Ċipru, l-Ungerija, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, is-Slovenja, il-Finlandja, l-Isvezja u r-Renju Unit. Ikun biss wara li jitlestew ir-reviżjonijiet fil-fond fir-rebbiegħa li jmiss li l-Kummissjoni se tikkonkludi jekk jeżistux żbilanċi jew żbilanċi eċċessivi u se tipproponi rakkomandazzjonijiet għal politika xierqa.

Il-Kummissjoni qed tippubblika wkoll l-ewwel Rapport Annwali tagħha dwar l-Integrazzjoni tas-Suq Uniku (ara MEMO/12/913), li jimmonitorja l-funzjonament tas-Suq Uniku fil-proċess tas-Semestru Ewropew. Annessi għas-SAT hemm ir-Rapport Makroekonomiku, li jagħti ħarsa ġenerali lejn is-sitwazzjoni ekonomika, u l-Abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi (ara MEMO/12/914), li janalizza s-sitwazzjoni soċjali u tal-impjiegi fl-Ewropa. Dawn ir-rapporti kollha jipprovdu informazzjoni importanti u analiżi lill-Kummissjoni fit-tħejjija għar-Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiżi, li se jinħarġu fir-rebbiegħa.

Il-passi li jmiss:

Fil-ġimgħat u x-xhur li ġejjin, il-formazzjonijiet differenti tal-Kunsill se jiddiskutu s-SAT u jirrappurtaw lill-Kunsill Ewropew ta’ Marzu sabiex ikun jista’ jadotta politika ta’ gwida xierqa għall-Istati Membri. Din il-gwida għandha tkun inkorporata fil-pjanijiet nazzjonali baġitarji u ekonomiċi tal-Istati Membri, li jintbagħtu lill-Kummissjoni f’April. Wara li tkun analizzat dawn il-programmi, u bil-prioritajiet tas-SAT f’moħħha, il-Kummissjoni se toħroġ Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż f’Mejju, fiż-żmien biex dawn jiġu approvati mill-Kunsill Ewropew ta’ Ġunju. L-Istati Membri mbagħad għandhom jinkorporaw din il-gwida politika fil-baġits annwali tagħhom u fil-leġiżlazzjoni settorjali.

Sfond:

Is-SAT jistabbilixxi dawk li l-Kummissjoni temmen li għandhom ikunu l-prijoritajiet ġenerali ekonomiċi u soċjali għas-sena li ġejja. Dan jipprovdi lill-Istati Membri bi gwida ta’ politika biex tingħata spinta lit-tkabbir u l-impjiegi f’konformità mal-istrateġija għat-tkabbir ekonomiku fit-tul tal-UE, Ewropa 2020. U jagħti bidu għas-Semestru Ewropew, il-kalendarju tal-UE għall-koordinazzjoni tal-politika baġitarja u ekonomika, fejn il-politiki nazzjonali jiġu riveduti kollettivament u approvati fil-livell tal-UE biex jiġi żgurat li l-Istati Membri qed jimxu fl-istess direzzjoni. Is-SAT japplika għall-UE bħala entità waħda, iżda se jissarraf f’Rakkomandazzjonijiet Speċifiċi għall-Pajjiż aktar tard fis-Semestru. Dan huwa t-tielet SAT mindu ġie introdott is-Semestru Ewropew fl-2010.

Għal aktar tagħrif:

Il-websajt Ewropa 2020: http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm

MEMO/12/910 L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2013: Mistoqsijiet Frekwenti

IP/12/1275 Ir-Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija għall-2013: L-aġġustament makroekonomiku sottostanti fl-UE

MEMO/12/912 It-Tieni Rapport dwar il-Mekkaniżmu ta’ Twissija dwar l-iżbilanċi makroekonomiċi fl-Istati Membri tal-UE

MEMO/12/913 Ir-Rapport dwar l-Istat tal-integrazzjoni tas-suq uniku (2013) - Mistoqsijiet Frekwenti

MEMO/12/914 L-abbozz tar-Rapport Konġunt dwar l-Impjiegi Q&A

MEMO/12/915 L-Istħarriġ Annwali dwar it-Tkabbir għall-2013: Lejn sistemi tat-taxxa ġusti u kompetittivi

Kuntatti:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)

Sarah Collins (+32 2 296 80 76)

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Stefaan De Rynck (+32 2 296 34 21)

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website