Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Il-Kummissjoni tistabbilixxi t-triq lejn il-prosperità għall-Ewropa fil-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta

European Commission - IP/12/1271   29/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-29 ta' Novembru 2012

L-ambjent: Il-Kummissjoni tistabbilixxi t-triq lejn il-prosperità għall-Ewropa fil-limiti ekoloġiċi tal-pjaneta

Il-Kummissjoni Ewropea llum ressqet proposta għal Programm ta’ Azzjoni Ambjentali (EAP) bħala gwida għall-politika ambjentali tal-UE sal-2020. Ftit wara li ħarġet ir-rakkomandazzjonijiet tagħha għat-tkabbir fil-medda l-qasira [see IP/12/1274], li jisħqu fuq il-ħtieġa li jiġi żgurat mhux biss it-tkabbir tal-lum il-ġurnata, iżda wkoll dak tal-futur, il-Kummissjoni issa fasslet proposti mmirati li jħarsu n-natura, li jistimulaw it-tkabbir sostenibbli, li joħolqu impjiegi ġodda, u li jmexxu l-Ewropa għal għonq it-triq lejn il-prosperità u s-saħħa fil-limiti tal-pjaneta.

Ir-responsabbiltà għall-ksib tal-għanijiet tal-programm hija kondiviża mill-UE u l-Istati Membri tagħha. Passi konkreti li għandhom jittieħdu jinkludu t-tneħħija gradwali ta’ sussidji ta' dannu għall-ambjent, it-trasferiment tat-tassazzjoni mix-xogħol għat-tniġġis, it-tfassil ta' ftehimiet ta' sħubija bejn l-Istati Membri u l-Kummissjoni dwar l-implimentazzjoni tal-liġi ambjentali tal-UE, u l-iżvilupp ta' sistema biex jiġi segwit l-infiq relatat mal-ambjent fil-baġit tal-UE.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Il-Programm ta’ Azzjoni l-ġdid jistabbilixxi t-triq għall-Ewropa biex issir post fejn in-nies jgħixu f’ambjent naturali sikur u f'saħħtu, fejn il-progress ekonomiku huwa bbażat fuq ekonomija sostenibbli u ekoloġika, u fejn tista' tinkiseb reżiljenza ekoloġika."

Il-Kummissarju għall-Azzjoni Klimatika, Connie Hedegaard, qalet: “Ma nistgħux nistennew sakemm il-kriżi ekonomika tkun għaddiet qabel ma nibdew nindirizzaw il-kriżijiet tar-riżorsi, tal-ambjent u tal-klima. Irridu nindirizzaw dawn kollha fl-istess ħin, u għalhekk għandna ninkludu t-tħassib dwar il-klima u l-ambjent fil-politiki kollha tagħna. Din l-istrateġija tagħti lin-negozji u lill-politiċi l-perspettiva fit-tul li tabilħaqq neħtieġu sabiex nagħmlu t-tranżizzjoni għal soċjetà sostenibbli u b’livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju fl-Ewropa."

Programm ta' azzjoni

Fil-Programm ta’ Azzjoni, il-Kummissjoni identifikat disa’ għanijiet ta’ prijorità, inklużi:

  • Il-ħarsien tan-natura u t-tisħiħ tar-reżiljenza ekoloġika;

  • It-tisħiħ ta’ tkabbir sostenibbli, effiċjenti fl-użu tar-riżorsi u b'livell baxx ta’ emissjonijiet tal-karbonju; u

  • l-indirizzar b’mod effettiv ta’ theddid relatat mal-ambjent għas-saħħa.

Il-Programm jistabbilixxi qafas biex jappoġġa l-ksib ta’ dawn l-għanijiet fost l-oħrajn ta’ implimentazzjoni aħjar tal-liġi ambjentali tal-UE, xjenza ta' livell għoli, l-iżgurar tal-investimenti neċessarji għall-politika ambjentali u tat-tibdil fil-klima, u t-titjib fil-mod li l-kwistjonijiet u r-rekwiżiti ambjentali jiġu riflessi f'politiki oħra.

Il-programm għandu l-għan ukoll li jagħti spinta lill-isforzi biex jgħin lill-ibliet tal-UE jsiru aktar sostenibbli, u li jtejjeb il-kapaċità tal-UE biex tegħleb sfidi klimatiċi u ambjentali globali u reġjonali.

Il-passi li jmiss

Il-proposta tal-Kummissjoni se titqies mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill tal-Unjoni Ewropea. Ladarba jkun hemm qbil, l-EAP isir liġi tal-UE.

Sfond

Il-progrmm propost, is-seba’ wieħed tat-tip tiegħu, jibni fuq il-kisbiet sinifikanti ta’ 40 sena ta' politika ambjentali tal-UE, u huwa ispirat minn għadd ta' inizjattivi strateġiċi riċenti fil-qasam tal-ambjent, inkluż il-Pjan Direzzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi, l-Istrateġija għall-Bijodiversità 2020 u l-Pjan Direzzjonali ta' Ekonomija b'Livell Baxx ta' Emissjonijiet tal-Karbonju. Għandu jiżgura l-impenn tal-istituzzjonijiet tal-UE, l-Istati Membri, l-amministrazzjonijiet reġjonali u lokali u partijiet interessati oħra, ma’ aġenda komuni għall-azzjoni politika ambjentali sal-2020.

Il-Programmi ta’ Azzjoni Ambjentali ġenerali ilhom iservu ta’ gwida għall-politika ambjentali tal-UE sa mill-bidu tas-Sebgħinijiet. Is-Sitt Programm ta’ Azzjoni Ambjentali tal-UE jkopri l-perjodu 2002-2012.

Filwaqt li ħafna Stati Membri qed ibatu biex ilaħħqu mal-kriżi ekonomika, il-ħtieġa pendenti ta' riformi strutturali toffri opportunitajiet ġodda għall-UE biex timxi b’rapidità lejn triq aktar sostenibbli. Il-programm ta' azzjoni ambjentali l-ġdid juri t-triq lejn kif wieħed jista' jieħu vantaġġ sew minn dawn l-opportunitajiet.

Għal iktar tagħrif:

Il-websajt tal-Kummissjoni dwar il-Programm ta’ Azzjoni Ambjentali l-ġdid tal-UE għall-2020: http://ec.europa.eu/environment/newprg/index.htm.

MEMO/12/908

Kuntatti:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website