Navigation path

Left navigation

Additional tools

Vjaġġar ħieles mill-viża: Progress, imma għad hemm ostakli x’jingħelbu

European Commission - IP/12/1268   26/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Novembru 2012

Vjaġġar ħieles mill-viża: Progress, imma għad hemm ostakli x’jingħelbu

Il-pajjiżi barra mill-UE kemm qed iżommu mal-obbligi tagħhom meta joffru vjaġġar ħieles mill-viża liċ-ċittadini tal-UE? Illum, il-Kummissjoni Ewropea adottat is-seba' rapport tagħha dwar il-ksur tal-prinċipju tar-reċiproċità tal-viża f'pajjiżi terzi. Ir-rapport juri li f'din l-aħħar sena l-ivvjaġġar ħieles mill-viża għaċ-ċittadini tal-UE inkiseb għal aktar pajjiżi, pereżempju għall-Brażil. Għal xi pajjiżi, madankollu, iċ-ċittadini tal-UE għadhom jeħtieġu l-viża għal vjaġġi li għandhom ikunu ħielsa mill-viża. B'mod ġenerali, il-"mekkaniżmu ta' reċiproċità" fis-seħħ kien effiċjenti meta pajjiż terz li ċ-ċittadini tiegħu huma eżenti mill-ħtieġa għall-viża iżomm ir-rekwiżit tiegħu għaċ-ċittadini tal-Istati Membri tal-UE. In-numru ta’ każijiet ta’ nuqqas ta' reċiproċità naqas b’mod sinifikanti wara l-introduzzjoni tal-mekkaniżmu fl-2005, meta kien rrappurtati kważi mitt każ ma' 18-il pajjiż.

Jidher ċar, madankollu, li l-mekkaniżmu fis-seħħ jeħtieġ reviżjoni biex isir eħfef u aktar effiċjenti sabiex tinkiseb reċiproċità sħiħa dwar il-viża mal-pajjiżi terzi kollha li huma eżenti mill-ħtieġa ta' viża.

"Għandna naċċertaw ruħna li l-prinċipju tar-reċiproċità tal-viża ikun rispettat bis-sħiħ", qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni. "Għalhekk, aħna qed nissuktaw bl-isforzi tagħna biex insolvu l-każijiet ta’ nuqqas ta' reċiproċità li fadal, mal-Istati Uniti u mal-Kanada. Il-Kummissjoni qed tistenna bil-ħerqa l-adozzjoni, mill-Parlament Ewropew u mill-Kunsill, ta' mekkaniżmu ta' reċiproċità ġdid u msaħħaħ, li se jagħtina għodda aktar b’saħħitha biex naġixxu.

Sar il-progress li ġej mill-aħħar rapport f'Novembru 2010:

  • Iċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha issa huma permessi li jivvjaġġaw mingħajr viża għall-Brażil, bis-saħħa tad-dħul fis-seħħ tal-ftehim bejn l-UE u l-Brażil dwar ir-rinunzja għall-viża għal soġġorn qasir għad-detenturi ta' passaporti ordinarji fl-1 ta Ottubru 2012.

  • L-awtoritajiet Ġappuniżi ddeċidew li jestendu r-rinunzja temporanja għall-viża mogħtija liċ-ċittadini Rumeni sal-31 ta' Diċembru 2012. Il-Kummissjoni tispera li, wara l-implimentazzjoni ta’ miżuri speċifiċi miftiehma bejn ir-Rumanija u l-Ġappun, l-eżenzjoni temporanja għall-viża mill-Ġappun tinbidel f’waħda permanenti.

  • Ġiet miksuba reċporoċità sħiħa għall-viża mal-Brunej għall-Istati Membri kollha tal-UE, kif ukoll għall-Iżlanda, in-Norveġja u l-Iżvizzera. Il-Kummissjoni għandha l-ħsieb li titlob l-estensjoni tal-eżenzjoni tal-viża għal mawriet sa 90 ġurnata għaċ-ċittadini ta’ Liechtenstein ukoll.

B'dispjaċir, għad baqa' żewġ każijiet importanti ta' "nuqqas ta' reċiproċità": l-Istati Uniti tal-Amerika għadha żżomm l-obbligu tal-viża għaċ-ċittadini tal-Bulgarija, ta' Ċipru, tar-Rumanija u tal-Polonja; il-Kanada timponi wkoll il-ħtieġa ta’ viża għar-Repubblika Ċeka, il-Bulgarija u r-Rumanija.

L-Istati Uniti tqis li l-Istati Membri kkonċernati għadhom ma jissodisfawx il-kriterji kollha għall-eżenzjoni mill-viża stabbiliti fil-leġiżlazzjoni tagħha, b'mod partikolari l-limiti għar-rifjut tal-viża u/jew ir-rata li biha tinqabeż il-permanenza awtorizzata. Billi tintroduċi mill-ġdid il-ħtieġa tal-viża għaċ-ċittadini Ċeki, il-Kanada ħasbet biex tnaqqas in-numru ta' applikazzjonijiet għall-ażil bla bażi ġejjin mill-UE.

Huma mistennija xi żviluppi pożittivi (abbozz ġdid ta' leġiżlazzjoni għall-Programm għall-Eżenzjoni mill-Viża fl-Istati Uniti, leġiżlazzjoni dwar l-ażil ġdida fil-Kanada), iżda sa issa għadha ma nstabet l-ebda soluzzjoni.

Fi sforz biex jingħelbu l-limiti tal-mekkaniżmu attwali, fl-24 ta’ Mejju 2011, il-Kummissjoni pproponiet lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex jadottaw mekkaniżmu ġdid u aktar effiċjenti (IP/11/629). Iż-żewġ koleġiżlaturi għadhom ma qablux dwar il-forma finali li se jieħu l-mekkaniżmu rivedut, iżda huwa probabbli li dan se jippermetti lill-UE tagħmel aktar pressjoni fuq pajjiżi terzi li ma jirrispettawx il-prinċipju tar-reċiproċità.

Sfond

Mhux iċ-ċittadini kollha ta’ pajjiżi terzi jrid ikollhom viża sabiex jivvjaġġaw lejn iż-żona Schengen għal soġġorn qasir. L-UE għandha lista komuni ta' pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom irid ikollhom viża u lista oħra ta' pajjiżi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti minn dak ir-rekwiżit (ara r-Regolament tal-Kunsill (KE) 539/2001).

Għalhekk huwa loġiku li l-UE tinsisti wkoll li pajjiżi terzi li huma ħielsa mill-viża jagħtu rinunzja għall-viża liċ-ċittadini tal-Istati Membri kollha tal-UE. Għal din ir-raġuni, ġie stabbilit mekkaniżmu ta' reċiproċità tal-viża fir-Regolament tal-Kunsill (KE) 539/2001 (rivedut permezz tar-Regolament tal-Kunsill (KE) Nru 851/2005)

Jekk pajjiż ħieles mill-viża jintroduċi rekwiżit għall-viża għal Stat Membru tal-UE jew aktar, l-Istat Membru kkonċernat irid javża lill-Kummissjoni, li tieħu passi mal-awtoritajiet tal-pajjiż terz biex idaħħal lura l-ivvjaġġar ħieles mill-viża u tirraporta lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill. Il-Kummissjoni tista' wkoll tipproponi lill-Kunsill miżuri ta' ritaljazzjoni fil-konfront tal-pajjiż terz inkwistjoni.

Il-Kummissjoni diġà ħarġet bosta rapporti ġenerali rigward l-implimentazzjoni tal-mekkaniżmu għar-reċiproċità tal-viża (l-aħħar rapport f'Novembru 2010 - IP/10/1473).

Ħoloq Siewja

Il-websajt ta’ Cecilia Malmström

Segwi l-Kummissarju Malmström fuq it-Twitter

Il-websajt tad-DĠ Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ Affarijiet Interni fuq it-Twitter

Kuntatti :

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website