Sélecteur de langues
Chemin de navigation

Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, is-26 ta' Novembru 2012
Ewropa Attiva: L-Istrateġija tal-UE għad-Danubju, Sena Wara
L-Ewwel Forum Annwali ta' din l-Istrateġija għad-Danubju f'Regensburg, il-Bavarja se jiċċelebra r-riżultati li nkisbu fl-ewwel sena tal-Istrateġija għad-Danubju. Fost dawk li se jattendu dan il-forum li huwa organizzat mill-Bavarja u minn Johannes Hahn, il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali, se jkun hemm il-Kanċellier Ġermaniża Angela Merkel li se tagħmel id-diskors ewlieni tal-okkażjoni.
L-Istrateġija għad-Danubju għandha l-għan li ssib soluzzjonijiet komuni fost 14-il pajjiż għal sfidi komuni li għandhom f'oqsma mit-trasport sas-sigurtà, mit-turiżmu sal-ambjent, l-enerġija, l-impjiegi u t-tkabbir.
Qabel il-Forum tas-27 u t-28 ta' Novembru, il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn qal, "Ninsab ċert li din l-Istrateġija qed tagħti kontribut kbir lill-kompetittività ta' din il-parti tal-Ewropa. Il-proġetti resqin lejn l-aqwa tagħhom u diġà qed jagħtu riżultati. F'Regensburg se nkunu qed niddiskutu kif nistgħu nagħmlu din l-istrateġija kemm jista' jkun effettiva biex isiru bidliet li jkollhom impatt reali fuq il-ħajja tan-nies f'dan ir-reġjun: illum u fil-perjodu baġitarju li jmiss tal-UE."
Rappreżentanti mill-14-il pajjiż involut fl-Istrateġija, inkluż għadd ġmielu ta' Ministri u Segretarji Statali se jattendu l-Forum Annwali biex jevalwaw il-progress u jħejju t-triq 'il quddiem. Magħhom se jkun hemm persuni prominenti mis-settur privat, in-negozju reġjonali, is-soċjetà ċivili u l-akkademiċi. Il-Kanċillier Merkel se tingħaqad magħhom fit-28 ta' Novembru għad-diskors ewlieni fis-14:15.
Imnedija fit-13 ta' April 2011, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju se toħloq koperazzjoni eqreb bejn il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Makroreġjun tad-Danubju. L-għan huwa li jsir investiment strateġiku f'oqsma ewlenin u jinħolqu netwerks li jgħaqqdu flimkien mhux biss lill-amministraturi politiċi, iżda wkoll lil intraprendituri, negozji żgħar, u riċerkaturi, u tinħoloq koperazzjoni f'oqsma bħas-sigurtà u t-turiżmu.
L-Istrateġija diġà għenet biex jinħolqu inizjattivi u proġetti ewlenin, fosthom:
Il-Memorandum ta' Qbil bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija dwar in-navigazzjoni tad-Danubju.
Il-Mudell tas-Suq tal-Gass għar-Reġjun tad-Danubju li r-riżultati tiegħu tant huma inkoraġġanti li beħsiebhom jinfirxu madwar l-UE.
It-Turiżmu tad-Danubju: Marka Kummerċjali Waħda – Kummerċjalizzazzjoni innovattiva tal-Makroreġjun b'kunċett sostenibbli bid-dgħajjes u r-roti, u bi flotta ġdida ta' vapuri tal-kruċieri li diġà qed tinbena.
Infurzar tal-liġi: billi r-reġjuni qed jaħdmu mal-Europol fuq proġetti, fosthom biex tinkixef il-kriminalità organizzata u biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni fir-reġjun tad-Danubju.
Proġett dwar ir-Riskju li d-Danubju Tfur: 19-il istituzzjoni minn tmien pajjiżi qed jieħdu sehem biex tinħoloq "mappa ta' fejn ifur l-ilma" u biex ikun protett ir-reġjun.
Il-Forum tan-Negozji fid-Danubju: l-ewwel pjattaforma ta' netwerks għal negozji żgħar u medji fir-reġjuni: fiha hemm involuti 300 SME.
Proġett għal bastimenti innovattivi: jinħoloq trasport sostenibbli fid-Danubju. Soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda mad-dipartiment tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.
Aqra aktar dwar dan fuq: http://www.danube-region.eu/pages/projects-and-initiatives
Kuntest
Il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex twassallu l-ewwel rapport tagħha dwar il-progress tal-Istrateġija għad-Danubju sa Ġunju tal-2013. Biex tħejji għalih, il-Kummissjoni se tippreżenta d-Dokument ta' Riflessjoni tagħha waqt il-Forum f'Regensburg dwar ir-riżultati li nkisbu s'issa u kif tista' tittejjeb il-prestazzjoni tal-Istrateġija fil-ġejjieni.
Il-pajjiżi involuti fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju huma: Il-Ġermanja (il-Baden-Württemberg u l-Bavarja), l-Awstrija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Kroazja, is-Serbja, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Moldova, u l-Ukraina.
Għal aktar tagħrif:
Ara l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju: http://ec.europa.eu/regional_policy/cooperate/danube/index_en.cfm
(ara IP/11/472)
Ara l-Programm tal-Konferenza u strimjaha:
http://ec.europa.eu/regional_policy/conferences/danube_forum2012/agenda_en.cfm
Ara d-Dokument ta' Riflessjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju:
http://ec.europa.eu/regional_policy/conferences/danube_forum2012/doc/draft_reflection_paper_v3.pdf
Segwi l-EU_Regional fuq Twitter - #EUSDR
Kuntatti: Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65) Annemarie Huber (+32 2 299 33 10) |