Navigation path

Left navigation

Additional tools

Ewropa Attiva: L-Istrateġija tal-UE għad-Danubju, Sena Wara

European Commission - IP/12/1266   26/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Novembru 2012

Ewropa Attiva: L-Istrateġija tal-UE għad-Danubju, Sena Wara

L-Ewwel Forum Annwali ta' din l-Istrateġija għad-Danubju f'Regensburg, il-Bavarja se jiċċelebra r-riżultati li nkisbu fl-ewwel sena tal-Istrateġija għad-Danubju. Fost dawk li se jattendu dan il-forum li huwa organizzat mill-Bavarja u minn Johannes Hahn, il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali, se jkun hemm il-Kanċellier Ġermaniża Angela Merkel li se tagħmel id-diskors ewlieni tal-okkażjoni.

L-Istrateġija għad-Danubju għandha l-għan li ssib soluzzjonijiet komuni fost 14-il pajjiż għal sfidi komuni li għandhom f'oqsma mit-trasport sas-sigurtà, mit-turiżmu sal-ambjent, l-enerġija, l-impjiegi u t-tkabbir.

Qabel il-Forum tas-27 u t-28 ta' Novembru, il-Kummissarju tal-UE għall-Politika Reġjonali, Johannes Hahn qal, "Ninsab ċert li din l-Istrateġija qed tagħti kontribut kbir lill-kompetittività ta' din il-parti tal-Ewropa. Il-proġetti resqin lejn l-aqwa tagħhom u diġà qed jagħtu riżultati. F'Regensburg se nkunu qed niddiskutu kif nistgħu nagħmlu din l-istrateġija kemm jista' jkun effettiva biex isiru bidliet li jkollhom impatt reali fuq il-ħajja tan-nies f'dan ir-reġjun: illum u fil-perjodu baġitarju li jmiss tal-UE."

Rappreżentanti mill-14-il pajjiż involut fl-Istrateġija, inkluż għadd ġmielu ta' Ministri u Segretarji Statali se jattendu l-Forum Annwali biex jevalwaw il-progress u jħejju t-triq 'il quddiem. Magħhom se jkun hemm persuni prominenti mis-settur privat, in-negozju reġjonali, is-soċjetà ċivili u l-akkademiċi. Il-Kanċillier Merkel se tingħaqad magħhom fit-28 ta' Novembru għad-diskors ewlieni fis-14:15.

Imnedija fit-13 ta' April 2011, l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju se toħloq koperazzjoni eqreb bejn il-pajjiżi u r-reġjuni tal-Makroreġjun tad-Danubju. L-għan huwa li jsir investiment strateġiku f'oqsma ewlenin u jinħolqu netwerks li jgħaqqdu flimkien mhux biss lill-amministraturi politiċi, iżda wkoll lil intraprendituri, negozji żgħar, u riċerkaturi, u tinħoloq koperazzjoni f'oqsma bħas-sigurtà u t-turiżmu.

L-Istrateġija diġà għenet biex jinħolqu inizjattivi u proġetti ewlenin, fosthom:

  1. Il-Memorandum ta' Qbil bejn ir-Rumanija u l-Bulgarija dwar in-navigazzjoni tad-Danubju.

  2. Il-Mudell tas-Suq tal-Gass għar-Reġjun tad-Danubju li r-riżultati tiegħu tant huma inkoraġġanti li beħsiebhom jinfirxu madwar l-UE.

  3. It-Turiżmu tad-Danubju: Marka Kummerċjali Waħda – Kummerċjalizzazzjoni innovattiva tal-Makroreġjun b'kunċett sostenibbli bid-dgħajjes u r-roti, u bi flotta ġdida ta' vapuri tal-kruċieri li diġà qed tinbena.

  4. Infurzar tal-liġi: billi r-reġjuni qed jaħdmu mal-Europol fuq proġetti, fosthom biex tinkixef il-kriminalità organizzata u biex tiġi indirizzata l-korruzzjoni fir-reġjun tad-Danubju.

  5. Proġett dwar ir-Riskju li d-Danubju Tfur: 19-il istituzzjoni minn tmien pajjiżi qed jieħdu sehem biex tinħoloq "mappa ta' fejn ifur l-ilma" u biex ikun protett ir-reġjun.

  6. Il-Forum tan-Negozji fid-Danubju: l-ewwel pjattaforma ta' netwerks għal negozji żgħar u medji fir-reġjuni: fiha hemm involuti 300 SME.

  7. Proġett għal bastimenti innovattivi: jinħoloq trasport sostenibbli fid-Danubju. Soluzzjonijiet teknoloġiċi ġodda mad-dipartiment tal-Kummissjoni għar-Riċerka u l-Innovazzjoni.

Aqra aktar dwar dan fuq: http://www.danube-region.eu/pages/projects-and-initiatives

Kuntest

Il-Kunsill Ewropew talab lill-Kummissjoni biex twassallu l-ewwel rapport tagħha dwar il-progress tal-Istrateġija għad-Danubju sa Ġunju tal-2013. Biex tħejji għalih, il-Kummissjoni se tippreżenta d-Dokument ta' Riflessjoni tagħha waqt il-Forum f'Regensburg dwar ir-riżultati li nkisbu s'issa u kif tista' tittejjeb il-prestazzjoni tal-Istrateġija fil-ġejjieni.

Il-pajjiżi involuti fl-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju huma: Il-Ġermanja (il-Baden-Württemberg u l-Bavarja), l-Awstrija, l-Ungerija, ir-Repubblika Ċeka, is-Slovakkja, is-Slovenja, il-Bulgarija, ir-Rumanija, il-Kroazja, is-Serbja, il-Bosnja-Ħerzegovina, il-Montenegro, il-Moldova, u l-Ukraina.

Għal aktar tagħrif:

  1. Ara l-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju: http://ec.europa.eu/regional_policy/cooperate/danube/index_en.cfm
    (ara IP/11/472)

  1. Ara l-Programm tal-Konferenza u strimjaha:
    http://ec.europa.eu/regional_policy/conferences/danube_forum2012/agenda_en.cfm

  1. Ara d-Dokument ta' Riflessjoni dwar l-implimentazzjoni tal-Istrateġija tal-UE għar-Reġjun tad-Danubju:
    http://ec.europa.eu/regional_policy/conferences/danube_forum2012/doc/draft_reflection_paper_v3.pdf

Segwi l-EU_Regional fuq Twitter - #EUSDR

Kuntatti:

Shirin Wheeler (+32 2 296 65 65)

Annemarie Huber (+32 2 299 33 10)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website