Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 27 ta' Novembru 2012

L-ewwel rapport annwali dwar ir-Reġistru għat-Trasparenza juri bidu tajjeb, u jistabbilixxi objettivi ulterjuri għall-2013

L-ewwel Rapport Annwali dwar ir-Reġistru għat-Trasparenza Konġunt tar-rappreżentanti tal-interessi tal-Kummissjoni u tal-Parlament Ewropew (PE) juri li l-pjattaforma qed taħdem, bl-objettivi kollha għall-ewwel sena tal-operat tagħha jintlaħqu. B'mod li jirrifletti d-determinazzjoni taż-żewġ istituzzjonijiet sabiex jibnu fuq dan il-bidu tajjeb, huwa mbagħad jistabbilixxi objettivi għas-sena li ġejja, u jipproponi kwistjonijiet ewlenin li għandhom jiġu kkunsidrati meta l-pjattaforma tiġi riveduta fl-2013.

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni, Maroš Šefčovič, qal: "Ninsab tassew kburi bir-Reġistru tat-Trasparenza u t-tnedija b'suċċess tiegħu. Huwa wieħed mill-ftit sistemi ta' dan it-tip fid-dinja, u huwa ċertament l-aktar mifrux. Inevitabbilment intużaw ħafna ħin u enerġija matul din l-ewwel sena sabiex jissolvew kwistjonijiet tekniċi u jiġu megħjuna l-utenti. Iżda huwa jeżisti u qiegħed jaħdem, u issa għandna nagħmlu użu sħiħ minnu. Ir-Rapport jistipula modi ambizzjużi ta' kif nagħmlu dan."

Il-Viċi President tal-PE Rainer Wieland qal: "Jien napprezza ħafna x-xogħol kollu li sar biex jitwaqqaf ir-Reġistru Konġunt tat-Trasparenza. Dan ir-reġistru huwa għodda eċċellenti biex jipprovdi informazzjoni u biex itejjeb it-trasparenza. Huwa jista’ jitqies bħala pass importanti lejn iktar fiduċja fil-proċessi politiċi u se jsir aktar effiċjenti aktar ma jkun hemm nies li jużawh. Għalhekk nixtieq inħeġġeġ lill-atturi kollha involuti fir-rappreżentanza tal-interessi fil-livell tal-UE biex jiffirmaw dan il-'patt tat-trasparenza'."

Ir-rapport jiddeskrivi li fl-ewwel 12-il xahar tar-reġistru: kien hemm tranżizzjoni b'suċċess miż-żewġ reġistri preċedenti mingħajr tnaqqis fir-reġistranti; il-modulu tat-talbiet tal-akkreditazzjoni onlajn tal-PE infetaħ; inħarġu tliet mewġiet suċċessivi ta' linji gwida; il-Kunsill innomina osservaturi għas-Segretarjat tar-Reġistru Konġunt tat-Trasparenza (JTRS); u ġiet stabbilita metodoloġija għall-kontrolli tal-kwalità. Barra minn hekk, saret konsultazzjoni pubblika fuq l-Internet biex jinkiseb rispons aktar fil-fond mill-utenti. Kważi erbgħa minn kull ħamsa li wieġbu minn fost dawk irreġistrati ddikjaraw lilhom infushom sodisfatti bil-pjattaforma.

Il-websajt tar-Reġistru tat-Trasparenza rċeviet medja ta' 7,000 viżitatur uniku kull xahar, u l-helpdesk wieġbet għal medja ta’ 30 telefonata u 100 e-mail kull ġimgħa. Minn Marzu 2012, il-JTRS għamel aktar minn 400 spezzjoni tal-kwalità, medja ta' 15 kull ġimgħa. Huwa ttratta wkoll ħames ilmenti; f'każ wieħed dan wassal biex organizzazzjoni tneħħiet mir-Reġistru.

B’ħarsa lejn il-futur, ir-rapport jappella għal, fost affarijiet oħra: aktar titjib fil-kwalità tal-kontenut tar-Reġistru; infurzar strett tar-regoli; l-espansjoni tal-għadd ta' reġistrazzjonijiet permezz ta' aktar sforzi ta’ informazzjoni u komunikazzjoni esterni; l-użu attiv tal-iskema mill-persunal u l-Membri fiż-żewġ istituzzjonijiet billi jiġu pprovduti lilhom linji gwida dwar ir-Reġistru; inkoraġġiment għal korpi, organi u aġenziji oħra tal-UE biex jużawh; u aktar kjarifiki u linji gwida għar-reġistranti dwar kif għandhom jipprovdu l-informazzjoni meħtieġa.

Ir-rapport jappella wkoll għal kunsiderazzjoni ta' diversi kwistjonijiet ta' politika matul ir-reviżjoni tas-sena d-dieħla, inkluż dwar in-natura volontarja jew mandatorja tar-reġistrazzjoni; il-possibbiltà ta' formula ad hoc, derogattiva u eċċezzjonali għal ditti legali u ta’ konsulenza li jixtiequ jirreġistraw iżda huma mħassba dwar il-kunfidenzjalità tal-klijenti; kjarifika tad-differenza bejn allerti u lmenti; u kjarifika tal-kategorija li tkopri l-organizzazzjonijiet li jirrappreżentaw awtoritajiet lokali, reġjonali u muniċipali.

Sfond

Sa mit-22/10/12, kien hemm 5,431 reġistrant fir-Reġistru għat-Trasparenza. Kważi nofshom (48%) irreġistraw fil-Kategorija II (lobbyists interni u assoċjazzjonijiet kummerċjali/professjonali) u madwar 28% fil-Kategorija III (NGOs). Stima konservattiva tindika medja ta' ħames persuni huma rappreżentati minn kull reġistrant, li jfisser li aktar minn 27,000 rappreżentant tal-interessi ntrabtu bil-Kodiċi ta’ Kondotta stretta tar-Reġistru.

Skeda

  • It-23 ta’ Ġunju 2011: il-Ftehim Interistituzzjonali (Inter Institutional Agreement, IIA) bejn il-PE u l-Kummissjoni dwar Reġistru għat-Trasparenza komuni ġie ffirmat fis-sessjoni plenarja tal-PE mill-President tal-PE, Jerzy Buzek u l-Viċi President tal-Kummissjoni, Maroš Šefčovič. Dan nieda r-Reġistru għat-Trasparenza.

  • L-1 ta' Lulju 2011: il-JTRS beda xogħlu - format ta' ħidma ġdid u innovattiv fl-istituzzjonijiet tal-UE, li jikkonsisti minn persunal minn żewġ istituzzjonijiet separati.

  • Marzu 2012: ingħata aċċess għas-sistema elettronika ġdida biex tintalab akkreditazzjoni tal-PE permezz tar-Reġistru. Din issostitwixxiet it-talba tal-akkreditazzjoni ta' qabel ibbażata fuq il-karta u tiżgura li dawk biss li huma reġistrati jistgħu jitolbu drittijiet tal-aċċess għall-bini tal-PE.

  • Is-7 ta' Ġunju 2012: osservatur mis-Segretarjat Ġenerali tal-Kunsill beda jipparteċipa fil-laqgħat ta' kull ġimgħa tal-JTRS.

  • It-8 ta' Ġunju - il-31 ta' Awwissu 2012: saret konsultazzjoni pubblika dwar l-operazzjonijiet tar-Reġistru għar-reġistranti u u dawk li mhumiex. B’kollox, ħadu sehem 253 persuna u organizzazzjoni.

  • It-23 ta’ Ġunju 2012: ir-reġistru ta' qabel tal-Kummissjoni għar-rappreżentanti tal-interessi (imwaqqaf fl-2008) ingħalaq, wara perjodu ta’ tranżizzjoni ta’ sena. Ir-Reġistru għat-Trasparenza ċċelebra l-ewwel għeluq sninu b'5,150 reġistrant.

  • Novembru 2012: l-ewwel Rapport Annwali dwar ir-Reġistru għat-Trasparenza.

  • Sa Ġunju 2013: se tiġi mnedija reviżjoni tar-Reġistru tat-Trasparenza, kif previst fl-IIA.

Ir-Reġistru tat-Trasparenza:

http://europa.eu/transparency-register/

Rapport annwali:

http://europa.eu/transparency-register/about-register/official-documents/reports-and-publication/index_en.htm

Kuntatti:

Antonio Gravili (+32 2 295 43 17)

Marilyn Carruthers (+32 2 299 94 51)

ANNEX


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site