Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni biex tħares lin-negozji minn prattiki kummerċjali qarrieqa

European Commission - IP/12/1264   27/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-27 ta' Novembru 2012

Il-Kummissjoni Ewropea tieħu azzjoni biex tħares lin-negozji minn prattiki kummerċjali qarrieqa

Brussell, is-27 ta’ Novembru 2012 – Illum, il-Kummissjoni Ewropea elenkat serje ta' azzjonijiet biex tindirizza l-kwistjoni tal-prattiki kummerċjali qarrieqa, bħal dawk tal-kumpaniji tad-direttorju. L-għan huwa biex in-negozji, il-professjonisti u l-NGOs fl-Ewropa kollha jitħarsu aħjar minn kummerċjanti diżonesti li ma jżommux mar-regoli u li jirrikorru għal prattiki kummerċjali qarrieqa, bħal meta jibagħtu l-formoli lin-negozji u jitolbuhom jaġġornaw id-dettalji tagħhom fid-direttorji tagħhom, b’mod li għall-ewwel jidher bla ħlas, imma mbagħad jitolbu ħlas mingħandhom kull sena. Il-kumpaniji żgħar huma partikolarment vulnerabbli għal min iwettaq frodi, li ta’ spiss ikun jopera minn ġuriżdizzjoni oħra fl-UE. Dan jagħmel l-infurzar diffiċli. Il-Kummissjoni għalhekk ħabbret li qed tippjana li ssaħħaħ il-leġiżlazzjoni eżistenti (id-Direttiva 2006/114/KE dwar ir-Reklamar Qarrieqi u Komparattiv) biex tipprojbixxi biċ-ċar prattiki ħżiena bħalma huma l-ħabi tal-intenzjoni ta’ kummerċ f’komunikazzjoni, filwaqt li fl-istess ħin tagħti spinta lill-infurzar tar-regoli fil-każijiet transkonfinali.

"Huma biss regoli sodi fl-Ewropa kollha li jippermettulna nxejnu l-prattiki qarrieqa li jkollhom fil-mira tagħhom in-negozji u niżguraw li l-ħatja ma jkunux jistgħu jinħbew wara l-fruntieri nazzjonali. Din hija r-raġuni għaliex illum qed inressqu dan il-pjan komprensiv", qalet il-Viċi President Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Il-prattiki ta’ kumpaniji tad-direttorju qarrieqa, ta’ fatturi foloz u oħrajn simili, iridu jieqfu. L-intrapriżi ż-żgħar huma s-sinsla tal-ekonomija Ewropea u ma jifilħux jitilfu flushom għax jispiċċaw vittma tal-frodisti. Aħna determinati li ntejbu s-sigurtà tan-negozju li jsir fl-Ewropa."

Ta' kuljum, negozji, professjonisti u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili fl-UE jisfaw vittmi ta' prattiki kummerċjali qarrieqa. Dawn ivarjaw minn għoti ta’ informazzjoni falza jew qarrieqa dwar is-servizz, sat-tressiq ta’ offerti mogħtija l-libsa ta’ fattura jew ta’ formoli qarrieqa li jitolbu lil dak li jkun jaġġorna l-entrata tiegħu fid-direttorji tan-negozju. Iċ-ċifri juru xejra ġdida li tista’ taffettwa n-negozji fid-dinja kollha. Bil-firxa ta’ tekniki fil-marketing tal-massa, hemm x’juri li l-iktar operaturi notorji ta' direttorji qarrieqa jistgħu jibagħtu sa 6 miljun formola fis-sena. Il-ħsara finanzjarja lil kumpaniji individwali li tirriżulta minn prattiki ta' kumpaniji tad-direttorji qarrieqa hija stmata li hi bejn l-€1,000 u l-€5,000 fis-sena għal kull kumpanija. It-23 miljun impriża żgħira u ta’ daqs medju (SMEs) fl-Ewropa jirrappreżentaw 99 % tan-negozji fl-UE u ħolqu 85 % tal-impjiegi ġodda netti fl-UE bejn l-2002 u l-2010. Dawn huma fatturi ewlenin għat-tkabbir ekonomiku u d-drittijiet tagħhom għandhom jiġu protetti.

Illum, il-Kummissjoni ppubblikat strateġija (Komunikazzjoni) li tippreżenta lista dettaljata ta’ azzjonijiet għall-futur biex iżżid il-protezzjoni tan-negozji:

1. Ir-reviżjoni tar-regoli li jipprojbixxu ċerti prattiki hekk li jsiru aktar b’saħħithom

  1. Biex tissaħħaħ iċ-ċertezza legali u jiġi żgurat li ma jkunx hemm lakuni, xi prattiki li huma bla dubju ta’ xejn prattiki qarrieqa, bħal dawk tal-kumpaniji tad-direttorju qarrieqa, se jiġu pprojbiti espliċitament sabiex il-kummerċjanti jkunu jafu mill-ewwel li tali prattiki jaqgħu taħt id-Direttiva dwar ir-Reklamar Qarrieqi u Komparattiv u għalhekk huma illegali.

  2. Biex ikun żgurat li kulħadd josserva r-regoli tal-logħba, il-Kummissjoni beħsiebha ssaħħaħ il-pieni fil-każijiet ta’ ksur. L-Istati Membri iridu jiżguraw li l-liġijiet tagħhom jipprevedu pieni effettivi proporzjonati u dissważivi.

2. It-tisħiħ tal-infurzar tar-regoli kontra prattiki kummerċjali qarrieqa f'każijiet transkonfinali:

  1. Kull Stat Membru se jkun obbligat jaħtar awtorità tal-infurzar bis-setgħat meħtieġa hekk li jiżgura li r-regoli jkunu applikati wkoll fir-relazzjonijiet bejn negozju u ieħor. Sal-lum, dan mhuwiex il-każ fil-pajjiżi kollha tal-UE.

  2. Il-Kummissjoni se tistabbilixxi proċedura ta’ kooperazzjoni bejn l-awtoritajiet tal-infurzar. Lill-awtoritajiet rilevanti, bħall-aġenziji tal-kompetizzjoni jew tal-ħarsien tal-konsumatur, dan in-netwerk tal-infurzar se jippermettilhom jiskambjaw informazzjoni, jitolbu assistenza transkonfinali lil xulxin u jġibu fi tmiemhom prattiki qarrieqa li jaffettwaw in-negozji.

Biex taġġorna r-regoli attwali, il-Kummissjoni qed tippjana li tippreżenta proposta matul l-2013, u dan wara li tagħmel valutazzjoni serja tal-impatt.

L-azzjoni tal-Kummissjoni hija reazzjoni għal stħarriġ mill-Parlament Ewropew u minn konsultazzjoni pubblika (ara IP/11/1224) fejn in-negozji ta’ kull daqs u mis-setturi kollha appellaw bil-qawwa biex fil-livell tal-UE ikun hemm protezzjoni akbar kontra prattiki kummerċjali qarrieqa, li fil-mira tagħhom ikollhom speċifikament in-negozji. 84 % ta’ dawk li wieġbu jappoġġjaw leġiżlazzjoni li tkopri l-UE kollha kontra dawk il-prattiki kummerċjali li l-aktar jagħmlu ħsara lin-negozji.

Sfond

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-reklamar qarrieqi u komparattiv (id-Direttiva 2006/114/KE tat-12 ta’ Diċembru 2006) tistabbilixxi standard minimu legali, għall-UE kollha, ta’ protezzjoni lin-negozji kontra prattiki kummerċjali qarrieqa. Barra minn hekk, tiżgura li r-reklamar komparattiv iqabbel "ħaġa ma' oħra bħalha", li ma jbaxxix l-istima ta' marki rreġistrati ta' kumpaniji oħrajn u li ma joħloqx konfużjoni fost il-kummerċjanti.

Hemm diversi prattiki kummerċjali qarrieqa mħaddma minn kummerċjanti diżonesti, u fuq skala kbira. L-iktar prattiki abbużivi frekwenti normalment jissejsu fuq skema ewlenija komuni: kummerċjant diżonest iqarraq b’vittma b’mod li jwassalha tagħti l-kunsens tagħha sal-punt li jiġi konkluż kuntratt li minnu mbagħad ma jirriżulta ebda servizz, inkella jirriżulta biss biċċa servizz, u dan bi prezz eżorbitanti u skont kundizzjonijiet kuntrattwali abbużivi. Wara, il-kummerċjant qarrieq juża l-mezzi kollha possibbli biex jinforza l-pagament.

Skema komuni ħafna hija dik ta' kumpaniji tad-direttorju qarrieqa li jibagħtu l-formoli fejn jitolbu lill-operaturi kummerċjali (bħal sidien tal-ħwienet, periti u tobba) jaġġornaw id-dettalji tagħhom, xi ħaġa li għall-ewwel tidher bla ħlas. Malli l-vittma tiffirma, lil din imbagħad jgħidulha li hi għadha kif iffirmat kuntratt u jitolbuha tħallas somma sinifikanti kull sena. Stħarriġ li sar fl-UE kollha ddokumenta 13,000 ilment marbuta ma’ prattiki qarrieqa minn kumpaniji tad-direttorju – ammont maħsub li jirrifletti biss parti verament żgħira ta’ dak globali. F'dan il-kuntest, l-infurzar effettiv tar-regoli tal-UE bħalissa huwa diffiċli fejn il-vittma u l-ħati jkunu ġejjin minn żewġ pajjiżi differenti tal-UE.

Il-Parlament Ewropew ukoll enfasizza l-importanza ta' dan is-suġġett f'ħafna okkażjonijiet. B'mod partikolari, kienet il-problema ta' kumpaniji tad-direttorji qarrieqa li sawret il-bażi għal żewġ Riżoluzzjonijiet importanti mill-Parlament Ewropew, waħda fl-2008 u waħda aktar reċenti fid-9 ta' Ġunju tal-2011.

Għal aktar informazzjoni

Il-Komunikazzjoni “Inħarsu n-negozji minn prattiki kummerċjali qarrieqa u niżguraw infurzar effettiv”.

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/files/communication_misleading_practices_protection_en.pdf

Riżultati tal-konsultazzjoni pubblika:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/consumer-marketing/opinion/111021_en.htm

Il-leġiżlazzjoni tal-UE dwar ir-reklamar qarrieqi u komparattiv

http://ec.europa.eu/justice/consumer-marketing/unfair-trade/false-advertising/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website