Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-impjiegi: il-Kummissjoni ttejjeb in-netwerk tal-mobilità EURES għal min qed ifittex xogħol

European Commission - IP/12/1262   26/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Novembru 2012

L-impjiegi: il-Kummissjoni ttejjeb in-netwerk tal-mobilità EURES għal min qed ifittex xogħol

Il-Kummissjoni Ewropea adottat Deċiżjoni biex ikun modernizzat u mtejjeb il-EURES, in-netwerk pan-UE għat-tiftix tax-xogħol. Id-Deċiżjoni se tgħin biex tiżdied il-mobbiltà tal-ħaddiema fost l-Istati Membri u titħejja t-triq għal suq tax-xogħol tassew Ewropew. Ir-riforma tal-EURES għandha l-għan li kull min qed ifittex xogħol isibha eħfef biex jagħmel kuntatt ma' dawk li jħaddmu u li qed ifittxu ċerti ħiliet, billi jiffoka fuq setturi u professjonijiet b'nuqqas ta' ħiliet, u li tappoġġa skemi ta' mobbiltà mmirati għaż-żgħażagħ.

Skont László Andor, il-Kummissarju Ewropew għall-Impjiegi, l-Affarijiet Soċjali u l-Inklużjoni: "Parti mis-soluzzjoni għal livelli għoljin u inaċċettabbli ta' qgħad tista' tkun billi titjieb il-mobbilità bejn l-Istati Membri għal min qed ifittex xogħol. In-netwerk EURES imtejjeb se jkollu l-għan li jgħin lil dawk li huma lesti jmorru jaħdmu f'pajjiż ieħor sabiex jagħrfu postijiet tax-xogħol battala li jkunu adattati u lil min iħaddem sabiex isib ħaddiema b'ħiliet xierqa Issa qed nistiednu lill-Istati Membri kollha biex iħejju ruħhom ħalli jwettqu r-riforma."

Minkejja l-livelli għoljin ta' qgħad (aktar minn 25 miljun persuna fl-UE) għad hemm nuqqas ta' ħaddiema u xkiel għall-postijiet tax-xogħol battala. L-għadd ta' postijiet tax-xogħol li jibqgħu battala ilu jiżdied minn nofs l-2009, partikolarment f'oqsma bi tkabbir għoli bħal dak tat-teknoloġiji tal-informazzjoni u l-komunikazzjoni u l-qasam tal-ekonomija ekoloġika.

EURES huwa netwerk eżistenti għat-tiftix tax-xogħol ta' 31 servizz Ewropew tal-impjiegi fl-Istati Membri tal-UE, il-pajjiżi taż-ŻEE (in-Norveġja, l-Iżlanda u l-Liechtenstein) u l-Isvizzera. Id-Deċiżjoni l-ġdida tal-Kummissjoni se tgħin biex il-EURES iwieġeb direttament għal ħtiġijiet ekonomiċi speċifiċi. Minħabba f'hekk, il-EURES se jqabbel b'mod proattiv lil dawk li qed ifittxu jew ibiddlu x-xogħol mal-postijiet tax-xogħol li jkunu battala. Minbarra dan, lil min iħaddem se jagħtih aċċess aħjar għal għadd ta' kandidati li minn fosthom ikun jista' jagħżel il-ħiliet li jeħtieġ biex jagħmel jew ikabbar in-negozju tiegħu.

Ir-riforma se tiffoka l-EURES aktar fuq iż-żgħażagħ, li għandhom propensità ogħla li jimxu minn pajjiż għal ieħor, u tkopri forom ta' impjiegi li jgħaqqdu x-xogħol u ma' opportunitajiet tat-tagħlim, bħall-apprentistati. Fl-aħħar nett, il-portal elettroniku EURES se jiġġedded biex lill-utent joħloqlu għodod onlajn faċli li bihom ikun jista' jqabbel u jagħtih aċċess għal intelliġenza tas-suq tax-xogħol ibbażat fuq il-ħiliet.

Ir-riforma se twessa' l-għadd ta' msieħba li joffru servizzi ta' mobbiltà permezz tal-EURES u se tibni koperazzjoni bejn organizzazzjonijiet pubbliċi u privati tat-tiftix tax-xogħol sabiex dan ikopri persentaġġ ferm ogħla ta' postijiet tax-xogħol battala li jkunu disponibbli – bħalissa jkopri bejn 30-40% tal-postijiet tax-xogħol battala kollha li huma disponibbli.

Id-Deċiżjoni għandha tiġi implimentata mill-Kummissjoni u l-Istati Membri sal-1 ta' Jannar 2014. Sa dakinhar, il-pajjiżi parteċipanti kollha se jkollhom jaħtru servizzi speċjalizzati biex jorganizzaw ir-riforma, jaħdmu mal-imsieħba l-ġodda u jiżviluppaw is-servizzi mmirati meħtieġa.

Kuntest

Liċ-ċittadini tal-UE, il-moviment ħieles tal-ħaddiema jippermettilhom ifittxu impjieg f'pajjiż ieħor tal-UE, jaħdmu f'dak il-pajjiż mingħajr ma jkollhom bżonn permess tax-xogħol, u jgawdu l-istess trattament daqslikieku ċittadini tal-pajjiż ospitanti fejn jidħlu l-aċċess għall-impjieg, il-kundizzjonijiet tax-xogħol u l-benefiċċji soċjali.

Bħalissa ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru differenti minn tagħhom, huma biss 3.1% tal-forza tax-xogħol tal-UE. L-għadd żdied bi kważi 60% mill-2005, prinċipalment minħabba t-tkabbir tal-2004 u l-2007. B'mod ġenerali huwa stmat li wara t-tkabbir, il-flussi tal-mobbiltà żiedu l-PDG tal-pajjiżi tal-UE-15 b'madwar 1% matul il-perjodu mill-2004 sal-2009. Madankollu, il-kriżi ekonomika wasslet għal tnaqqis fil-flussi tal-mobbiltà bejn il-pajjiżi tal-UE – bejn l-2009 u l-2011, il-flussi tal-mobbiltà fl-UE naqsu b'terz meta mqabbla mal-perjodu bejn l-2006 u l-2008.

Il-Portal tal-mobbiltà tax-xogħol EURES diġà huwa uniku fl-UE billi huwa bla ħlas u jagħti tagħrif dwar il-kundizzjonijiet tal-għajxien u tax-xogħol fil-pajjiżi parteċipanti kollha b'25 lingwa. Il-websajt iżuruha erba' miljuni fix-xahar, toħloq 150,000 kuntatt kull xahar bejn min qed ifittex xogħol u min iħaddem u għalhekk twassal għal madwar 50,000 kollokament f'impjiegi kull sena, u bħala medja tilqa' 750,000 CV f'xi ħin f'xahar partikolari. Hemm mijiet ta' avvenimenti li qed jiġru fl-Ewropa kollha u dawn jistgħu jinstabu fil-Kalendarju tal-Avvenimenti EURES.

Għal aktar tagħrif

Ara MEMO/12/896 u MEMO/12/897

Ara d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni:

http://ec.europa.eu/social/main.jsp?langId=en&catId=89&newsId=1725&furtherNews=yes

Żur il-websajt ta' László Andor:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/andor/index_en.htm

Segwi lil László Andor fuq Twitter: http://twitter.com/LaszloAndorEU

Abbona bla ħlas fil-bullettin bl-email tal-Kummissjoni Ewropea dwar l-impjiegi, l-affarijiet soċjali u l-inklużjoni: http://ec.europa.eu/social/e-newsletter

Kuntatti:

Jonathan Todd (+32 2 299 41 07)

Nadège Defrère (+32 2 296 45 44)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website