Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-23 ta' Novembru 2012

It-tieni rapport tal-Kummissjoni dwar l-istat taż-żona ta' Schengen

Iż-żona ta' moviment liberu ta' Schengen tippermetti lil iktar minn 400 miljun ċittadin tal-UE minn 26 pajjiż Ewropew u għadd dejjem jikber ta' ċittadini mhux tal-UE, li jivvjaġġaw mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni. Illum il-Kummissjoni adottat it-tieni "test tas-saħħa" ta' Schengen li hija ħarsa ġenerali biennali lejn it-tħaddim taż-żona ta' Schengen.

Ir-rapport jipprovdi rendikont ċar tal-istat taż-żona ta' Schengen, biex jiġu żgurati interpretazzjoni u implimentazzjoni koerenti tar-regoli komuni fost il-pajjiżi parteċipanti kollha ta' Schengen1.

"Li tivvjaġġa liberament fiż-żona ta' Schengen hija waħda mill-ikbar kisbiet Ewropej. Iż-żamma ta' żona mingħajr kontrolli fil-fruntieri interni teħtieġ sforz u impenn kontinwi mill-membri kollha tagħha. Dan jitlob fiduċja reċiproka, qafas Ewropew xieraq, dibattiti trasparenti u kooperazzjoni. Sabiex insaħħu ż-żona ta' Schengen għandna bżonn intejbu l-valutazzjoni u l-monitoraġġ. Insejjaħ lill-Kunsill u lill-Parlament Ewropew biex jagħmlu progress fin-negozjati li għaddejjin dwar il-proposti ta' Schengen" qalet il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni, Cecilia Malmström.

It-tieni rapport ikopri l-perjodu mill-1 ta' Mejju 2012 sal-31 ta' Ottubru 2012 u jivvaluta b'mod partikolari:

Is-sitwazzjoni fil-fruntieri esterni ta’ Schengen u fiż-żona Schengen

Bejn April u Ġunju 2012, instabu madwar 23,000 qsim irregolari tal-fruntiera, li jirrappreżenta tnaqqis ta' 44% meta mqabbel mal-istess perjodu fl-2011 fl-aqwa tar-Rebbiegħa Għarbija. Madankollu, is-sejbiet fil-fruntieri tal-art bejn il-Greċja u t-Turkija rrappurtaw żieda ta' 29%. Sitta u ħamsin fil-mija tas-sejbiet kollha seħħew f'din is-sezzjoni tal-fruntiera, li tibqa' l-punt ewlieni ta' dħul għall-migrazzjoni irregolari fl-UE. Minn mindu f'Awwissu 2012, ġew ristazzjonati 1,800 gwardjan tal-fruntieri (Operation Shield), il-kontrolli f'din is-sezzjoni tal-fruntiera tjiebu sew, bl-awtoritajiet Griegi jirrappurtaw tnaqqis drastiku fis-sejbiet ta' qsim irregolari tal-konfini fiż-żona ta' Evros.

Saru sforzi wkoll biex jittejjeb il-ġbir ta' informazzjoni dwar il-flussi migratorji fiż-żona ta' Schengen. Il-Kummissjoni se tkompli ssib modi differenti biex ittejjeb il-ġbir tad-dejta u l-analiżi tal-movimenti migratorji irregolari.

L-applikazzjoni tar-regoli ta’ Schengen

Matul il-perjodu ta' sitt xhur kopert mir-rapport, il-kontrolli fil-fruntieri interni ġew introdotti mill-ġdid darbtejn: - minn Spanja bejn it-28 ta' April u l-4 ta' Mejju 2012 għal-laqgħa tal-Bank Ċentrali Ewropew f'Barċellona bejn it-2 u l-4 ta' Mejju 2012 (669,385 ruħ ġew ikkontrollati fil-fruntieri tal-art ma' Franza kif ukoll fl-ajruporti ta' Barċellona u Girona - 68 ruħ ġew miċħuda d-dħul); - mill-Polonja bejn l-4 ta' Ġunju u l-1 ta' Lulju għall-kampjonati tal-futbol EURO 2012 (28,980 ruħ ġew ikkontrollati fil-fruntieri interni tal-Polonja - 22 ruħ ġew miċħuda d-dħul u 15 ġew arrestati).

Il-verifiki tal-applikazzjoni korretta tar-regoli twettqu permezz iċċekkjar fil-post f’bosta Stati parteċipanti (permezz tal-mekkaniżmu ta’ valutazzjoni ta’ Schengen) fir-rigward ta': il-fruntieri fuq il-baħar (fl-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja u s-Slovenja), il-kooperazzjoni tal-pulizija (fl-Ungerija, is-Slovakkja, ir-Repubblika Ċeka u l-Polonja), il-fruntieri fl-ajru (fl-Estonja, il-Latvja u l-Litwanja), il-protezzjoni tad-dejta (fl-Estonja, il-Latvja, il-Litwanja, Malta u s-Slovenja), SIS/Sirene (fid-Danimarka, l-Islanda u n-Norveġja) kif ukoll il-viża (fil-Latvja u l-Litwanja). Dawn il-valutazzjonijiet ma wrewx it-tip ta' defiċenzi li kieku jkunu jirrikjedu azzjoni immedjata mill-Kummissjoni.

Proċeduri għall-ħruġ ta' viża

Fl-10 ta' Mejju 2012, tnediet b'suċċess is-Sistema ta' Informazzjoni dwar il-Viża (VIS) fit-tieni reġjun ta' kollokament, il-Lvant Qrib (l-Iżrael, il-Ġordan, il-Libanu u s-Sirja). Fit-2 ta' Ottubru 2012, din bdiet l-operazzjonijiet tagħha fit-tielet reġjun, il-Golf (l-Afganistan, il-Baħrejn, l-Iran, l-Iraq, il-Kuwajt, l-Oman, il-Qatar, l-Arabja Sawdija, l-Emirati Għarab Magħquda u l-Jemen). Il-VIS qed taħdem sew u sal-4 ta' Novembru 2012, is-sistema kienet ipproċessat madwar 1,800,000 applikazzjoni għall-viża, ħarġet madwar 1,500,000 viża u ċaħdet xi 220,000 viża.

Sfond

F’Settembru 2011, il-Kummissjoni għamlet proposti biex issaħħaħ l-effiċjenza u l-leġittimità tas-sistema ta' Schengen (IP/11/1036 u MEMO/11/606).). Fil-Komunikazzjoni tagħha “Il-ġestjoni ta’ Schengen - it-tisħiħ taż-żona mingħajr kontroll fuq il-fruntieri interni”, il-Kummissjoni ħabbret l-intenzjoni tagħha li tippreżenta lill-istituzzjonijiet tal-UE, darbtejn fis-sena, b'ħarsa ġenerali lejn il-funzjonament ta' Schengen.

Dawn ir-rapporti se jipprovdu l-bażi għal dibattitu fil-Parlament Ewropew u fil-Kunsill u se jikkontribwixxu għat-tisħiħ tal-gwida u l-kooperazzjoni politika bejn il-pajjiżi ta' Schengen. L-ewwel rapport tal-Kummissjoni ġie adottat f'Mejju li għadda (IP/12/481) u ġie diskuss fil-Kunsill tas-7 ta' Ġunju 2012 u fil-Parlament fl-4 ta' Lulju 2012.

Barra minn hekk, in-negozjati dwar iż-żewġ proposti leġiżlattivi li tressqu f'Settembru 2011 għadhom għaddejjin u l-Kummissjoni hija ottimista li jista' jinstab kompromess sodisfaċenti bejn il-leġiżlaturi.

Dawn il-proposti leġiżlattivi jistabbilixxu valutazzjoni fil-livell tal-UE aktar b’saħħitha u jissorveljaw sistema biex jivverifikaw u jiżguraw l-applikazzjoni tar-regoli ta’ Schengen, u għal mekkaniżmu Ewropew tat-teħid tad-deċiżjonijiet aktar strutturat li jista’ jippermetti introduzzjoni temporanja mill-ġdid ta’ kontrolli tal-fruntieri interni f’każ ta’ theddid serju lill-politika pubblika jew lis-sigurtà interna.

Links siewja

It-Twitter u l-websajt ta' Cecilia Malmström

Il-websajt u t-Twitter tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

1 :

Sitta u għoxrin pajjiż, jiġifieri l-Istati Membri kollha tal-UE ħlief ir-Renju Unit, l-Irlanda, ir-Rumanija, il-Bulgarija u Ċipru, u l-pajjiżi mhux tal-UE, jiġifieri l-Islanda, in-Norveġja, l-Isvizzera u l-Liechtenstein.


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website