Navigation path

Left navigation

Additional tools

L-ambjent: Ġurnata sabiħa għan-natura fl-Ewropa

European Commission - IP/12/1255   26/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-26 ta' Novembru 2012

L-ambjent: Ġurnata sabiħa għan-natura fl-Ewropa

Kważi 25 000 km2 ta’ wesgħa naturali imprezzabbli ġiet miżjuda man-netwerk Natura 2000. Dan in-netwerk ta' siti protetti huwa l-għodda primarja tal-UE fil-ġlieda għall-konservazzjoni tal-bijodiversità rikka tal-Ewropa. Il-Kummissjoni issa formalment approvat l-inklużjoni fin-netwerk ta' 235 sit ieħor, proposti mill-Istati Membri biex jiġu rikonoxxuti bħala “Siti ta’ Importanza Komunitarja”. L-Istati Membri se jkollhom sitt snin biex jimplimentaw il-miżuri meħtieġa sabiex jipproteġu dawn is-siti. L-aħħar aġġornament jikkonċerna 20 Stat Membru u jkopri d-disa' reġjuni bijoġeografiċi tan-netwerk – ir-reġjun Alpin, Atlantiku, tal-Baħar l-Iswed, Boreali, Kontinentali, Makaroneżjan, Mediterranju, Pannonjan u Steppiku. Natura 2000 issa tkopri 768 000 km2 (17.9%) tal-massa tal-art tal-UE u aktar minn 217 000 km2 (madwar 4%) tal-ibħra tagħha.

Il-Kummissarju Potočnik qal: “Nifraħ lil dawn l-Istati Membri għal kontribuzzjoni sinifikanti oħra lill-protezzjoni tal-kapital naturali tal-Ewropa. In-netwerk Natura 2000 huwa s-sinsla tal-isforzi tagħna biex nipproteġu d-dinja naturali, u huwa vitali għall-bijodiversità. Barra minn hekk, joffri wkoll spazji attraenti għall-esplorazzjoni u r-rilassament, u dan jipprovdi opportunitajiet kbar biex niżviluppaw attivitajiet ekonomiċi ġodda bbażati fuq dawn l-assi naturali prezzjużi. L-espansjoni hija aħbar tajba għan-natura, u aħbar tajba għalina."

Il-pajjiżi ewlenin involuti fl-espansjoni huma r-Renju Unit, ir-Rumanija, il-Latvja, l-Italja, l-Iżvezja, il-Bulgarija, id-Danimarka, Franza, is-Slovakkja, l-Estonja u Malta.

L-aktar żieda sinifikanti din is-sena hija n-nomina tar-Renju Unit tad-Dogger Bank (12 330 km2), baħar baxx fil-parti ċentrali tal-Baħar tat-Tramuntana li fih xtut imrammla taħt l-ilma. Flimkien ma' siti kontingwi mill-Ġermanja u l-Olanda, dan joħloq sit transkonfinali kbir Natura 2000 li jkopri iktar minn 18 000 km2. Dogger Bank ġie primarjament innominat għall-ħabitats tax-xtut imrammla tiegħu, li huma produttivi ħafna u huma art importanti għar-riproduzzjoni u t-trobbija għal bosta attivitajiet ta' sajd kummerċjali. Din in-nomina se tiffaċilita l-ġestjoni koordinata taż-żona, inkluż sforzi konġunti mill-Istati Membri kkonċernati biex jiżviluppaw miżuri xierqa għall-attivitajiet tas-sajd.

Iż-żidiet ewlenin fil-Baltiku kienu n-nomini tal-Iżvezja u l-Latvja ta' 10 żoni tal-baħar ġodda. Dawn is-siti għandhom ħabitats ta' xtut imrammla u skolli għanja fl-ispeċjiet u joffru art vitali fejn jieklu l-foki u l-ħut migratorju. L-10 siti jkopru kważi 4 000 km2 ta' wiċċ il-baħar.

Relattivament għad-daqs tiegħu, il-pajjiż bl-akbar kontribuzzjoni kien Malta, b’183 km2 ta' żoni tal-baħar nominati, li joħolqu l-bażi għal network solidu tal-baħar fl-ilmijiet tal-madwar. Is-siti tal-baħar ġodda Maltin se jgħinu fil-konservazzjoni tal-mergħat tal-alki Posidonja u tas-sikek mgħaddsa, u joffru ħabitat vitali għall-Gibbula ta' Malta (Gibbula nivosa), bebbuxu b'kuluri jgħajtu.

L-akbar espansjoni tan-netwerk fuq l-art saret fir-Rumanija. 109 siti ġew miżjuda u ħafna siti eżistenti mkabbra, sabiex iż-żona totali tas-siti issa tkopri kważi 42 000 km2. Iż-żidiet jinkludu firxa kbira ta' ħabitats ta' mergħat u foresti għanja bl-ispeċijiet, u ħabitats vitali għal bosta speċijiet rari u fil-periklu, fosthom bosta speċijiet ta' farfett il-lejl u anfibji. Flimkien ma' siti addizzjonali proposti mill-Bulgarija u r-Repubblika Slovakka, is-siti Natura 2000 ġodda Rumeni jipprovdu wkoll protezzjoni aħjar għall-fawna għanja tal-ħut endemiku tal-baċir tax-Xmara Danubju.

Sfond

Natura 2000 huwa netwerk ta’ żoni protetti, li jikkonsistu f'Żoni Speċjali ta' Konservazzjoni stabbiliti taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats tal-UE u Żoni ta’ Protezzjoni Speċjali stabbiliti taħt id-Direttiva dwar l-Għasafar tal-UE. Natura 2000 mhijiex sikkatura: attivitajiet bħall-biedja, it-turiżmu, il-forestrija u attivitajiet ta’ divertiment ikunu għadhom jistgħu jitwettqu ġewwa n-netwerk sakemm ikunu sostenibbli u f’armonija mal-ambjent naturali.

L-Istati Membri jagħżlu s-siti tagħhom ta’ Natura 2000 stabbiliti taħt id-Direttiva dwar il-Ħabitats fi sħubija mal-Kummissjoni, u ladarba jintgħażlu, iż-żoni jiġu rikonoxxuti formalment mill-Kummissjoni bħala "Siti ta’ Importanza Komunitarja", kif ġara llum. Dan il-proċess jikkonferma l-istatus formali tas-siti, u jiffissa l-obbligi biex dawn ikunu protetti. L-Istati Membri mbagħad ikollhom sitt snin biex idaħħlu fis-seħħ il-miżuri ta’ ġestjoni meħtieġa u jinnominaw is-siti bħala Żoni Speċjali ta' Konservazzjoni.

L-aħħar aġġornament jikkonċerna 20 Stat Membru, u jżid l-għadd ta’ "Siti ta’ Importanza Komunitarja" b’235. Iż-żidiet reċenti ikopru id-disa' reġjuni bijo-ġeografiċi kollha tan-netwerk – ir-reġjun Alpin, Atlantiku, tal-Baħar l-Iswed, Boreali, Kontinentali, Makaroneżjan, Mediterranju, Pannonjan u Steppiku.

Il-medda ta’ żoni protetti hija vasta, minn mergħat mimlijin fjuri sa sistemi ta' għerien u laguni. Id-disa’ reġjuni bijoġeografiċi tan-netwerk jirriflettu l-varjetà wiesgħa tal-bijodiversità tal-UE.

Il-bijodiversità – riżorsa limitata li hija l-varjetà tal-ħajja fuq wiċċ id-dinja - tinsab fi kriżi. L-ispeċijiet qed jintilfu b’rata mingħajr preċedent, b’konsegwenzi irriversibbli għall-futur tagħna. L-Unjoni Ewropea qed tiġġieled kontra dan u reċentement stabbilixxiet għaliha nnifisha għan ġdid; dak li sal-2020 twaqqaf it-telf ta' bijodiversità fl-Ewropa, billi tħares is-servizzi tal-ekosistemi bħad-dakkir u l-ilqugħ għall-għargħar (u terġa’ tirriġenera dawn is-servizzi fejn huma degradati), u ttejjeb il-kontribuzzjoni tagħha biex jiġi evitat it-telf tal-bijodiversità globali. Natura 2000 hija għodda ewlenija meħtieġa sabiex jintlaħaq dak l-għan.

Għal iktar informazzjoni:

Aktar dettalji dwar il-politika tal-UE dwar in-Natura: http://ec.europa.eu/environment/nature/index_en.htm

Għal aktar dettalji dwar din l-espansjoni, ara MEMO/12/889

Persuni ta’ kuntatt:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website