Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-Istampa

Brussell, 23 Novembru 2012

Azzjoni klimatika: il-konferenza ta’ Doha trid tħejji l-bażi tal-ftehim dwar il-klima globali tal-2015

Il-konferenza tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-tibdil fil-klima li se ssir il-ġimgħa d-dieħla f’Doha, il-Qatar trid tagħti bidu għall-ħidma iebsa biex il-ftehim tas-sena l-oħra għat-tisħiħ tal-azzjoni klimatika globali tibdlu f'realtà. L-Unjoni Ewropea trid eżitu li sal-2015 imexxi 'l quddiem l-elementi kollha tal-pakkett ta' deċiżjonijiet li ntlaħaq ftehim dwaru f'Durban lejn ftehim ġdid dwar il-klima globali. L-UE talbet ukoll lill-Presidenza tal-Qatar biex torganizza diskussjonijiet ministerjali biex jintlaħaq qbil dwar miżuri konkreti għal tnaqqis akbar fl-emissjonijiet globali sal-2020. L-UE temmen bis-sħiħ fil-parti tagħha fil-ftehim li ntlaħaq f’Durban u fl-impenn tagħha biex tipparteċipa fit-tieni perjodu tal-Protokoll ta’ Kjoto.

L-UE hija l-akbar donatur dinji ta' għajnuna uffiċjali għall-iżvilupp u ta' finanzjament klimatiku lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw. F’Doha l-UE se turi li tinsab fit-triq it-tajba biex twassal xejn anqas minn EUR 7.2 biljun f'finanzjament klimatiku ‘rapidu’ li hija wiegħdet għall-perjodu 2010-2012. L-UE se tiddiskuti wkoll mas-sħab tagħha tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw kif flussi ewlenin tal-finanzjament klimatiku tal-UE jistgħu jkomplu fl-2013 u l-2014. Barra minn hekk l-UE se tipprovdi assigurazzjoni mill-ġdid li se tibqa’ impenjata bis-sħiħ biex tagħti s-sehem ġust tagħha ta’ US$ 100bn fis-sena f’finanzjament klimatiku li l-pajjiżi li qed jiżviluppaw wiegħdu li se jimmobilizzaw sal-2020 bħala sostenn għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex dawn jimmitigaw l-emissjonijiet tagħhom u jadattaw għat-tibdil fil-klima.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika, qalet: “Doha trid tibni fuq il-progress li nkiseb f’Durban u tavvanza bi tħejjija għall-ftehim legalment vinkolanti tal-2015 dwar it-tibdil fil-klima. Ugwalment importanti se jkun li jintlaħaq ftehim dwar miżuri ulterjuri biex jitnaqqsu l-emissjonijiet sabiex inkunu nistgħu nibqgħu taħt żieda ta’ 2°C. L-UE tappoġġa l-impenji tagħna biex nipparteċipaw fit-tieni perjodu tal-Protokoll ta' Kjoto u biex nibqgħu nipprovdu sostenn finanzjarju ewlieni biex ngħinu lill-pajjiżi li qed jiżviluppaw jegħlbu t-tibdil fil-klima. Il-kuntest għal Doha huwa r-rapport riċenti tal-Bank Dinji u r-rapport tal-UNEP dwar lakuni eżistenti b'rabta mal-emissjonijiet li jindikaw b'mod ċar ħafna li d-dinja qed titlef ħin prezzjuż.”

Sofoclis Aletraris, il-Ministru Ċiprijott għall-Agrikoltura, ir-Riżorsi Naturali u l-Ambjent, li pajjiżu bħalissa għandu l-presidenza tal-Kunsill tal-Unjoni Ewropea, żied jgħid: “L-UE tirrikonoxxi bis-sħiħ l-importanza li pajjiżi vulnerabbli li qed jiżviluppaw jiġu megħjuna jsaħħu r-reżistenza tagħhom għat-tibdil fil-klima permezz tal-adattament. Aħna ninsabu ħerqana li niddiskutu ideat konkreti mas-sħab tagħna tal-pajjiżi li qed jiżviluppaw biex nindirizzaw it-telf u d-danni għall-ekonomiji u għall-għajxien relatati mat-tibdil fil-klima. Aħna ninsabu ħerqana wkoll biex nikkonkludu l-grupp ta’ ħidma dwar azzjoni kooperattiva fit-tul b’riżultati tanġibbli filwaqt li nsibu fora xierqa, kif ikun meħtieġ, biex inkomplu niddiskutu kwistjonijiet li tħallew miftuħa."

Il-konferenza ta’ Doha se ssir mis-26 ta’ Novembru sas-7 ta’ Diċembru.

Il-Protokoll ta’ Kjoto

L-UE timpenja ruħha li tipparteċipa fit-tieni perjodu tal-Protokoll ta' Kjoto bħala parti mit-tranżizzjoni lejn ftehim klimatiku globali ġdid. F’Doha, emenda ratifikabbli għall-Protokoll jeħtieġ li tiġi adottata sabiex it-tieni perjodu jkun jista’ jibda fl-1 ta’ Jannar 2013. Dan jeżiġi li jintlaħaq ftehim dwar għadd ta’ kwistjonijiet pendenti, inkluż it-tul tat-tieni perjodu (l-UE tixtieq li jibqa’ għaddej sal-2020), ir-riport ta' baġits żejda tal-emissjonijiet (AAUs) mill-ewwel perjodu, u arranġamenti li jiżguraw l-applikazzjoni immedjata tal-emenda mill-1 ta’ Jannar 2013.

Finanzjament klimatiku għal pajjiżi li qed jiżviluppaw

Ċifri preliminari juru li, minkejja l-kriżi ekonomika, l-UE u l-Istati Membri tagħha diġà taw EUR 7.14 biljun tal-impenn 'rapidu' tagħhom u mistennija jipprovdu l-bqija sal-aħħar tas-sena. Fit-13 ta’ Novembru l-ministri tal-finanzi tal-UE tennew li l-UE u l-Istati Membri tagħha se jkomplu jipprovdu finanzjament klimatiku wara l-2012. L-UE tibqa' timpenja ruħha bis-sħiħ biex tissodisfa l-mira globali li l-finanzjament klimatiku jilħaq US$100 biljun fis-sena sal-2020 fil-kuntest ta’ azzjonijiet sinifikanti ta’ mitigazzjoni u trasparenza dwar l-implimentazzjoni minn pajjiżi li qed jiżviluppaw.

Il-Pjattaforma ta’ Durban għal Azzjoni Msaħħa

Doha se tkun l-ewwel opportunità għall-ministri biex jiddiskutu u jippjanaw ix-xogħol li għandu jsir skont iż-żewġ kompiti ta' ħidma tal-Pjattaform ta’ Durban.

Wieħed minn dawn jinvolvi l-bidu tax-xogħol rigward ftehim ġdid dwar il-klima li se japplika għall-pajjiżi kollha, għall-adozzjoni sal-2015 u d-dħul fis-seħħ fl-2020. L-UE tixtieq ftehim li jkun ambizzjuż u legalment vinkolanti.

Il-parti l-oħra tal-mandat tal-Pjattaforma jitratta l-identifikazzjoni ta' miżuri ulterjuri biex qabel l-2020 jitnaqqsu l-emissjonijiet globali, sabiex ikun jista' jintlaħaq l-għan miftiehem, li t-tisħin globali jibqa’ taħt 2°C meta mqabbel mat-temperatura preindustrijali. L-UE trid li l-pajjiżi li għadhom ma għamlux talbiet għal tnaqqis jew limitazzjoni għall-2020 dan jagħmluh issa. Hija tfittex ukoll li tagħmel progress f’Doha rigward inizjattivi u sħubiji kooperattivi internazzjonali kumplimentari li jistgħu jnaqqsu aktar l-emissjonijiet permezz ta’ azzjoni rigward kwistjonijiet bħall-effiċjenza fl-enerġija, l-enerġija rinnovabbli, is-sussidji fuq il-fjuwils fossili, id-deforestazzjoni u l-qerda tal-foresti, is-sustanzi niġġiesa ta' ħajja qasira u l-gassijiet fluworurati, li dwarhom il-Kummissjoni Ewropea reċentement ipproponiet leġiżlazzjoni tal-UE aktar stretta (ara IP/12/1180).

Grupp ta' ħidma dwar azzjoni kooperattiva fit-tul

L-UE qed tħalli f’idejn dan il-grupp ta’ ħidma biex jagħti riżultati ulterjuri, fost affarijiet oħra dwar il-modalitajiet tal-mekkaniżmu l-ġdid tas-suq li ntlaħaq ftehim dwaru sena ilu, qabel ma dan jitwaqqaf fi tmiem is-sessjoni ta' Doha. Diskussjoni ta’ kwistjonijiet li tħallew miftuħa jistgħu jkomplu f’fora oħra eżistenti.

Aġġornamenti għall-istampa tal-UE f’Doha

Id-delegazzjoni tal-UE se tagħti aġġornamenti regolari għall-istampa li se jixxandru live kif ukoll "fuq talba" fuq www.unfccc.int

Il-ħinijiet eżatti tal-aġġornamenti jistgħu jiġu vverifikati fuq:

http://unfccc.int/files/meetings/doha_nov_2012/application/pdf/pc_schedule_parties-un-igo.pdf

Għal aktar tagħrif:

Il-paġna tad-DĠ Klima dwar il-Konferenza ta’ Doha

http://ec.europa.eu/clima/events/0062/index_en.htm

Ara wkoll MEMO/12/888

Kuntatti :

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website