Navigation path

Left navigation

Additional tools

“Is-sena tal-Ewropa. Is-sena tiegħek. Issieħeb fid-dibattitu” – l-2013, is-“Sena Ewropea taċ-Ċittadini”

European Commission - IP/12/1253   23/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussel, it-23 ta’ Novembru 2012

“Is-sena tal-Ewropa. Is-sena tiegħek. Issieħeb fid-dibattitu” – l-2013, is-“Sena Ewropea taċ-Ċittadini”

L-2013 intgħażlet uffiċjalment bħala s-“Sena Ewropea taċ-Ċittadini”. Għoxrin sena wara l-introduzzjoni taċ-Ċittadinanza tal-UE, is-sena se tiffoka kemm fuq dak li diġà nkiseb fir-rigward taċ-ċittadini u kemm fuq il-kisba tal-aspettattivi taċ-ċittadini fil-futur. Id-deċiżjoni tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill, li ttieħdet wara proposta tal-Kummissjoni Ewropea, ġiet ippubblikata f’Il-Ġurnal Uffiċjali llum. L-avvenimenti tul is-Sena Ewropea se jispjegaw kif in-nies jistgħu jgawdu direttament mid-drittijiet tagħhom tal-UE u liema huma l-politiki u l-programmi eżistenti. Is-Sena Ewropea se tqajjem ukoll dibattitu maċ-ċittadini fil-livell tal-UE, dwar kif għandha tkun l-Unjoni Ewropea fil-futur u liema riformi huma meħtieġa biex tittejjeb il-ħajja tagħhom ta’ kuljum.

“Wara 20 sena ta’ ċittadinanza Ewropea, ksibna ħafna affarijiet. Wasal iż-żmien li nirriflettu dwar il-qagħda tagħna u x’għandna nistennew mill-futur,” qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE responsabbli mill-Ġustizzja u ċ-Ċittadinanza. “In-nies jistennew riżultati konkreti mill-Ewropa, u dan huwa preċiżament dak li qed noffrulhom permezz ta' prezzijiet orħos għar-roaming, drittijiet aħjar għall-vittmi tal-kriminalità u l-iffaċilitar tax-xiri onlajn għall-konsumaturi. Nixtiequ nkomplu ntejbu r-riżultati fir-rigward tad-drittijiet taċ-ċittadini u huwa għalhekk li se niddedikaw sena sħiħa għal dawk li jinsabu fil-qalba tal-proġett Ewropew - iċ-ċittadini tagħna. Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini hija wkoll opportunità għalina biex nisimgħu dak li tixtiequ u nitgħallmu minnu u kif nistgħu nibnu flimkien l-Unjoni Ewropea tal-futur."

Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini taħbat mal-20 anniversarju mill-introduzzjoni taċ-Ċittadinanza tal-UE, meta fl-1993 daħal fis-seħħ it-Trattat ta’ Maastricht. Barra minn hekk, fl-2013 il-Kummissjoni se tadotta r-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tagħha li jmiss (ara r-rapport tal-2010: IP/10/1390), li se jippreżenta inizjattivi aktar immirati tal-UE biex jitneħħew l-ostakoli li baqa’ li jżommu liċ-ċittadini milli jgawdu d-drittijiet tagħhom bis-sħiħ. Sena qabel l-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, dan huwa wkoll iż-żmien opportun għal dibattitu mifrux dwar il-futur.

Bħala parti mit-tħejjijiet għas-Sena Ewropea, il-Kummissjoni organizzat konsultazzjoni pubblika wiesgħa bejn id-9 ta’ Mejju u d-9 ta’ Settembru 2012, fejn staqsiet liċ-ċittadini x'kienu l-problemi li ltaqgħu magħhom fl-eżerċitar tad-drittijiet tagħhom bħala ċittadini tal-UE (ara IP/12/461). Il-kontributi, li qed jiġu analizzati bħalissa, se jiġu inklużi fir-Rapport taċ-Ċittadini li għandu jiġi ppubblikat fid-9 ta’ Mejju 2013.

Bħala parti mis-Sena, il-politikanti bdew jorganizzaw dibattiti diretti maċ-ċittadini dwar il-futur tal-Ewropa. Se jkunu qed isiru dibattiti bħal dawn madwar l-Unjoni kollha tul is-sena 2013. Kulħadd jista’ jissieħeb f’dawn id-dibattiti: http://ec.europa.eu/european-debate/interactive_map/estonia/index_mt.htm. Diġà saru l-ewwel dibattiti fi Spanja, l-Awstrija u l-Ġermanja u għad iridu jsiru ħafna aktar.

Is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini se tinbeda uffiċjalment permezz ta’ dibattitu maċ-ċittadini f’Dublin fl-10 ta’ Jannar 2013, li taħbat ukoll il-ġurnata meta tibda l-presidenza Irlandiża tal-Kunsill.

Sfond

Il-pubblikazzjoni tal-lum tad-deċiżjoni li l-2013 se tkun is-Sena Ewropea taċ-Ċittadini f’Il-Ġurnal Uffiċjali tal-UE, il-ktieb tal-istatut tal-UE, saret wara li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill adottaw proposta tal-Kummissjoni li kienet saret f’Awwissu 2011 (ara IP/11/959).

Din id-Deċiżjoni tindika baġit ta’ EUR 1 miljun għas-Sena Ewropea. Il-livell finali tal-baġit allokat għas-Sena Ewropea huwa suġġett għal negozjati li qed isiru dwar il-Baġit tal-UE għall-2013.

Il-kampanja ta’ komunikazzjoni tas-Sena Ewropea se tagħmel l-aħjar użu mill-għodod u l-materjali eżistenti (bħal websajts, portali, vidjos, fuljetti, avvenimenti, eċċ) biex in-nies isiru konxji, u biex jiġi promoss l-użu, tal-informazzjoni multilingwi u l-għodod ta' parteċipazzjoni eżistenti (inklużi l-Ewropa Diretta, l-Ewropa Tiegħek, SOLVIT, it-Tfassil Interattiv tal-Politika, l-Inizjattiva Ewropea għaċ-Ċittadini, il-Petizzjonijiet) sabiex jiġi indirizzat it-tħassib taċ-ċittadini u ssir differenza tanġibbli fil-ħajja tagħhom ta’ kuljum. Biex tasal għal dan, il-Kummissjoni qed taħdem mill-qrib ma’ Istituzzjonijiet oħra tal-UE, awtoritajiet tal-Istati Membri (f’livell nazzjonali, reġjonali u lokali) u organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili.

Twaqqfet alleanza mifruxa mal-UE ta’ organizzazzjonijiet tas-soċjetà ċivili, speċifikament biex tikkollabora mal-Kummissjoni fir-rigward tas-Sena Ewropea. Din l-“Alleanza għas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini” (EYCA, http://ey2013-alliance.eu/) hija sieħeb strateġiku prinċipali li jirrappreżenta lis-soċjetà ċivili.

Għal aktar informazzjoni

Ingħaqad mad-dibattitu importanti tal-UE:

http://ec.europa.eu/european-debate/interactive_map/estonia/index_mt.htm

Il-websajt tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Viviane Reding, il-Kummissarju responsabbli għall-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza:

http://ec.europa.eu/commission_2010-2014/reding/index_mt.htm

Il-websajt tas-Sena Ewropea taċ-Ċittadini:

http://www.europa.eu/citizens-2013

Id-Deċiżjoni uffiċjali tal-Parlament Ewropew u tal-Kunsill li tiddikjara s-Sena Ewropea taċ-Ċittadini:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=OJ:L:2012:325:0001:0008:EN:PDF

L-Ewropa Tiegħek – Għajnuna u pariri għaċ-ċittadini tal-UE u l-familji tagħhom

http://europa.eu/youreurope/citizens/index_mt.htm

L-edizzjoni tal-2010 tar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE (li appella għal din is-Sena Ewropea):

http://ec.europa.eu/justice/citizen/files/com_2010_603_mt.pdf

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website