Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni tipproponi strateġija għal bijoekonomija sostenibbli fl-Ewropa

Commission Européenne - IP/12/124   13/02/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Il-Kummissjoni tipproponi strateġija għal bijoekonomija sostenibbli fl-Ewropa

Brussell, it-13 ta’ Frar 2012 - Illum il-Kummissjoni Ewropea adottat strateġija biex tbiddel l-ekonomija tal-Ewropa għal waħda li tagħmel użu akbar u aktar sostenibbli mir-riżorsi rinnovabbli. B’popolazzjoni dinjija li sal-2050 tkun qed toqrob id-9 biljuni u b’riżorsi naturali limitati, l-Ewropa għandha bżonn riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli għal ikel u għalf sikuri u tajbin għas-saħħa, kif ukoll għall-materjali, l-enerġija u prodotti oħrajn. L-istrateġija u l-pjan ta’ azzjoni tal-Kummissjoni, “L-Innovazzjoni għal Tkabbir Sostenibbli: Bijoekonomija għall-Ewropa”, tenfasizza approċċ koerenti, transsettorjali u interdixxiplinari għall-kwistjoni. Il-mira hija ekonomija iżjed innovattiva u b’emissjonijiet baxxi, li tirrikonċilja d-domandi għal agrikoltura u sajd sostenibbli, is-sigurtà tal-ikel, u l-użu sostenibbli ta’ riżorsi bijoloġiċi rinnovabbli għal finijiet industrijali, filwaqt li tiġi żgurata l-protezzjoni tal-bijodiversità u tal-ambjent. Għalhekk, il-pjan jiffoka fuq tliet aspetti ewlenin: l-iżvilupp ta’ teknoloġiji u proċessi ġodda għall-bijoekonomija; l-iżvilupp ta' swieq u kompetittività fis-setturi tal-bijoekonomija; u l-inkoraġġament lil dawk li jfasslu l-politika u lill-partijiet interessati sabiex jaħdmu iżjed mill-qrib flimkien.

“Hemm bżonn li l-Ewropa tagħmel it-tranżizzjoni għal ekonomija ta’ wara l-era taż-żejt mhux maħdum. L-użu ikbar tar-riżorsi rinnovabbli ma għadux sempliċiment għażla, iżda sar ħtieġa. Irridu mmexxu t-tranżizzjoni minn soċjetà bbażata fuq il-fossili għal waħda bbażata fuq il-bijoloġija, bir-riċerka u l-innovazzjoni bħala l-istrumenti ewlienin. Din hija xi ħaġa pożittiva għall-ambjent tagħna, għas-sigurtà tal-ikel u tal-enerġija tagħna, u għall-kompetittività tal-Ewropa għall-futur," qalet il-Kummissarju għar-Riċerka, l-Innovazzjoni u x-Xjenza Máire Geoghegan-Quinn.

It-terminu “Bijoekonomija” jfisser ekonomija li tuża riżorsi bijoloġiċi mill-art u mill-baħar, kif ukoll skart, bħala mezzi għall-produzzjoni tal-ikel u tal-għalf, u għall-produzzjoni industrijali u tal-enerġija. Dan it-terminu jkopri wkoll l-użu ta’ proċessi bbażati fuq il-bijoloġija għal industriji sostenibbli. Pereżempju, il-bijoskart għandu potenzjal konsiderevoli bħala alternattiva għall-fertilizzanti kimiċi jew għall-konverżjoni f'bijoenerġija, u jista’ jilħaq 2 % tal-mira tal-UE għall-enerġija rinnovabbli.

Il-bijoekonomija tal-UE diġà għandha dħul ta’ kważi EUR 2 triljuni u timpjega aktar minn 22 miljun persuna, jiġifieri 9 % tal-impjiegi totali fl-UE. Din tinkludi l-agrikoltura, il-forestrija, is-sajd, u l-produzzjoni tal-ikel, tal-polpa tal-karti u tal-karti, kif ukoll partijiet mill-industriji kimiċi, bijoteknoloġiċi u tal-enerġija. Kull ewro li tiġi investita f’riċerka u innovazzjoni tal-bijoekonomija b'finanzjament mill-UE hija stmata li sal-2025 se tiġġenera EUR 10 ta’ valur miżjud fis-setturi tal-bijoekonomija.

Sfond

L-Istrateġija għandha tliet pilastri ewlenin:

1) Investiment fir-riċerka, l-innovazzjoni u l-ħiliet għall-bijoekonomija. Dan għandu jinkludi finanzjament mill-UE, finanzjament nazzjonali, finanzjament privat u t-titjib tas-sinerġiji b’inizjattivi oħrajn ta’ politika.

2) L-iżvilupp tas-swieq u l-kompetittività fis-setturi tal-bijoekonomija permezz ta’ intensifikazzjoni sostenibbli tal-produzzjoni primarja, il-konverżjoni ta’ flussi ta’ skart fi prodotti b’valur miżjud, kif ukoll mekkaniżmi ta’ tagħlim reċiproku għal titjib fl-effiċjenza tal-produzzjoni u r-riżorsi. Bħala eżempju, lill-kontribwenti Ewropej l-iskart tal-ikel jiswilhom bejn EUR 55 u EUR 90 kull tunnellata biex jiġi eliminat, u jipproduċi 170 miljun tunnellata ta’ CO2. Dan l-iskart jista’ jiġi mibdul f’bijoenerġija jew fi prodotti oħrajn ibbażati fuq il-bijoloġija, biex b’hekk joħloq xogħlijiet ġodda u tkabbir.

3) Koordinazzjoni msaħħa tal-politika u involviment akbar tal-partijiet interessati, permezz tal-ħolqien ta' Panil tal-Bijoekonomija, Osservatorju tal-Bijoekonomija u Konferenzi għall-Partijiet Interessati fuq bażi regolari.

L-istrateġija tfittex li toħloq sinerġiji u komplimentaritajiet ma' oqsma politiċi oħrajn, strumenti u sorsi ta' finanzjament li jaqsmu u jindirizzaw l-istess għanijiet, bħall-Fondi ta’ Koeżjoni, il-Politika Agrikola Komuni u dik tas-Sajd (PAK u PKS), il-Politika Marittima Integrata (PMI), u l-politiki ambjentali u industrijali kif ukoll dawk dwar l-impjiegi, l-enerġija u s-saħħa. It-tħejjija tal-Istrateġija kienet immexxija mill-Kummissarju Geoghegan-Quinn bl-appoġġ ta' erba' Kummissarji oħrajn: il-Viċi President Tajani u l-Kummissarji Cioloş, Damanaki u Potočnik. L-Istrateġija, li l-qofol tagħha huma r-Riċerka u l-Innovazzjoni, se tiġi ppreżentata l-ewwel lill-Istati Membri tal-UE nhar il-21 ta’ Frar 2012 fil-Kunsill tal-Kompetittività.

Stati Membri tal-UE, inkluż id-Danimarka, il-Finlandja, il-Ġermanja, l-Irlanda u l-Pajjiżi l-Baxxi diġà għandhom Strateġiji għall-Bijoekonomija stabbiliti. Fil-livell internazzjonali, il-Kanada, iċ-Ċina, l-Afrika t’Isfel u l-Istati Uniti għandhom jew qegħdin jippjanaw l-istrateġiji ambizzjużi tagħhom stess.

Il-proposta tal-Kummissjoni hija waħda mill-proposti operazzjonali tal-inizjattivi prinċipali Unjoni tal-Innovazzjoni (Innovation Union) u Ewropa b’użu effiċjenti tar-riżorsi tal-Istrateġija Ewropa 2020. Il-ħtieġa li jiżdied il-finanzjament pubbliku għar-riċerka u l-innovazzjoni tal-bijoekonomija ġiet rikonoxxuta fil-programm futur ta’ riċerka tal-Kummissjoni Orizzont 2020: ġew proposti EUR 4.7 biljun għall-Isfida “Sigurtà tal-ikel, agrikoltura sostenibbli, riċerka tal-baħar u marittima, u l-bijoekonomija", b'finanzjament komplementari f'oqsma oħrajn tal-programm Orizzont 2020.

Għal iktar tagħrif, ara MEMO/12/97

Orizzont 2020: www.ec.europa.eu/research/horizon2020

Unjoni tal-Innovazzjoni: http://ec.europa.eu/innovation-union

Ewropa li tuża r-riżorsi b'effiċjenza:

http://ec.europa.eu/resource-efficient-europe/index_mt.htm

Ewropa 2020 http://ec.europa.eu/europe2020/index_mt.htm

Kuntatti :

Michael Jennings +32 2 29 63388

Monika Wcislo +32 2 29 55604


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site