Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell/Strażburgu, l-20 ta' Novembru 2012

Il-Kummissjoni tippreżenta l-istrateġija ġdida Nikkunsidraw mill-Ġdid l-Edukazzjoni

Fl-Unjoni Ewropea, ir-rata ta’ qgħad fost iż-żgħażagħ hija qrib it-23% – madankollu, fl-istess ħin hemm aktar minn żewġ miljun post tax-xogħol vakanti li ma jistgħux jimtlew. L-Ewropa għandha bżonn terġa’ tikkunsidra, b’mod radikali, kif is-sistemi tal-edukazzjoni u t-taħriġ jistgħu jipprovdu l-ħiliet meħtieġa mis-suq tax-xogħol. L-isfida ma setgħetx tkun waħda aktar iebsa fid-dawl tal-miżuri ta’ awsterità u tal-qtugħ fil-baġits għall-edukazzjoni. Illum, il-Kummissjoni Ewropea qed tniedi strateġija ġdida msejħa Nikkunsidraw mill-Ġdid l-Edukazzjoni (Rethinking Education) li tħeġġeġ lill-Istati Membri jieħdu azzjoni immedjata biex jiżguraw li ż-żgħażagħ jiżviluppaw il-ħiliet u l-kompetenzi meħtieġa mis-suq tax-xogħol u biex jilħqu l-miri tagħhom għat-tkabbir u l-impjiegi.

Androulla Vassiliou, il-Kummissarju għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, qalet: "Li nikkunsidraw l-edukazzjoni mill-ġdid mhix biss kwistjoni ta’ flus: filwaqt li huwa minnu li għandna bżonn ninvestu aktar fl-edukazzjoni u t-taħriġ, huwa ċar li s-sistemi tal-edukazzjoni jeħtieġ jiġu mmodernizzati wkoll u jkunu aktar flessibbli fil-mod kif joperaw biex iwieġbu għall-ħtiġijiet reali tas-soċjetà tal-lum. F’dak li hu tkabbir, l-Ewropa jirnexxilha terġa’ tirpilja biss jekk tipproduċi nies versatili u mħarrġa sew, nies li jkunu jistgħu jikkontribwixxu għall-innovazzjoni u l-intraprenditorija. Investiment effiċjenti u ffukat tajjeb fuq fejn hemm bżonn huwa fundamentali biex jintlaħaq dan, iżda mhux se jirnexxilna niksbu l-għanijiet tagħna billi nnaqqsu l-baġits għall-edukazzjoni."

L-istrateġija Nikkunsidraw mill-Ġdid l-Edukazzjoni tappella għal qabża fundamentali fl-edukazzjoni, b'aktar attenzjoni ffukata fuq ir-“riżultati tat-tagħlim" ‑ l-għarfien, il-ħiliet u l-kompetenzi li jakkwistaw l-istudenti. M’għadux biżżejjed li wieħed ikun għamel żmien sempliċement jirċievi l-edukazzjoni. Barra minn hekk, għad hemm lok għal titjib sostanzjali fil-ħiliet bażiċi tal-kitba u dawk numeriċi, u jeħtieġ jiġu żviluppati jew jissaħħu l-ħiliet intraprenditorjali u sens ta’ inizjattiva (ara IP/12/1224 dwar l-appell għal enfasi akbar fuq ħiliet ġodda fl-iskejjel).

Biex jiġi żgurat li l-edukazzjoni tkun aktar rilevanti għall-ħtiġijiet tal-istudenti u tas-suq tax-xogħol, jeħtieġ li jiġu adattati u mmodernizzati l-metodi ta' valutazzjoni. L-użu tal-ICT u tar-riżorsi edukattivi miftuħa (Open Educational Resources, OER) għandu jingħata spinta fil-kuntesti kollha tat-tagħlim. L-għalliema jridu jaġġornaw il-ħiliet tagħhom permezz ta’ taħriġ regolari. L-istrateġija tappella wkoll lill-Istati Membri biex isaħħu r-rabtiet bejn l-edukazzjoni u l-impjegaturi, biex l-intraprenditorija jressquha eqreb il-klassi u biex liż-żgħażagħ jagħtuhom idea tax-xogħol permezz ta’ aktar tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol. Il-Ministri tal-Edukazzjoni tal-UE huma mħeġġa wkoll isaħħu l-kooperazzjoni tagħhom fir-rigward tat-tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol, kemm fil-livell nazzjonali u kemm f’dak Ewropew.

Miżuri proposti oħra jinkludu punt ta’ riferiment ġdid dwar it-tagħlim tal-lingwi, linji gwida dwar il-valutazzjoni u l-iżvilupp tal-edukazzjoni intraprenditorjali, u analiżi tal-impatt fil-livell tal-UE dwar l-użu tal-ICT u l-OER fl-edukazzjoni biex titwitta t-triq għal inizjattiva ġdida fl-2013 dwar kif Inwessgħu l-Edukazzjoni (Opening-up Education), bil-għan li jiġi massimizzat il-potenzjal tal-ICT fil-qasam tat-tagħlim.

Il-kuntest

Il-ħiliet huma importanti għall-produttività u l-Ewropa jeħtiġilha tirrispondi għaż-żieda globali fil-kwalità tal-edukazzjoni u fil-provvista tal-ħiliet. It-tbassiriet juru li fl-2020 aktar minn terz tal-impjiegi fl-UE se jitolbu kwalifiki fil-livell terzjarju u li 18% biss tal-impjiegi huma mistennija li jinvolvu biss ħiliet baxxi.

Bħalissa, 73 miljun Ewropew, madwar 25% tal-adulti, għandhom livell baxx ta' edukazzjoni. Kważi 20% ta’ żgħażagħ li għandhom 15-il sena mhumiex kompetenti biżżejjed fil-qari u fil-kitba, u f'ħames pajjiżi hemm aktar minn 25% li għandhom livell baxx fil-ħila tal-qari (il-Bulgarija, 41%; ir-Rumanija, 40%; Malta, 36%; l-Awstrija, 27.5%; u l-Lussemburgu, 26%). It-tluq bikri mill-iskola jibqa’ f'livelli għolja u inaċċettabbli f'bosta Stati Membri: fi Spanja huwa 26.5% u fil-Portugall 23.2% (il-mira tal-UE hija taħt l-10%). Inqas minn 9% tal-adulti jipparteċipaw fit-tagħlim tul il-ħajja (il-mira tal-UE hija 15%).

Ir-rakkomandazzjonijiet deskritti f’Nikkunsidraw mill-Ġdid l-Edukazzjoni huma bbażati fuq is-sejbiet tal-istħarriġ 'Education and Training Monitor' tal-2012, stħarriġ annwali ġdid mill-Kummissjoni li jindika l-provvista tal-ħiliet fl-Istati Membri.

L-istrateġija Nikkunsidraw mill-Ġdid l-Edukazzjoni fil-qosor:

  • Hemm bżonn li jkun hemm enfasi akbar fuq l-iżvilupp ta’ ħiliet trażversali u ta’ ħiliet bażiċi fil-livelli kollha. Dan japplika b’mod speċjali fil-każ tal-ħiliet intraprenditorjali u dawk fil-qasam tal-IT.

  • Punt ta’ riferiment ġdid dwar it-tagħlim tal-lingwi barranin: sal-2020, mill-inqas 50% taż-żgħażagħ ta’ 15-il sena għandhom ikunu jafu lingwa barranija (mit-42% tal-lum) u mill-inqas 75% għandhom jistudjaw it-tieni lingwa barranija (illum huma 61%).

  • Hemm bżonn ta’ investiment biex jinbnew sistemi ta’ edukazzjoni u ta’ taħriġ vokazzjonali ta’ klassi dinjija u jiżdiedu l-livelli ta’ tagħlim ibbażat fuq ix-xogħol.

  • Jeħtieġ li l-Istati Membri jtejbu r-rikonoxximent tal-kwalifiki u tal-ħiliet, inklużi dawk miksuba barra mis-sistema tal-edukazzjoni u t-taħriġ formali.

  • It-teknoloġija, b’mod partikolari l-internet, trid tiġi sfruttata bis-sħiħ. L-iskejjel, l-universitajiet u l-istituzzjonijiet tat-taħriġ vokazzjonali għandhom iżidu l-aċċess għall-edukazzjoni permezz tar-riżorsi edukattivi miftuħa.

  • Dawn ir-riformi għandhom ikunu sostnuti minn għalliema mħarrġa sewwa, motivati u intraprenditorjali.

  • Il-finanzjament jeħtieġ ikun immirat biex jimmassimizza r-redditu mill-investiment. Hemm bżonn li l-iffinanzjar għall-edukazzjoni jiġi diskuss kemm fil-livell nazzjonali kif ukoll fil-livell tal-UE ‑ speċjalment fl-edukazzjoni vokazzjonali u fl-edukazzjoni ogħla.

  • L-approċċ ta’ sħubija huwa kruċjali. Kemm il-finanzjament pubbliku u kemm dak privat huwa meħtieġ biex tingħata spinta lill-innovazzjoni u biex id-dinja akkademika tersaq dejjem iktar lejn dik ekonomika.

L-Erasmus għal Kulħadd, il-programm tal-Kummissjoni ta’ EUR 19-il biljun propost għall-edukazzjoni, it-taħriġ, iż-żgħażagħ u l-isport, se jimmira li jirdoppja l-għadd ta’ individwi li jirċievu għotjiet għal opportunitajiet biex isaħħu l-ħiliet tagħhom permezz tal-istudju, tat-taħriġ u tal-volontarjat barra mill-pajjiż, jiġifieri ħames miljun ruħ bejn l-2014 u l-2020. Aktar minn żewġ terzi tal-baġit tal-programm għandu jsostni l-mobbiltà tat-tagħlim individwali ta’ dan it-tip, bil-bqija allokat għal proġetti ffukati fuq il-kooperazzjoni għall-innovazzjoni, fuq ir-riforma politika u fuq l-iskambji ta’ prassi tajba.

Fil-5 ta’ Diċembru, il-Kummissjoni mistennija tippreżenta Pakkett għall-Impjiegi liż-Żgħażagħ li jinkludi proposta għal garanzija liż-żgħażagħ. Dan jitlob lill-Istati Membri jiżguraw li kull persuna żagħżugħa tkun waslitilha offerta ta’ kwalità għal xogħol, inkella taħriġ jew edukazzjoni addizzjonali, fi żmien erba’ xhur minn meta toħroġ mill-iskola jew minn meta tispiċċa qiegħda. Il-proposta tipprevedi l-użu sħiħ ta' ffinanzjar mill-UE u b'mod partikolari mill-Fond Soċjali Ewropew.

Għal aktar tagħrif

L-istrateġija Nikkunsidraw mill-Ġdid l-Edukazzjoni u l-annessi

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u taħriġ

Is-sit ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq it-Twitter: @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website