Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-20 ta' Novembru 2012

L-elezzjonijiet Ewropej: iċ-ċittadini se jkunilhom iktar faċli biex joħorġu bħala kandidati f’pajjiż ieħor tal-UE

Iċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru ieħor issa se jkunilhom iktar faċli joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet Ewropej tal-2014, u dan wara li fil-Parlament Ewropew illum ittieħed vot dwar proposta mill-Kummissjoni Ewropea. Fis-sessjoni plenarja tagħhom, il-Membri tal-Parlament Ewropew ivvutaw b’maġġoranza kbira ħafna (618 voti favur, 23 voti kontra u 14 astensjonijiet) biex japprovaw il-proposta . L-abbozz tal-liġi għandu l-għan li jissimplifika l-proċedura ta’ kif iċ-ċittadini mhux nazzjonali tal-UE joħorġu bħala kandidati, u dan billi jiġu emendati r-regoli eżistenti (id-Direttiva 93/109/KE). Hija waħda mill-inizjattivi tal-Kummissjoni biex tippromwovi u tiffaċilita l-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej. Wara li qabel magħha l-Parlament Ewropew, il-proposta issa hija mistennija tiġi adottata mill-Kunsill qabel tmiem l-2012.

"Il-parteċipazzjoni fl-elezzjonijiet Ewropej hija waħda mill-aktar toroq importanti għaċ-ċittadini biex isemmgħu leħinhom fl-UE," qalet il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. Kull ċittadin tal-UE għandu d-dritt li jivvota jew joħroġ bħala kandidat fl-elezzjonijiet Ewropej, sew jekk jgħix f'pajjiżu u sew jekk jagħmel dan fi Stat Membru ieħor tal-UE. Ir-riforma li ressaqna fuq il-mejda tagħmilha iktar faċli għal dawk iċ-ċittadini tal-UE li jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jgħixu f’xi pajjiż tal-Unjoni biex ikunu jistgħu jeżerċitaw ukoll id-drittijiet demokratiċi tagħhom fl-elezzjonijiet Ewropej."

Fir-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza tal-UE tal-2010 tagħha, il-Kummissjoni qajmet il-kwistjoni tat-tnaqqis kontinwu fl-għadd ta’ nies li joħorġu jivvutaw fl-elezzjonijiet Ewropej u tal-ħtieġa li titħaffef il-parteċipazzjoni taċ-ċittadini tal-UE fl-elezzjonijiet (IP/10/1390). Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri għaċ-ċittadini mhux nazzjonali tal-UE biex joħorġu bħala kandidati fl-Istat Membru ta' residenza tagħhom hija mod wieħed kif nindirizzaw din il-kwistjoni.

Il-Kummissjoni tinsab ukoll għaddejja b’ħidma mal-Istati Membri biex tiżgura li ċ-ċittadini tal-UE li jgħixu fi Stat Membru li mhuwiex l-istess wieħed mnejn ġejjin huma jkunu jistgħu jipparteċipaw fl-elezzjonijiet Ewropej bl-istess kundizzjonijiet bħala ċittadini nazzjonali, b'konformità mal-liġi tal-UE (l-Azzjoni 18 tar-Rapport dwar iċ-Ċittadinanza).

Sfond

Id-Direttiva 93/109/KE tistipula l-arranġamenti biex iċ-ċittadini tal-UE jkunu jistgħu jeżerċitaw id-dritt tagħhom li jivvutaw jew li joħorġu bħala kandidati fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fl-Istat Membru tal-UE fejn jgħixu. Fl-2006, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li temenda din id-Direttiva biex tissimplifika l-proċedura għal dawk il-kandidati li joħorġu għall-elezzjoni fi Stat Membru li mhuwiex l-istess wieħed mnejn ġejjin huma u biex issir riforma fil-mekkaniżmu biex tiġi evitata l-possibbiltà ta’ vvutar doppju fl-elezzjonijiet Ewropej. Minħabba li l-Istati Membri ma setgħux jaqblu b'mod unanimu dwar l-arranġamenti li jikkonċernaw il-votazzjoni doppja, in-negozjati dwar il-proposta kienu ġew sospiżi fl-2008.

B’inizjattiva tal-Kummissjoni, id-diskussjonijiet inbdew mill-ġdid f'Ottubru tal-2011 u ffukaw fuq l-aspett ewlieni tal-proposta: Is-simplifikazzjoni tal-proċeduri biex ċittadini mhux nazzjonali tal-UE joħorġu bħala kandidati. Dan ifisser li l-kandidati ma jibqgħux ikunu obbligati jmorru lura fl-Istat Membru li jkun pajjiżhom biex jiksbu ċertifikat li jiddikjara li mhux qed jiġu mwaqqfa milli jeżerċitaw id-dritt tagħhom li joħorġu bħala kandidat. Minflok, meta japplikaw biex joħorġu bħala kandidat fl-Istat Membru ta’ residenza tagħhom, issa se jintalbu biss jipprovdu dijkarazzjoni f’dak is-sens u l-piż ta’ din l-evidenza se jaqa’ fuq l-awtorità elettorali tal-Istat Membru ta’ residenza.

Il-qbil intlaħaq fil-Kunsill (fil-livell tal-COREPER) u l-Parlament Ewropew issa qed jerġa’ jiġi kkonsultat (wara li diġà ġie kkonsultat fir-riżoluzzjoni tiegħu dwar il-proposta inizjali fl-2007).

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea – Iċ-ċittadinanza tal-UE

http://ec.europa.eu/justice/citizen

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website