Chemin de navigation
Left navigation
Additional tools
![]() Il-Kummissjoni Ewropea Stqarrija għall-istampa Brussell, id-19 ta' Novembru 2012 Il-Kummissjoni tipproponi opportunitajiet tas-sajd għall-2013 għal stokkijiet tal-ħut skont ftehimiet internazzjonali Illum, il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-proposta tagħha għall-opportunitajiet tas-sajd tas-sena d-dieħla (2013), għal stokkijiet tal-ħut iġġestiti b'mod konġunt minn partijiet terzi, bħan-Norveġja jew l-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) madwar id-dinja. In-negozjati internazzjonali għal ħafna mill-istokkijiet ikkonċernati għadhom għaddejjin. Għaldaqstant, f'dan l-istadju, il-proposta tinkludi relattivament ftit ċifri, iżda għandha tiġi kompluta ladarba jkunu ġew finalizzati n-negozjati mal-partijiet terzi u mal-organizzazzjonijiet. Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, stqarret: "Il-proposta tal-lum tikkonċerna dawk l-istokkijiet li huma ġġestiti b'mod konġunt bejn l-UE u pajjiżi oħra u fi ħdan l-RFMOs. Għal ħafna stokkijiet, il-Kummissjoni għadha qed tinnegozja f'isem l-Istati Membri tal-UE. F'dawn in-negozjati, il-Kummissjoni se tagħmel l-almu tagħha biex tikseb l-aqwa riżultat għas-sajjieda tagħna, filwaqt li nirrispettaw ukoll il-pariri tax-xjenza. Nemmen bis-saħħa li l-imsieħba tagħna, u magħhom il-komunità internazzjonali, se juru wkoll l-impenn tagħhom għas-sajd sostenibbli." Il-proposta tal-lum, flimkien ma' proposta preċedenti tat-23 ta' Ottubru 2012 rigward l-istokkijiet tal-ħut fl-Atlantiku u fil-Baħar tat-Tramuntana (IP/12/1148), se tiġi diskussa fil-laqgħa ta' Diċembru tal-Kunsill tas-Sajd fi Brussell. Sfond Għall-istokkijiet tal-ħut maqsumin ma' pajjiżi terzi, lejn tmiem kull sena, il-Kummissjoni Ewropea tinnegozja ma' dawk il-pajjiżi (in-Norveġja, il-Gżejjer Faeroe, il-Groenlandja, l-Islanda, ir-Russja) il-kwantitajiet ta' ħut li jistgħu jinqabdu fis-sena ta' wara, abbażi ta' pariri xjentifiċi. Għall-istokkijiet f’ilmijiet internazzjonali u għall-ispeċijiet li jpassu ħafna, bħat-tonn, il-Kummissjoni Ewropea tinnegozja l-opportunitajiet tas-sajd fil-qafas tal-Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs). Wara dan, l-opportunitajiet tas-sajd miftiehma għandhom jiġu ttrasposti fil-liġi tal-UE. http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/fishing_rules/tacs/index_en.htm
|
Side Bar