Navigation path

Left navigation

Additional tools

Studju jitlob għal aktar attenzjoni fuq il-ħiliet tal-IT u dawk intraprenditorjali fl-iskejjel

European Commission - IP/12/1224   19/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, id-19 ta' Novembru 2012

Studju jitlob għal aktar attenzjoni fuq il-ħiliet tal-IT u dawk intraprenditorjali fl-iskejjel

It-tagħlim tal-ħiliet tal-IT, il-ħiliet intraprenditorjali u taċ-ċittadinanza huwa fundamentali biex iż-żgħażagħ jippreparaw ruħhom għas-suq tax-xogħol tal-lum, iżda b'mod ġenerali, l-iskejjel għadhom mhux qed jagħtu biżżejjed attenzjoni lil dawn il-ħiliet transversali meta mqabbla mal-ħiliet bażiċi fil-litteriżmu, il-matematika u x-xjenza, skont rapport ġdid tal-Kummissjoni Ewropea. Parti mill-problema hija li hemm xi diffikultajiet fil-valutazzjoni. Pereżempju, 11-il pajjiż Ewropew biss (il-Komunità Fjamminga tal-Belġju , il-Bulgarija, l-Estonja, l-Irlanda, Franza, il-Latvja, il-Litwanja, Malta, il-Polonja, is-Slovenja u l-Finlandja) għandhom proċeduri standardizzati għall-valutazzjoni tal-ħiliet taċ-ċittadinanza, li għandhom l-għan li jiżviluppaw il-ħsieb kritiku u l-parteċipazzjoni attiva fl-iskola u fis-soċjetà. Tali ttestjar ma jeżistix għall-ħiliet tal-IT u dawk intraprenditorjali fl-ebda wieħed mill-31 pajjiż li ħadu sehem fl-istħarriġ (is-27 Stat Membru, il-Kroazja, l-Islanda, in-Norveġja u t-Turkija). Ir-rapport jindika wkoll il-progress fit-tagħlim ta’ sitta mit-tmien kompetenzi ewlenin definiti fil-livell tal-UE għat-tagħlim tul il-ħajja fl-għarfien, il-ħiliet u l-attidudnijiet.

"L-uniku mod li bih se nkunu nistgħu niżguraw li l-Unjoni Ewropea jkollha l-mezzi biex tibqa' kompetittiva u biex taħtaf l-opportunitajiet tal-ekonomija tal-għarfien huwa billi t-tfal u ż-żgħażagħ jingħataw il-ħiliet neċessarji, inklużi l-ħiliet transversali," qalet Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ. “Dan l-istudju jurina fejn jista’ jsir it-titjib u, l-aktar importanti, x’għandna nagħmlu biex noħolqu aktar opportunitajiet għaż-żgħażagħ tagħna. L-istrateġija Nikkunsidraw mill-Ġdid l-Edukazzjoni (Rethinking education), inizjattiva politika li se nniedi għada, se tagħti proposti konkreti għal dan il-għan.”

Il-ħiliet transversali ġeneralment jiġu mgħallma bħala parti minn suġġetti oħra u l-curricula nazzjonali fil-maġġoranza tal-pajjiżi jkopru l-IT, l-intraprenditorija u ċ-ċittadinanza. Iżda s-sitwazzjoni mhijiex l-istess kullimkien. Disa’ pajjiżi (il-Ġermanja, l-Olanda, l-Italja, il-Greċja, ir-Rumanija, l-Irlanda, id-Danimarka, il-Komunità Fjamminga tal-Belġju u l-Kroazja) ma jkoprux b’mod espliċitu l-edukazzjoni intraprenditorjali fil-livell primarju filwaqt li l-kompetenzi diġitali jiġu indirizzati fl-iskola primarja f'kull pajjiż ħlief fil-Kroazja.

B’għaġeb kbir, għall-iskejjel għadha prassi mhux tas-soltu li l-kompetenzi diġitali jiġu mgħallma bħala parti mix-xjenza, il-matematika u l-lingwi. Ir-rapport juri li l-integrazzjoni tal-edukazzjoni tal-IT, l-intraprenditorija jew iċ-ċittadinanza fis-suġġetti ewlenin tista’ tirrikjedi li l-iskejjel ibiddlu l-mod kif jgħallmu, u li jiġu stabbiliti eżiti ta' tagħlim li kulħadd jaqbel fuqhom u metodi ta' valutazzjoni xierqa.

Ir-rapport jipprovdi evidenza analitika għal dawk li jfasslu l-politika u jappoġġa l-approċċ li ġie adottat fl-istrateġija l-ġdida tal-Kummissjoni Ewropea "Nikkunsidraw mill-Ġdid l-Edukazzjoni” (Rethinking Education), li għandha tiġi adottata għada (l-20 ta' Novembru). Din telenka l-miżuri li l-Istati Membri għandhom jieħdu sabiex jiżguraw li s-sistemi tal-edukazzjoni u tat-taħriġ jagħtu l-ħiliet meħtieġa fil-post tax-xogħol tal-lum.

Il-Kuntest

Tmien kompetenzi ewlenin għat-tagħlim tul il-ħajja fl-għarfien, il-ħiliet u l-attitudnijiet ġew definiti fil-livell tal-UE fl-2006. Dawn huma: komunikazzjoni fil-lingwa materna; komunikazzjoni f’lingwi barranin; kompetenza fil-matematika u kompetenzi bażiċi fix-xjenza u t-teknoloġija; kompetenza diġitali; kompetenzi soċjali u ċiviċi; sens ta' inizjattiva u intraprenditorija; tagħlim dwar kif titgħallem; għarfien u espressjoni kulturali.

Dawn il-kompetenzi huma fondamentali f’soċjetà bbażata fuq l-għarfien sabiex jiġu ssodisfati l-ħtiġijiet tas-suq tax-xogħol, tal-koeżjoni soċjali u taċ-ċittadinanza attiva. L-idea hi li jiġu żgurati aktar flessibbiltà u adattabbiltà, sodisfazzjon u motivazzjoni. Ir-rapport jiddeskrivi l-progress fit-tagħlim ta’ dawn il-kompetenzi u jissuġġerixxi miżuri biex jiġi żgurat li dawk li jipprovdu l-edukazzjoni u t-taħriġ jirreaġixxu għall-bidliet fid-domanda tal-ħiliet. It-tagħlim dwar kif titgħallem u l-għarfien u l-espressjoni kulturali ma kinux koperti mir-rapport.

Ir-rapport jiġbor informazzjoni minn seba’ rapporti reċenti magħmula min-netwerk Eurydice u jkopri l-edukazzjoni ġenerali obbligatorja u sekondarja fil-31 pajjiż Ewropej koperti. Is-sena ta' referenza hija l-2011-12.

Eurydice

Ir-rapport jitħejja għall-Kummissjoni min-netwerk Eurydice, li jikkonsisti minn 38 unità nazzjonali bbażati f’34 pajjiż (l-Istati Membri tal-UE, il-Kroazja, l-Iżlanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja, is-Serbja, l-Iżvizzera u t-Turkija). Eurydice huwa kkoordinat u amministrat mill-Aġenzija Eżekuttiva għall-Edukazzjoni, l-Awdjoviżiv u l-Kultura tal-UE.

Għal aktar informazzjoni

Ir-rappot sħiħ huwa disponibbli bl-Ingliż hawnhekk, il-punti ewlenin (bl-Ingliż) jinsabu hawnhekk.

Il-Kummissjoni Ewropea: Edukazzjoni u taħriġ

Is-sit elettroniku ta' Androulla Vassiliou

Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU

Kuntatti:

Dennis Abbott (+32 2 295 92 58)

Dina Avraam (+32 2 295 96 67)

Anness

Figura 1: Integrazzjoni tal-ħiliet diġitali, ċiviċi u intraprenditorjali fil-curricula nazzjonali (mil-livell primarju sal-livell sekondarju ogħla), 2011/12

Figura 2: Kompetenzi ewlenin ivvalutati permezz ta’ testijiet standardizzati nazzjonali (mil-livell primarju sal-livell sekondarju baxx), 2011/12

Figura 3: Disponibbiltà ta’ għalliema speċjalisti għall-qari fl-iskejjel primarji, 2011/12


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website