Navigation path

Left navigation

Additional tools

Is-Sajd: Il-Kummissjoni tipproponi pjan ta’ azzjoni għall-ħarsien tat-tjur tal-baħar

European Commission - IP/12/1222   16/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 16 ta' Novembru 2012

Is-Sajd: Il-Kummissjoni tipproponi pjan ta’ azzjoni għall-ħarsien tat-tjur tal-baħar

Il-Kummissjoni Ewropea llum adottat Pjan ta' Azzjoni biex tindirizza l-problema tal-qbid aċċidentali tat-tjur tal-baħar fl-irkapti tas-sajd. L-evidenza xjentifika wriet li għadd kbir ta' speċi ta' tjur tal-baħar, fosthom l-albatru, il-kanġu, il-garnija, il-purċinell, il-papri tal-baħar u l-għasafar għaddasa qed jinqabdu fl-irkaptu tas-sajd kull sena. Il-miżuri meħuda s'issa biex it-tjur tal-baħar jitħarsu milli jitħabblu fl-irkaptu tas-sajd ma kinux effettivi. Il-Pjan ta' Azzjoni l-ġdid jistabbilixxi qafas ta’ ġestjoni biex il-qabdiet inċidentali ta' tjur tal-baħar jitnaqqsu għall-aktar livelli baxxi possibbli fil-prattika. Jiffoka fuq is-sajd bil-konz u bl-ixbieki statiċi, li huma magħrufa li jkollhom l-akbar qbid inċidentali, għalkemm irkaptu ieħor bħal xbieki tat-tkarkir u purse seines huma wkoll koperti mill-pjan. Jinvolvi firxa wiesgħa ta’ elementi taħt 30 azzjoni rakkomandata li huma taħlita ta' miżuri vinkolanti u oħrajn li mhumiex. Ir-regoli se japplikaw għall-bastimenti tas-sajd mill-UE ġewwa u barra l-ilmijiet tal-UE kif ukoll għall-bastimenti mhux mill-UE li joperaw fl-ilmijiet tal-UE.

Il-pjan huwa mfassal skont l-għanijiet u l-prinċipji tar-riforma attwali tal-Politika Komuni tas-Sajd (PKS): jippromwovi l-ġestjoni tal-ekosistema, jiġifieri jkopri l-komponenti kollha tal-ekosistema. Jipproponi wkoll approċċ reġjonalizzat "minn isfel għal fuq", fejn l-Istati Membri u l-partijiet interessati jingħataw aktar responsabbiltà biex jimplimentaw miżuri xierqa biex jindirizzaw il-problemi tas-sajd.

Il-Kummissarju għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, Maria Damanaki, qalet: "Aħna naraw il-Pjan ta' Azzjoni tal-lum bħala pjattaforma biex nagħtu stampa ċara u komprensiva tal-qagħda attwali u l-progress meħtieġ sabiex ikollna ġestjoni koerenti u effettiva biex jiġu minimizzati l-qabdiet inċidentali tat-tjur tal-baħar."

It-30 azzjoni rakkomandata tal-pjan huma taħlita ta' miżuri vinkolanti u oħrajn li mhumiex. Azzjonijiet speċifiċi għall-medda qasira ta' żmien jinkludu:

  • implimentazzjoni aktar rapida tal-miżuri tal-ġestjoni tas-sajd biex jiġu protetti t-tjur tal-baħar f'Żoni ta' Protezzjoni Speċjali (SPAs) magħżulin skont id-Direttiva tal-Għasafar;

  • isir monitoraġġ aktar estensiv tas-sajd fejn hemm nuqqas ta' informazzjoni dwar il-qabdiet inċidentali tat-tjur tal-baħar jew fejn din hija inċerta;

  • implimentazzjoni ta' miżuri ta’ mitigazzjoni li huwa magħruf li jaħdmu (bħall-użu ta' naffara u apparat akustiku deterrenti jew l-użu ta' xlief b'piż) fis-sajd bil-konz fl-UE u fl-ilmijiet mhux tal-UE fejn il-qabdiet inċidentali huma l-ogħla;

  • u li tiġi mħeġġa r-riċerka biex jiġu żviluppati miżuri ta' mitigazzjoni prattiċi u effikaċi għas-sajd bl-ixbieki statiċi.

Fuq medda twila ta' żmien, l-għan huwa li jiġu inkorporati elementi għall-mitigazzjoni u l-monitoraġġ fl-oqfsa l-ġodda tal-miżuri tekniċi u l-ġbir tad-dejta li qed jiġu żviluppati fil-kuntest tar-riforma tal-PKS u li l-Fond Ewropew Marittimu u tas-Sajd (FEMS) jipprovdi l-fondi meħtieġa biex isostni dan kollu.

Xi wħud minn dawn il-miżuri se jiġu implimentati fil-livell tal-UE filwaqt li oħrajn jeħtieġu azzjoni volontarja mill-Istati Membri jew iridu jitħaddnu minn Organizzazzjonijiet Reġjonali tal-Ġestjoni tas-Sajd (RFMOs) għas-sajd lil hinn mill-ilmijiet tal-UE. Il-Pjan ta’ Azzjoni jipprevedi sew azzjonijiet li jistgħu jiġu implimentati immedjatament kif ukoll oħrajn li jeħtiġilhom impenn aktar fit-tul ibbażati fuq l-evidenza disponibbli u l-parir xjentifiku. Is-suċċess tal-Pjan jiddependi fuq il-kontribuzzjonijiet kollettivi tal-Istati Membri, is-sajjieda u l-NGOs.

Sfond

L-interazzjonijiet bejn is-sajd u l-tjur tal-baħar huma frekwenti u mifruxa u jwasslu għal livelli ta' mortalità inċidentali ta’ tjur tal-baħar li jistgħu jkunu ta’ theddida serja għal ħafna popolazzjonijiet ta' tjur tal-baħar u li għandhom effett negattiv fuq il-produttività u l-profittabbiltà tas-sajd.

Il-Kunsill Internazzjonali għall-Esplorazzjoni tal-Baħar (ICES) jistma b'mod konservattiv li aktar minn 200 000 tajra tal-baħar imutu kull sena b'riżultat ta’ kuntatt mal-flotta tas-sajd tal-UE fl-ilmijiet tal-UE u dawk li mhumiex. Mill-inqas 49 speċi ta’ tjur tal-baħar li jinqabdu inċidentalment huma kklassifikati bħala li huma ta' tħassib serju fir-rigward tal-konservazzjoni. Dawn jinkludu l-garnija Balearika, il-garnija tal-Atlantiku, il-garnija tal-Mediterran u l-Gawwija Geddumha Aħmar, li jinqabdu inċidentalment waqt sajd bil-konz fl-ilmijiet tal-UE, kif ukoll l-"iSteller's eider", il-bugħaddas tal-maltemp u l-"black-throated diver", il-Blonġun "Slavnoian" u s-"smew" li jinqabdu inċidentalment fis-sajd bl-ixbieki statiċi, speċjalment fil-Baħar Baltiku.

Il-miżuri attwali ta’ ġestjoni għall-ħarsien tat-tjur tal-baħar jinsabu f’firxa wiesgħa ta' leġiżlazzjoni tas-sajd u ambjentali kif ukoll f’għadd ta’ Konvenzjonijiet u Ftehimiet internazzjonali. Ġie ppruvat, madankollu, li dawn il-miżuri fil-biċċa l-kbira tagħhom mhumiex effikaċi biex inaqqsu l-qabdiet inċidentali ta' tjur tal-baħar, ħlief f'xi każijiet iżolati f’ilmijiet imbiegħda bħall-Antartiku u l-Gżejjer Falkland. Għaldaqstant, il-Kummissjoni temmen li hemm bżonn ta’ aktar azzjoni biex tindirizza din il-problema.

Il-lista sħiħa ta’ azzjonijiet proposti u aktar informazzjoni jinsab hawn: http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/fishing_rules/seabirds/seabirds_communication_en.pdf

Contacts :

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website