Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-16 ta’ Novembru 2012

L-ambjent: l-UE timmira li tkun fuq quddiem nett fl-isforzi biex jitnaqqas l-iskart fil-baħar

L-iskart fil-baħar huwa theddida serja għall-ambjent tax-xtut u tal-baħar madwar id-dinja kollha. Il-ħabitats tal-baħar jitniġġsu bi skart maħluq mill-bniedem u bi skart ieħor, li qed joħloq dejjem iktar problemi ambjentali, ekonomiċi, estetiċi u għas-saħħa. Il-Kummissjoni Ewropea qed tqajjem kuxjenza dwar din il-problema globali, skont l-impenji li ħadet f’Rio dan is-sajf biex tnaqqas l-inċidenza u l-impatti ta’ dan it-tniġġis fuq l-ekosistemi tal-baħar.

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: “Waqt is-Summit tad-Dinja Rio + 20, il-mexxejja dinjin impenjaw ruħhom li jiksbu tnaqqis sinifikanti fl-ammont ta’ skart fil-baħar sal-2025. Il-Kummissjoni Ewropea beħsiebha tkun fuq quddiem nett f’dan l-isforz, billi taħdem mill-qrib mal-Istati Membri, mal-Konvenzjonijiet Reġjonali dwar il-Baħar u mal-partijiet interessati biex tidentifika u tiżviluppa inizjattivi miftiehma biex tiġi indirizzata din il-problema.”

Sabiex tqajjem kuxjenza u tistimula riflessjoni dwar din il-kwistjoni, il-Kummissjoni qed tippubblika dokument li jagħti ħarsa ġenerali lejn il-leġiżlazzjoni, il-politiki u l-istrateġiji rilevanti tal-UE li jsemmu ’l din il-problema, u fih qed tindika l-inizjattivi li għaddejjin bħalissa u dawk li se jkun hemm fil-ġejjieni f’dan il-qasam. Dan id-dokument jinsab fis-sit tal-internet li ġej:
http://ec.europa.eu/environment/marine/good-environmental-status/descriptor-10/index_en.htm.

Sa 80 % tal-iskart fil-baħar huwa l-plastik, u dan l-iskart ġej minn firxa wiesgħa ta’ sorsi. Il-plastik għandu ħabta jibqa’ jeżisti fl-ambjent tal-baħar, possibbilment għal mijiet ta’ snin. Id-dokument jikkonkludi li l-politiki dwar l-ilma, l-effiċjenza fir-riżorsi u l-iskart, il-politiki dwar il-baħar u l-protezzjoni tan-natura kif ukoll il-leġiżlazzjoni marbuta mal-infrastruttura tal-vapuri u tal-portijiet kollha għandhom rwol importanti biex tiġi indirizzata l-problema, iżda dawn jeħtieġ li jiġu implimentati aħjar.

L-isforzi li saru fl-imgħoddi xxekklu minn nuqqas ta’ informazzjoni robusta dwar id-daqs eżatt u n-natura eżatta tal-problema. Iżda din il-problema issa suppost li ssolviet parzjalment, minħabba li l-għarfien dwar din il-kwistjoni qiegħed jitjieb minn jum għall-ieħor. Sal-15 ta’ Ottubru 2012, bħala parti mill-implimentazzjoni tad-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, l-Istati Membri kellhom jissottomettu valutazzjoni inizjali tal-istat tal-ilmijiet tal-baħar tagħhom, id-definizzjoni tagħhom tal-frażi “status ambjentali tajjeb” u l-miri li ffissaw biex jintlaħaq dan l-istatus. Il-Kummissjoni issa qed tanalizza r-rapporti tal-Istati Membri u beħsiebha tippubblika l-valutazzjoni tagħha fl-2013.

Mhux l-Istati Membri kollha rnexxielhom jibagħtu r-rapporti tagħhom fil-ħin. Fis-sit tal-internet li ġej wieħed jista’ jagħti ħarsa ġenerali lejn tagħrif aġġornat dwar ir-rapporti tal-Istati Membri:

http://ec.europa.eu/environment/marine/eu-coast-and-marine-policy/implementation/scoreboard_en.htm.

Il-passi li jmiss

L-istudju dwar l-iskart fil-baħar, flimkien ma’ diversi proġetti pilota li għaddejjin bħalissa u mat-tagħrif miġbur mingħand l-Istati Membri dwar l-istat tal-ibħra tagħhom skont id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima, se jkun ta kontribut siewi għall-Kummissjoni hekk kif din tqis mira possibbli ta’ tnaqqis mifruxa mal-UE kollha bħala kontribut għall-impenn magħmul waqt is-Summit ta’ Rio+20.

Il-Kummissjoni issa se tikkonsulta lill-Istati Membri u lil pajjiżi oħra, lill-Konvenzjonijiet reġjonali dwar il-baħar, lill-partijiet interessati u lil partijiet interessati oħra dwar l-aħjar mod kif nimxu ’l quddiem b’rabta mal-azzjonijiet dwar l-iskart fil-baħar. Din il-konsultazzjoni se tilħaq il-qofol tagħha f’Konferenza internazzjonali dwar il-prevenzjoni u l-ġestjoni tal-iskart fil-baħar fl-ibħra Ewropej, li se tkun organizzata mill-Ministeru Federali Ġermaniż għall-Ambjent u mill-Kummissjoni Ewropew flimkien f’Berlin f’April tal-2013. Il-Ministru Ġermaniż għall-Ambjent, Peter Altmaier, u l-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, se jkunu fost il-parteċipanti ta’ dan l-avveniment li se jiffoka fuq il-Pjanijiet reġjonali ta’ azzjoni għall-ibħra Ewropej u li għandu l-għan li joħroġ b’għodod prattiċi għall-azzjoni.

Il-kuntest

L-impatti ambjentali tal-iskart fil-baħar jinħassu l-iktar fost il-fawna tal-baħar, iżda joħolqu wkoll stress żejjed fuq ekosistemi tal-baħar li diġà huma fraġli, u jistgħu jaffettwaw ukoll saħħet il-bniedem. L-iskart fil-baħar ixekkel ukoll it-turiżmu, u t-tneħħija tal-iskart minn max-xtut jiswa liż-żoni kostali fl-Ewropa diversi miljuni ta’ Ewro fis-sena.

Id-Direttiva ta’ Qafas dwar l-Istrateġija Marittima teżiġi li l-Istati Membri jiksbu “status ambjentali tajjeb” fl-ilmijiet tal-baħar tagħhom sal-2020. Sabiex jagħmlu dan, l-ewwel pass fl-implimentazzjoni huwa t-tħejjija ta’ valutazzjoni inizjali (l-Artikolu 8) li tidentifika t-t-theddid prinċipali li jaffaċċaw l-ibħra Ewropej. Barra minn hekk, l-Istati Membri jridu jsarrfu d-definizzjoni tagħhom tal-frażi “status ambjentali tajjeb” (l-Artikolu 9) fi kriterji konkreti li magħhom tista’ tiġi vvalutata d-dejta ta’ monitoraġġ. Fl-aħħar nett, l-Istati Membri jridu jistabbilixxu miri ambjentali nazzjonali (l-Artikolu 10), li jistabbilixxu l-livell ta’ ambizzjoni tagħhom. L-iskart fil-baħar huwa wieħed mill-ħdax-il deskrittur kwalitattiv li l-Istati Membri jridu jqisu huma u jistabbilixxu status ambjentali tajjeb. Dan ix-xogħol kollu għandu jsir b’kooperazzjoni bejn dawk il-pajjiżi li jaqsmu bejniethom l-erba’ ibħra Ewropej, jiġifieri l-Atlantiku tal-Grigal, il-Baħar Baltiku, il-Mediterran u l-Baħar l-Iswed.

Għal aktar tagħrif ara:

http://ec.europa.eu/environment/marine/.

Persuni ta’ kuntatt:

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site