Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

L-Ambjent: Il-Kummissjoni tippreżenta pjan għas-salvagwardja tal-ilmijiet tal-Ewropa

Commission Européenne - IP/12/1216   15/11/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta' Novembru 2012

L-Ambjent: Il-Kummissjoni tippreżenta pjan għas-salvagwardja tal-ilmijiet tal-Ewropa

Il-Kummissjoni nediet pjan (Blueprint) għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa, strateġija sabiex ikun żgurat li jkun disponibbli biżżejjed ilma ta' kwalità tajba biex jintlaħqu l-bżonnijiet tal-persuni, tal-ekonomija u tal-ambjent.

L-ilmijiet tal-UE mhumiex sejrin tajjeb f'termini ta' kwalità, minkejja titjib f'dawn l-aħħar snin. Il-kwantità tal-ilma wkoll hija ta' tħassib hekk kif l-iskarsezza tal-ilma qed tinfirex fl-Ewropa filwaqt li qed jiżdiedu l-avvenimenti estremi (bħall-għargħar) f'għadd kbir wisq tal-Istati Membri.

Irridu nżidu l-isforzi tagħna biex nilqgħu għall-isfidi ġodda u qodma, inkluż it-tniġġis tal-ilma, l-astrazzjoni tal-ilma għall-agrikoltura u għall-produzzjoni tal-enerġija, l-użu tal-art u l-impatti tat-tibdil fil-klima. Hemm bżonn ta' miżuri aktar b’saħħithom sabiex jgħinu lill-UE tħares ir-riżorsi tal-ilma tagħha u ssir aktar effiċjenti fl-użu tar-riżorsi (inkluż l-ilma).

Il-Kummissarju għall-Ambjent, Janez Potočnik, qal: "Dan il-pjan juri li qed nifhmu tajjeb il-problemi li għandna quddiemna u li għandna bażi solida biex naffrontawhom. Wasal iż-żmien biex nieħdu azzjoni biex inwasslu l-benefiċċji sħaħ tal-leġiżlazzjoni tagħna u noħolqu opportunitajiet għal soluzzjonijiet innovattivi fil-politika dwar l-ilma u l-industrija tal-ilma. Neħtieġu bilanċ sostenibbli bejn id-domanda u l-provvista tal-ilma, fid-dawl tal-bżonnijiet kemm tal-persuni kif ukoll tal-ekosistemi naturali li huma dipendenti fuqhom."

Strateġija għall-azzjoni

Biex jinkiseb l-għan eżistenti tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma ta' status tajjeb tal-ilma sal-2015, il-pjan dwar l-ilma jistipula approċċ strateġiku fuq tliet livelli:

  • Tittejjeb l-implimentazzjoni tal-politika attwali tal-UE dwar l-ilma billi jsir użu sħiħ tal-opportunitajiet ipprovduti mil-liġijiet attwali. Pereżempju, tiżdied l-adozzjoni ta' miżuri dwar iż-żamma tal-ilma naturali bħar-restawr tal-artijiet mistagħdra u ta' pjanuri tal-għargħar jew tittejjeb l-implimentazzjoni tal-prinċipju "min iniġġes iħallas" permezz tal-kejl tal-konsum bil-miter, l-ipprezzar tal-ilma u analiżi ekonomika aħjar.

  • Tiżdied l-integrazzjoni tal-għanijiet tal-politika dwar l-ilma f’oqsma ta' politika rilevanti oħrajn bħall-agrikoltura, is-sajd, l-enerġija rinnovabbli, it-trasport u l-fondi ta' Koeżjoni u Strutturali.

  • Jiġu rrimedjati n-nuqqasijiet tal-qafas attwali, partikolarment fir-rigward tal-għodda meħtieġa biex tiżdied l-effiċjenza fl-użu tal-ilma. F’dan ir-rigward, il-Pjan dwar l-Ilma jipprevedi miri għall-kontijiet tal-ilma u għall-effiċjenza fl-użu tal-ilma li għandhom jiġu ffissati mill-Istati Membri kif ukoll l-iżvilupp ta' standards tal-UE għall-użu mill-ġdid tal-ilma.

Il-Pjan ma jressaqx strateġija riġida ta' "soluzzjoni waħda tajba għal kulħadd" iżda aktar minn hekk jipproponi sett ta' għodda li l-Istati Membri jistgħu jużaw biex itejbu l-ġestjoni tal-ilma fil-livell nazzjonali, reġjonali u tal-baċin tax-xmara.

Il-Pjan dwar l-Ilma jenfasizza li l-konservazzjoni tal-ilma mhijiex biss dwar il-ħarsien ambjentali, is-saħħa u l-benessri. Tirrigwarda wkoll it-tkabbir ekonomiku u l-prosperità. Hija mod kif ikun żgurat li l-industrija tal-ilma tal-UE tiżviluppa bis-sħiħ il-potenzjal ta' tkabbir tagħha u li s-setturi ekonomiċi kollha li jiddependu fuq id-disponibbiltà tal-ilma ta' ċerta kwalità jkunu jistgħu jistgħanew u b'hekk joħolqu t-tkabbir u opportunitajiet ta' xogħol. Il-Pjan huwa appoġġjat mill-Isħubija għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma varata f'Mejju 2012.

Il-passi li jmiss

L-implimentazzjoni tal-proposti deskritti fil-Pjan se tiddependi mill-Istrateġija ta' Implimentazzjoni Komuni tad-Direttiva Qafas dwar l-Ilma. Dan huwa proċess miftuħ u parteċipatorju li jinvolvi lill-Istati Membri, lill-organizzazzjonijiet mhux governattivi u lin-negozji. L-iskeda ta' żmien tal-Pjan dwar l-Ilma hija relatata mill-qrib mal-Istrateġija 2020 tal-UE u, b'mod partikolari, mal-Pjan Direzzjonali dwar l-Effiċjenza fl-Użu tar-Riżorsi tal-2011 fejn il-Pjan huwa fil-fatt l-objettiv dwar l-ilma. Madankollu, l-analiżi li tirfed dan il-Pjan tkopri perjodu ta' żmien itwal, sal-2050, u mistennija tixpruna l-politika tal-UE dwar l-ilma fuq medda twila ta' żmien.

Sfond

Fl-2000, id-Direttiva Qafas dwar l-Ilma (WFD) stabbilixxiet qafas legali sabiex tħares u tirrestawra l-ilma nadif madwar l-Ewropa kollha u sabiex tiżgura l-użu sostenibbli tal-ilma fit-tul. L-għan ġenerali tad-WFD huwa li, sal-2015, jinkiseb stat tajjeb għall-ilmijiet kollha, bħal lagi, xmajjar, nixxigħat u akwiferi ta' taħt l-art. Iżda l-kisba tal-għanijiet ta' politika tal-UE dwar l-ilma hija mhedda minn għadd ta' sfidi ġodda u qodma. Il-Pjan għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa huwa r-reazzjoni ta' politika tal-UE għall-isfida kontinwa sabiex jintlaħqu l-għanijiet tal-politika tal-UE dwar l-ilma. Il-proposti tal-Pjan dwar l-Ilma huma r-riżultat ta' proċess li kien jinvolvi konsultazzjonijiet estensivi mal-pubbliku u l-partijiet interessati.

Fit-tħejjija għall-Pjan, ġew ivvalutati l-Pjanijiet ta' Mmaniġġjar tal-Baċin tax-Xmara tal-Istati Membri tal-UE u l-politika tal-UE dwar l-iskarsezza tal-ilma u l-perjodi ta' nixfa. Il-valutazzjoni żvelat li fadal xi nuqqasijiet fil-leġiżlazzjoni attwali tal-ilma, kif ukoll nuqqasijiet sinifikanti fl-implimentazzjoni tagħha. Hija identifikat ukoll kunflitti bejn l-objettivi tal-politika dwar l-ilma u dawk ta' politiki oħrajn li għandhom jiġu indirizzati.

Għal aktar tagħrif:

Is-sit tal-internet tal-Kummissjoni dwar il-Pjan għas-Salvagwardja tar-Riżorsi tal-Ilma tal-Ewropa:

http://ec.europa.eu/environment/water/blueprint/index_en.htm

Ara wkoll:

Is-sit tal-internet tal-Kummissjoni dwar l-Isħubija għall-Innovazzjoni dwar l-Ilma:

http://ec.europa.eu/environment/water/innovationpartnership/index_en.htm

Il-Pjan Direzzjonali għal Ewropa b’Użu Effiċjenti tar-Riżorsi:

http://eur-lex.europa.eu/LexUriServ/LexUriServ.do?uri=COM:2011:0571:FIN:MT:PDF

MEMO/12/866

Kuntatti :

Joe Hennon (+32 2 295 35 93)

Monica Westeren (+32 2 299 18 30)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site