Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni twissi lil pajjiżi terzi dwar azzjoni insuffiċjenti għall-ġlieda kontra s-sajd illegali

European Commission - IP/12/1215   15/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta' Novembru 2012

Il-Kummissjoni twissi lil pajjiżi terzi dwar azzjoni insuffiċjenti għall-ġlieda kontra s-sajd illegali

Il-Kummissjoni Ewropea żiedet l-azzjoni tagħha fil-ġlieda konta s-sajd illegali madwar id-dinja kollha billi ħarġet twissija lil tmien pajjiżi terzi li qed jirriskjaw li jiġu identifikati bħala pajjiżi meqjusa li ma jikkooperawx fil-ġlieda kontra s-sajd illegali, mhux irrappurtat u mhux irregolat (sajd IUU). Il-pajjiżi inkwistjoni huma l-Beliże, il-Kambodja, Fiġi, il-Ginea, il-Panama, is-Sri Lanka, it-Togo u Vanwatu. Id-deċiżjoni tal-lum hija l-ewwel waħda ta dan it-tip u tenfasizza li dawn il-pajjiżi mhux qed jagħmlu biżżejjed biex jiġġieldu s-sajd illegali. Din tidentifika nuqqasijiet konkreti, bħan-nuqqas ta' djalogu jew nuqqas ta' azzjonijiet li jindirizzaw in-nuqqasijiet fil-monitoraġġ, il-kontroll u s-sorveljanza tas-sajd, u tissuġġerixxi azzjonijiet korrettivi biex jiġu riżolti. Fdan l-istadju, id-deċiżjoni mhu se tinvolvi ebda miżuri li jaffettwaw il-kummerċ. It-tmien pajjiżi ġew innotifikati u mogħtija żmien raġonevoli biex jirreaġixxu u jieħdu miżuri sabiex jirrimedjaw is-sitwazzjoni. Il-Kummissjoni pproponiet ukoll pjan ta' azzjoni għal kull pajjiż. Jekk is-sitwazzjoni ma titjiebx, l-UE tista' tieħu miżuri oħra, li jistgħu jinvolvu miżuri kummerċjali bħall-projbizzjoni fuq il-bejgħ ta' prodotti tas-sajd lill-UE.

Il-Kummissarju Ewropew Maria Damanaki, li hija responsabbli għall-Affarijiet Marittimi u s-Sajd, qalet: "Din mhix lista sewda, iżda karta safra. Irridu lil dawn il-pajjiżi bħala sħab biex niġġieldu s-sajd illegali flimkien. Irriduhom itejbu s-sistemi legali u ta' kontroll tagħhom kif meħtieġ mir-regoli internazzjonali. Iżda rridu wkoll nibagħtu messaġġ lid-dinja li l-EU mhux se tittollera sajd IUU - attività kriminali li ddgħajjef l-għajxien tal-komunitajiet tas-sajd u teżawrixxi l-istokkijiet tal-ħut. Dan is-sajd għandu jinqered bil-mezzi kollha."

Il-ġlieda kontra s-sajd illegali hija parti mill-isforzi tal-UE sabiex tiżgura l-użu sostenibbli tal-baħar u tar-riżorsi tiegħu. Bħala l-ikbar importatur tal-ħut fid-dinja, l-UE għandha l-għan li tagħlaq is-swieq tagħha għall-ħut maqbud illegalment. Il-Kummissjoni tikkunsidra li t-tmien pajjiżi identifikati s'issa mhux qed jaqdu dmirijiethom bħala stati tal-bandiera, tal-port, kostali jew tas-suq f'konformità mal-liġi internazzjonali, bħall-Konvenzjoni tan-Nazzjonijiet Uniti dwar il-Liġi tal-Baħar jew il-Ftehim tan-Nazzjonijiet Uniti dwar l-Istokkijiet tal-Ħut. Pereżempju, jeħtieġ li l-pajjiżi jemendaw il-qafas legali tagħhom biex jiġġieldu s-sajd IUU, itejbu l-azzjonijiet ta' kontroll u ta' monitoraġġ jew jieħdu rwol proattiv f'konformità mar-regoli tal-liġi internazzjonali.

Id-deċiżjoni tal-Kummissjoni hija riżultat ta' analiżi bir-reqqa u kkunsidrat ukoll il-livell ta' żvilupp ta' kull pajjiż. Id-deċiżjoni ssegwi perjodu twil ta' diskussjonijiet informali mal-pajjiżi inkwistjoni. Issa tibda proċedura formali ta' djalogu u kooperazzjoni ma' dawn il-pajjiżi bil-għan li jiġu solvuti n-nuqqasijiet stabbiliti.

Sfond

Id-deċiżjoni tal-lum hija bbażata fuq ir-'Regolament IUU' tal-UE, li daħal fis-seħħ fl-20101. Dan l-istrument ewlieni fil-ġlieda kontra s-sajd illegali għandu l-għan li jippermetti l-aċċess għas-suq tal-UE biss għal prodotti tas-sajd li jkunu ġew iċċertifikati bħala legali mill-Istat tal-bandiera jew l-Istat ta' esportazzjoni kkonċernat.

Il-valur globali stmat tas-sajd IUU huwa ta’ madwar EUR 10 biljun fis-sena, u hu maħsub li dan jammonta għal 19 % tal-valur irrappurtat ta' qabdiet. Fis-sena jinqabdu bejn 11 u 26 miljun tunnellata ta' ħut illegalment, li jikkorrispondu għal mill-inqas 15 % tal-qabdiet fid-dinja. Huwa stmat li 16 % tal-ħut kollu li jinqabad mill-baħar li jiġi impurtat fl-UE jkun inqabad illegalment2.

Għal aktar tagħrif

http://ec.europa.eu/fisheries/cfp/illegal_fishing/index_en.htm

MEMO/12/859

Kuntatti :

Oliver Drewes (+32 2 299 24 21)

Lone Mikkelsen (+32 2 296 05 67)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website