Navigation path

Left navigation

Additional tools

Wasal iż-żmien li s-suq intern tal-enerġija jiġi kkompletat

European Commission - IP/12/1214   15/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-15 ta' Novembru 2012

Wasal iż-żmien li s-suq intern tal-enerġija jiġi kkompletat

Suq intern tal-enerġija Ewropew effiċjenti, interkonness u trasparenti joffri liċ-ċittadini u lin-negozji provvisti tal-enerġija siguri u sostenibbli bl-inqas spiża possibbli. Bil-Komunikazzjoni tal-lum dwar kif is-suq intern tal-enerġija għandu jiffunzjona b'mod effiċjenti, il-Kummissjoni qed tistieden lill-Istati Membri jżidu l-isforzi tagħhom biex jittrasponu u jimplimentaw ir-regoli tas-suq intern tal-enerġija Ewropew. Il-Kummissjoni se taħdem mal-Istati Membri biex il-konsumaturi jingħataw aktar setgħa u biex gradwalment jitnaqqsu l-interventi mill-istat li jgħawġu s-swieq.

Il-Kummissarju għall-Enerġija Günther Oettinger qal: "Fir-rigward tal-gass u l-elettriku, iċ-ċittadini u n-negozji jinteressawhom żewġ elementi - is-sigurtà tal-provvista fi kwalunkwe ħin u prezz għall-but ta' kulħadd. Dan niksbuh bl-aħjar mod jekk ikollna suq tal-enerġija Ewropew li jkun qed jiffunzjona."

Filwaqt li diġà sar progress fir-rigward tal-għoti ta' għażla ikbar għall-konsumaturi, iż-żamma tal-kontroll tal-prezzijiet tal-enerġija fil-livell tal-operaturi, u l-iżgurar ta' provvisti suffiċjenti f'kull ħin, jeħtieġ li jsir sforz ikbar biex jiġi sfruttat il-potenzjal sħiħ ta' suq Ewropew li jkun integrat tassew. Biex tikkompleta s-suq intern tal-enerġija tal-UE sal-2014 il-Kummissjoni tipprevedi diversi azzjonijiet. Dawn jinkludu:

- L-implimentazzjoni tal-liġi tas-suq intern u l-infurzar tar-regoli tal-kompetizzjoni. Saħansitra 20 xahar wara l-iskadenza ta' Marzu 2011 għat-traspożizzjoni, uħud mill-Istati Membri għadhom ma ttrasponewx kompletament it-tielet pakkett tas-suq tal-enerġija. Il-Kummissjoni se tkompli bil-proċeduri ta' ksur biex tiżgura li r-regoli Ewropej rilevanti jiġu implimentati kif suppost. Ir-regoli tal-kompetizzjoni għandhom jiġu infurzati vigorożament biex jiġu żgurati kundizzjonijiet ekwi għal dawk kollha involuti fis-suq.

- Il-konsumaturi jingħataw aktar setgħa. Studji juru li konsumatur wieħed biss minn kull tlieta qed iqabbel l-offerti tas-servizzi. Qed jiġi stmat li l-konsumaturi tal-UE jistgħu jiffrankaw sa massimu ta' EUR 13-il biljun fis-sena kieku kellhom jaqilbu għall-orħos tariffa tal-elettriku disponibbli. Il-Kummissjoni se tiżgura li d-drittijiet tal-konsumaturi miġbura fil-leġiżlazzjoni tal-UE jkunu viżibbli fil-liġi nazzjonali u rrispettati kif xieraq minn dawk kollha involuti fis-swieq. Dan jinkludi d-dritt li wieħed jaqleb minn fornitur għal ieħor fi żmien tliet ġimgħat mingħajr spejjeż finanzjarji. Il-Kummissjoni se tippromwovi wkoll il-varar ta' sistemi ta' arloġġi intelliġenti peress li permezz tagħhom il-konsumaturi jkunu jistgħu jimmaniġġjaw il-konsum tagħhom f'ħin reali u jikkontrollaw aħjar il-kontijiet tal-enerġija tagħhom. Il-protezzjoni tal-konsumaturi vulnerabbli se tingħata attenzjoni speċjali. Barra minn hekk, ir-Rapport dwar it-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija tal-Konsumaturi fl-UE jipprovdi rakkomandazzjonijiet għal preżentazzjoni ċara tal-prezzijiet, tat-tariffi u tal-offerti.

Barra minn hekk, bħalissa disa' Stati Membri biss (l-Awstrija, ir-Repubblika Ċeka, il-Ġermanja, il-Finlandja, il-Lussemburgu, l-Olanda, is-Slovenja, l-Isvezja, u r-Renju Unit) ma għandhomx implimentati prezzijiet tal-enerġija rregolati fil-livell tal-konsumaturi. Il-prezzijiet iffissati b'intervent mill-istat ma jipprovdux lill-konsumaturi bl-aqwa offerta disponibbli. Jissograw jagħtu impressjoni żbaljata ta' protezzjoni li tnaqqsilhom l-inċentiv li jfittxu b'mod attiv għażliet oħrajn, inklużi servizzi ta' effiċjenza enerġetika. Barra minn hekk, prezzijiet irregolati għall-utent aħħari jimpedixxu l-investimenti. Iżommu lill-kumpaniji milli jidħlu fis-suq u jinvestu f'ġenerazzjoni ġdida. Prezzijiet irregolati li jkunu inqas mill-ispejjeż imġarrba jwasslu għal dejn li fl-aħħar mill-aħħar jispiċċaw iħallsuh il-kontribwenti.

- L-iżgurar ta' tfassil flessibbli tas-suq. Uħud mill-Istati Membri qed jippjanaw li jappoġġaw lill-produtturi tal-elettriku talli jżommu disponibbli l-kapaċità tal-ġenerazzjoni tagħhom sabiex jiżguraw li jkun hemm kapaċità suffiċjenti anke meta sorsi varjabbli tal-elettriku, bħall-enerġija mir-riħ jew dik mix-xemx, ma jkunux qed jipproduċu. Dan jissejjaħ mekkaniżmu ta' kapaċità. Madankollu, l-introduzzjoni prematura u t-tfassil ħażin tal-mekkaniżmi ta' kapaċità jistgħu jirriżultaw fil-frammentazzjoni tas-suq intern u jostakolaw l-investimenti. Qabel ma jintroduċu dan it-tip ta' mekkaniżmi l-Istati Membri għandhom janalizzaw jekk hemmx nuqqas ta' investiment fil-ġenerazzjoni u r-raġunijiet għal dan. Qabel jintervjenu fis-suq fuq bażi nazzjonali l-Istati Membri għandhom iqisu soluzzjonijiet transfruntieri. Ġeneralment, is-swieq transfruntieri jkunu iktar kosteffettivi.

Barra minn hekk, il-Kummissjoni se tipproponi linji gwida dwar skemi ta' appoġġ għall-enerġiji rinnovabbli li se jsaħħu l-effikaċja tas-suq intern.

Sfond

Fi Frar 2011 il-Kapijiet tal-Istat tal-UE ddikjaraw il-ħtieġa li s-suq intern jiġi kkompletat sal-2014.

It-tielet pakkett tas-suq tal-enerġija (id-Direttivi 2009/72/KE u 2009/73/KE) jinkludi l-elementi ewlenin tal-integrazzjoni tas-suq tal-gass u tal-elettriku, u jinvolvi l-miżuri li ġejjin: (i) id-diżaggregazzjoni tan-netwerks (is-separazzjoni tal-attivitajiet tan-netwerks għall-elettriku u għall-gass mill-ġenerazzjoni, mill-produzzjoni u mill-provvista); (ii) kwistjonijiet ta' protezzjoni tal-konsumaturi (b'mod partikolari fir-rigward tal-obbligu tal-Istati Membri li jipproteġu l-konsumaturi vulnerabbli, jipprovdu kontijiet u informazzjoni kuntrattwali trasparenti lill-konsumaturi, jistabbilixxu punt ta' kuntatt waħdieni u mekkaniżmu ta' soluzzjoni alternattiva tat-tilwim għas-soluzzjoni ta' tilwim barra mill-Qorti); u (iii) l-indipendenza u s-setgħat tal-awtoritajiet regolatorji nazzjonali.

Għal aktar informazzjoni

Komunikazzjoni Lejn suq intern tal-enerġija effiċjenti

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal Is-Swieq tal-Enerġija fl-Unjoni Ewropea fl-2011

Dokument ta' Ħidma tal-Persunal Proġetti ta' Investiment fl-Infrastruttura tal-Enerġija

Paġna elettronika tal-Kummissjoni dwar is-Suq Intern tal-Enerġija:

http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/internal_market_en.htm

Ir-Rapport dwar it-Trasparenza tas-Swieq tal-Enerġija fil-livell tal-Konsumaturi fl-UE:

http://ec.europa.eu/energy/gas_electricity/forum_citizen_energy_en.htm,

http://ec.europa.eu/consumers/citizen/my_rights/energy_mt.htm

Kuntatti:

Nicole Bockstaller (+32 2 295 25 89)

Marlene Holzner (+32 2 296 01 96)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website