Sélecteur de langues
Chemin de navigation

Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-Istampa

Brussell, 14 ta' Novembru 2012
L-UE tniedi kompetizzjoni għaż-żgħażagħ Ewropej sabiex jiġu Oslo biex jattendu għaċ-Ċerimonja uffiċjali tal-Premju Nobel għall-Paċi
L-Unjoni Ewropea llum nediet kompetizzjoni tat-tpinġija u l-kitba għal dawk bejn it-8 u l-24 sena. L-erba' rebbieħa jiġu mistiedna għaċ-ċerimonja tal-Premju Nobel għall-Paċi 2012 f'Oslo. Din il-kompetizzjoni hi organizzata bi sħab mal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ. L-erba' rebbieħa ser jiġu mistiedna mill-Presidenti tal-Kunsill Ewropew, il-Kummissjoni Ewropea u l-Parlament Ewropew, sabiex ikunu parti mid-delegazzjoni uffiċjali tal-Unjoni Ewropea li ser tivvjaġġa lejn Oslo biex tirċievi l-Premju għall-Paċi ta' din is-sena.
Waqt it-tnedija tal-kompetizzjoni llum, il-President Van Rompuy, il-President Barroso u l-President Schulz qalu, "Il-Premju Nobel għall-Paċi 2012 mhuwiex biss rikonoxximent għall-kisbiet tal-passat tal-Unjoni Ewropea: iħares ukoll lejn il-futur. Il-kompitu dejjiemi tagħna hu li nispiraw il-ġenerazzjoni li jmiss ta' Ewropej. Minħabba f'hekk irridu liż-żgħażagħ Ewropej, li qed jirtu kontinent ta' paċi u li ser ikunu responsabbli għall-futur tal-Ewropa, ikunu magħna f'Oslo".
"Il-Premju Nobel għall-Paċi huwa opportunità biex niftakru fl-importanza tal-involviment tas-soċjetà ċivili u ċ-ċittadini Ewropej, speċjalment iż-żgħażagħ, fil-kisba tal-paċi fil-kontinent Żgħażagħ attivi kienu l-muturi ta' Ewropa timmatura flimkien u soċjetà żgħażugħa Ewropea b'saħħitha hija prerekwiżit għat-tkomplija ta' żviluppi paċifiċi lejn Ewropa magħquda" qal Peter Matjašič, il-President tal-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ.
"Paċi, Ewropa, Futur: Xi tfisser għalik il-paċi fl-Ewropa?" Din hija l-mistoqsija li saret liż-żgħażagħ mill-UE u mill-pajjiżi li ser jingħaqdu magħha jew dawk kandidati, fl-etajiet ta' bejn it-8 u l-24 sena. Tfal bejn it-8 u t-12-il sena għandhom jesprimu t-tweġiba tagħhom permezz ta' tpinġija, żgħażagħ bejn it-13 u l-24 sena permezz ta' test qasir ta' mhux aktar minn 120 karattru, fi kwalunkwe waħda mit-23 lingwa uffiċjali tal-UE.
Il-kompetizzjoni ser tibqa' miftuħa sa nofsillejl (CET) tal-25 ta' Novembru. Il-Forum Ewropew taż-Żgħażagħ ser jagħmel il-preselezzjoni tal-aħjar 16-il entrata għal kull grupp (ta' bejn it-8 u t-12-il sena, it-13 u s-17-il sena u t-18 u l-24 sena). Ġurija ser tagħżel tlieta mir-rebbieħa finali (wieħed għal kull grupp) li ser jirbħu vjaġġ għal Oslo.
Is-16-il entrata preselezzjonata mill-kategoriji ta' bejn it-18 u l-24 sena ser jitpoġġew ukoll fuq Facebook għall-vot tal-pubbliku. Il-kandidat bl-aktar voti ser jiġi mistieden f'Oslo. Dan ir-rebbieħ ser jiġi mistieden ukoll biex jiġi Strasburgu għal avveniment speċjali b'rabta mal-Premju Nobel fit-12 ta' Diċembru, kif ser jiġu mistiedna wkoll l-ewwel 9 entrati mhux rebbieħa!
L-ismijiet tar-rebbieħa ser jitħabbru matul il-ġimgħa tat-3 ta' Diċembru. Ir-rebbieħa ser jattendu ċ-ċerimonja uffiċjali fl-10 ta' Diċembru kif ukoll il-kunċert tal-Premju Nobel għall-Paċi fil-11 ta' Diċembru.
Il-parteċipanti jistgħu jieħdu sehem fil-kompetizzjoni u jipproponu entrati fuq: www.peaceuropefuture.eu.
Aktar tagħrif:
Twitter #Peace4eu
Kuntatti : Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70) Preben Aaman (+32 2 281 20 60) Jaume Duch (+32 2 284 30 00) Letizia Gambini (+32 491 04 13 78) |