Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta' Novembru 2012

Il-flus tal-premju Nobel għall-Paċi jingħataw għal proġetti li jappoġġaw tfal milquta minn gwerer u kunflitti.

Illum il-Kummissjoni Ewropea aċċettat formalment il-flus tal-premju Nobel għall-Paċi f'isem l-Unjoni Ewropea u indikat li kienet biħsiebha talloka l-flus tal-premju għat-tfal milquta minn gwerer u kunflitti madwar id-dinja.

Il-President Barroso qal, "Il-Premju Nobel għall-Paċi jirrappreżenta r-rikonċiljazzjoni madwar id-dinja. Il-flus tal-Premju għandhom jibbenefikaw minnhom l-ewwel tama għall-ġejjieni, iżda wkoll l-ewwel vittmi ta' kunflitti fil-preżent u fil-passat: it-tfal."

Wara ftehim bejn il-President Barroso u l-Presidenti Van Rompuy u Schulz, il-Kummissjoni biħsiebha talloka l-flus tal-premju Nobel għall-Paċi għal "proġetti tat-tfal tal-Premju Nobel tal-UE". Dawn għandhom ikunu għall-benefiċċju tat-tfal f'żoni ta' gwerra u ta' kunflitti. Minħabba li t-tfal huma l-futur ta' kull soċjetà u fl-istess ħin fost dawk l-aktar vulnerabbli, id-"dividend tal-paċi" li l-Unjoni Ewropea qed tirċievi għandu jkun "investit" f’dawk it-tfal li huma vittmi ta' kunflitti vjolenti.

Sfond

Fit-12 ta' Ottubru 2012 il-Kumitat tal-Premju Nobel iddeċieda li jagħti l-Premju Nobel għall-Paċi tal-2012 lill-Unjoni Ewropea għall-kontribuzzjoni ta' aktar minn 60 sena għall-avvanz tal-paċi u r-rikonċiljazzjoni, id-demokrazija u d-drittijiet tal-bniedem fl-Ewropa. Iċ-Ċerimonja tal-Għoti tal-Premju se ssir f’Oslo fl-10 ta' Diċembru 2012.

Il-Kummissjoni aċċettat formalment il-flus tal-premju f'isem l-Unjoni Ewropea u tiddikjara li l-premju ta' madwar EUR 930,000 se jiġi allokat għat-tfal li huma l-aktar fil-bżonn. Fil-ġimgħat li ġejjin, il-Kummissjoni se tiddeċiedi dwar id-dettalji tal-proġett, inklużi t-termini ta' referenza preċiżi, il-proċess tal-għażla tal-benefiċjarji u l-aspetti legali u baġitarji.

Il-Premju Nobel għall-Paċi jikkonsisti f'ammont ta' SEK 8 miljun, midalja u diploma. Il-medalja u d-diploma se jinżammu mill-istituzzjonijiet tal-Unjoni Ewropea f'isem l-Unjoni Ewropea. L-ammont ta' flus u l-midalja jikkostitwixxu donazzjoni skont it-tifsira tal-Artikolu 19 tar-Regolament Nru 1605/2002. L-ammont mogħti se jiġi użat għall-iżvilupp ta' proġetti skont l-għan tal-premju Nobel għall-paċi, u aktar speċifikament għal azzjoni ta' appoġġ għal tfal milquta minn gwerer u kunflitti.

Id-deċiżjoni li għandha tittieħed mill-Kummissjoni Ewropea se tkun f’konformità mar-Regolament tal-Kunsill (KE, Euratom) Nru 1605/2002 tal-25 ta' Ġunju 2002 rigward ir-Regolament Finanzjarju applikabbli ghall-bagit generali tal-Komunitajiet Ewropej.

Kuntatt:

Pia Ahrenkilde Hansen (+32 2 295 30 70)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site