Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-Istampa

Jum il-112: 74 % tal-Ewropej ma jafux x’numru ta’ emerġenza għandhom iċemplu meta jivvjaġġaw fl-UE. Kampanja ġdida

Brussel, 10 ta’ Frar 2012 – Kemm jekk għal vakanzi tal-iskiing, jiem barra mal-familja, vjaġġar għan-negozju jew żjarat għall-avvenimenti sportivi ta’ dan is-sajf inklużi l-Olimpjadi ta’ Londra jew il-futbol UEFA Euro 2012 fil-Polonja u fl-Ukraina, miljuni ta’ Ewropej u viżitaturi jeħtieġu aċċess għas-servizzi ta’ emerġenza ġewwa jew barra minn pajjiżhom. Madanakollu 34% biss tal-vjaġġaturi regolari u 26% tal-Ewropej kollha jafu li 112 huwa n-numru ewlieni ta’ emerġenza li jistgħu jċemplu, kemm ġewwa kif ukoll barra minn pajjiżhom meta jsibu ruħhom f’xi inkwiet.

Ħafna kumpaniji ewlenin tat-trasport ferrovjarju, bl-ajru u oħrajn ingħaqdu mal-Viċi Presidenti Neelie Kroes u Siim Kallas f'kampanja sabiex iżidu r-rata tal-għarfien dwar il-112. In-numru ta' emerġenza se jkun irriklamat mingħajr ħlas għal min iħallas it-taxxa fuq biljetti elettroniċi, rivisti abbord, fuq is-siti elettroniċi tal-kumpaniji tagħhom u permezz tal-persunal tagħhom. Il-lista ta’ kumpaniji parteċipanti tista’ tiġi kkonsultata fuq www.112.eu.

Il-Viċi Presidenti Kroes u Kallas iddeċidew li jiżguraw li kull Ewropew ikollu aċċess għal applikazzjoni 112 għall-ismpartphone fil-lingwa tiegħu. Fl-aħħar snin ġew żviluppati ħafna applikazzjonijiet tal-mowbajl għall-112, iżda jista' isir ħafna aktar xogħol f'dan il-qasam.

Il-Viċi President Neelie Kroes qalet “ Int tista’ ssalva ħajja billi tkun taf u tiddajlja 112. Iżda 112 jista’ jgħin biss jekk in-nies ikunu jafu bih. Għalhekk aħna qed naħdmu ma’ kumpaniji tal-ivvjaġġar sabiex niġbdu l-attenzjoni waqt li n-nies ikunu fi triqithom lejn id-destinazzjoni tagħhom.”

Il-Viċi President Siim Kallas qal “Jien nilqa’ l-impenn tas-settur tat-trasport fl-Ewropa li jgħarraf lil kull vjaġġatur bin-numru ta’ emerġenza 112. Il-112 huwa għodda ta’ sikurezza bżonnjuża fit-trasport. Il-lista ta’ kumpaniji parteċipanti se tkun miftuħa matul is-sena kollha u mill-interess li ntwera s’issa, jidher li se jipparteċipaw aktar kumpaniji.”

Sfond

Il-112 huwa n-numru Ewropew ta' emerġenza, u jintlaħaq minn telefown fiss jew mowbajl, bla ħlas, fl-UE kollha. Il-112 jgħaqqad lil min qed iċempel mas-servizzi relevanti ta' emerġenza (pulizija lokali, il-pompieri għat-tifi tan-nar jew is-servizzi mediċi) u huwa disponibbli 24 siegħa kuljum. Il-112 issa jiffunzjona fl-Istati Membri kollha tal-UE flimkien man-numri ta’ emerġenza nazzjonali eżistenti (bħad-999 jew il-110). Id-Danimarka, il-Finlandja, Malta, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Portugall, ir-Rumanija u l-Isvezja wkoll iddeċidew li jagħmlu n-numru 112 l-uniku numru ta' emerġenza nazzjonali tagħhom jew dak prinċipali. Barra minn hekk, in-numru 112 qed jintuża barra l-UE bħal fil-Kroazja, fil-Montenegro u fit-Turkija. L-Ukraina wkoll impenjat ruħha sabiex tintroduċi dan in-numru fl-ibliet li se jospitaw il-logħob tal-futbol tal-Euro 2012 (Donetsk, Kharkiv, Kiev u Lviv) sal-bidu ta’ dan l-avveniment sportiv.

L-istħarriġ tal-Eurobarometru ppubblikat illum juri li l-għarfien tal-Ewropej dwar id-disponibbiltà tal-112 f’pajjiżhom u fi Stati Membri oħra tal-UE qed jistaġna. Sabiex jindirizzaw din il-kwistjoni, il-Viċi Presidenti Kallas u Kroes kitbu lill-kumpaniji ewlenin tat-trasport fis-27 ta’ Jannar 2012 u talbuhom biex jinfurmaw lill-passiġġieri tagħhom dwar in-numru ta’ emerġenza 112. Din l-inizjattiva tibni fuq kampanja simili b’suċċess li kienet imnedija s-sena l-oħra mill-membru preċedenti tal-Parlament Ewropew Diana Wallis. L-inizjattiva hija wkoll appoġġjata mill-Fondazzjoni Ewropea 112.

Applikazzjonijiet tal-mowbajl – apps – huma software tal-kompjuter żviluppati għall-mowbajls li jgħinu lill-utenti jwettqu x-xogħol tagħhom. Jistgħu jiġu installati minn qabel fuq telefowns minn manifatturi u huma disponibbli għax-xiri u download permezz ta’ "app stores”.

Rapport dwar kif kull Stat Membru qed jimplimenta l-112 (maħruġ ukoll illum) jagħti stampa ġenerali tal-lingwi differenti li jistgħu jintużaw miċ-ċentri għat-telefonati fuq il-112 biex iwieġbu:

L-Ingliż jista’ jintuża f’25 pajjiż (apparti r-Renju Unit, l-Irlanda u Malta): L-Awstrija,il-Belġju, il-Bulgarija ir-Repubblika Ċeka, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Ungerija, l-Italja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, il-Pajjiżi l-Baxxi, il-Polonja, il-Portugall, ir-Rumanija, is-Slovakkja, Spanja u l-Isvezja, kif ukoll il-Kroazja, l-Islanda u n-Norveġja.

14-il pajjiż (minbarra l-Belġju, Franza u l-Lussemburgu) jistgħu jittrattaw telefonati bil-Franċiż: Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, il-Ġermanja, il-Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, ir-Rumanija, is-Slovakkja u Spanja.

Il-Ġermaniż jista’ jintuża f’telefonati 112 fi 12-il pajjiż: Il-Bulgarija, ir-Repubblika Ċeka, il-Finlandja, l-Ungerija, l-Italja, il-Litwanja, il-Pajjiżi l-Baxxi, in-Norveġja, il-Polonja, is-Slovakkja, Spanja u r-Rumanija (barra mill-Awstrija, il-Belġju, il-Ġermanja u l-Lussemburgu)

Il-kelliema bit-Taljan ukoll jistgħu jagħmlu telefonati 112 fil-lingwa nattiva tagħhom fir-Repubblika Ċeka, il-Kroazja, ir-Rumanija, is-Slovenja u Spanja.

Il-kelliema bir-Russu jistgħu jiksbu l-għajnuna permezz tal-112 fir-Repubblika Ċeka, fl-Estonja, fil-Finlandja, fil-Latvja, fil-Litwanja, fil-Polonja, fir-Rumanija u fis-Slovakkja.

Fir-Renju Unit, iċ-ċentri tat-telefonati ta’ emerġenza jistgħu jiddependu fuq servizzi ta' interpretazzjoni li jkopru 170 lingwa, filwaqt li fi Franza servizz simili jittratta 40 lingwa;

Links utli

is-sit elettroniku tal-112 (disponibbli bl-Ingliż, bil-Franċiż, bil-Ġermaniż, bit-Taljan, bil-Pollakk u bl-Ispanjol): www.112.eu

Kumpaniji u organizzazzjonijiet tat-trasport li qed jipparteċipaw fil-kampanja ta' promozzjoni 112

Kif jaħdem il-112 f’pajjiżi:

Ir-rokna għat-tfal (disponibbli bit-23 lingwa uffiċjali kollha tal-UE):

Ir-rapport sħiħ and sommarju tal-istħarriġ tal-Eurobarometer “The European Emergency Number 112” u

Ir-rapport u l-anness COCOM dwar l-implimentazzjoni tal-112:

Is-sit elettroniku tal-Aġenda Diġitali

Is-sit elettroniku ta' Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

Kuntatti :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @ECspokesRyan

Linda Cain (+32 2 299 90 19)

Helen Kearns (+32 2 298 76 38)

Dale Kidd (+32 2 295 74 61)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website