Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

In-negozjar tal-emissjonijiet: Il-Kummissjoni tippreżenta għażliet biex tirriforma s-suq Ewropew tal-karbonju

Commission Européenne - IP/12/1208   14/11/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta' Novembru 2012

In-negozjar tal-emissjonijiet: Il-Kummissjoni tippreżenta għażliet biex tirriforma s-suq Ewropew tal-karbonju

Il-Kummissjoni Ewropea qed tieħu żewġ passi importanti biex tindirizza l-iżbilanċ dejjem akbar ta' bejn il-provvista u d-domanda tal-kwoti tal-emissjonijiet fl-iskema tal-UE għan-negozjar ta' emissjonijiet (EU ETS). Bħala l-ewwel pass immedjat biex tindirizza ż-żieda rapida tal-eċċess ta' kwoti ta' emissjonijiet, il-Kummissjoni għamlet proposta formali biex tirrevedi l-kalendarju tal-irkant u tittardja ("posponiment lejn tmiem il-perjodu") l-irkantar ta' 900 miljun kwota fit-tielet fażi tal-EU ETS li se tibda s-sena d-dieħla. Il-Kummissjoni, illum adottat ukoll rapport dwar l-istat tas-suq Ewropew tal-karbonju li jistabbilixxi firxa ta' miżuri strutturali possibbli li jistgħu jittieħdu biex jittrattaw l-eċċess.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju Ewropew għall-Azzjoni Klimatika, qalet: "Il-Kummissjoni trid suq Ewropew tal-karbonju iktar sod u li jagħti spinta iktar b'saħħitha lis-swieq tal-karbonju ta' postijiet oħra fid-dinja. Is-suq tal-karbonju tagħna qed iwassal għal tnaqqis fl-emissjonijiet. Iżda minħabba l-provvista żejda fis-suq, l-ETS mhux tagħti spinta b'saħħitha biżżejjed lill-effiċjenza enerġetika u lit-teknoloġiji ekonomiċi. Dan huwa ta' dannu għall-innovazzjoni u l-kompetittività tal-Ewropa. Huwa għalhekk li bħala l-ewwel pass immedjat, qed nipproponu li jiġi pospost l-irkantar ta' 900 miljun kwota fit-tliet sninli ġejjin. Ma rridux nifqgħu suq li huwa diġà pprovdut iżżejjed. L-operaturi tas-suq irid ikollhom viżjoni ċara f'dan ir-rigward qabel l-aħħar tas-sena. Fl-istess ħin, il-Kummissjoni qed tippreżenta għażliet dwar miżuri strutturali possibbli li jistgħu jipprovdu soluzzjoni sostenibbli għall-eċċess fuq perjodu twil ta' żmien."

L-eċċess ta' kwoti ta' emissjonijiet żdied prinċipalment minħabba li l-kriżi ekonomika naqqset l-emissjonijiet industrijali tal-gassijiet serra b'aktar milli kien imbassar, u dan wassal għal domanda aktar baxxa ta' kwoti min-naħa tan-negozji. L-eċċess huwa mistenni li jibqa' għaddej fit-tielet fażi tas-sistema, li se tkun mill-2013 sal-2020.

Posponiment lejn tmiem il-perjodu tal-volumi ta' rkant bħala l-ewwel pass neċessarju

Mill-1 ta' Jannar 2013, meta tibda t-tielet fażi tal-EU ETS, l-irkantar se jsir il-metodu ewlieni għall-allokazzjoni tal-kwoti ta' emissjonijiet fin-negozji. F'Lulju li għadda, il-Kummissjoni ppubblikat l-abbozz ta' emenda fil-futur għar-Regolament tal-Irkantar tal-EU ETS li se tittardja l-irkantar ta' ċertu ammont ta' kwoti (ara IP/12/850). Wara diskussjonijiet inizjali mal-Istati Membri fil-Kumitat tal-UE dwar it-Tibdil fil-Klima u konsultazzjoni pubblika, il-Kummissjoni qed tipproponi li jitnaqqas l-għadd ta' kwoti li jridu jiġu rkantati bejn is-sena 2013 u l-2015 b'900 miljun u biex jiżdied l-għadd ta' kwoti rkantati fl-aħħar tat-tielet fażi.

B'dan l-approċċ ta' posponiment lejn tmiem il-perjodu, se jkun possibbli li titnaqqas il-kwantità ta' kwoti għall-irkant fuq perjodu qasir ta' żmien, tant li d-domanda se tibqa' baxxa ħafna u tiżdied biss aktar tard meta d-domanda tkun x'aktarx irkuprat sew. Aktar tagħrif dwar l-impatti huwa pprovdut f'valutazzjoni tal-impatt (ara hawn taħt).

Tnedija ta' dibattitu wiesa' dwar il-miżuri strutturali possibbli

Ir-rapport tal-lum tas-suq tal-karbonju jagħti deskrizzjoni ta' sitt għażliet u jistieden lill-partijiet interessati biex jesprimu l-ideat tagħhom. Kemm il-Parlament Ewropew, kif ukoll il-Kunsill, talbu lill-Kummissjoni biex teżamina l-għażliet għal azzjoni strutturali li jistgħu jiġu adottati mill-aktar fis possibbli, inkluż l-irtirar permanenti tal-ammont ta' kwoti neċessarji biex jiġi eliminat l-eċċess.

Kull proposta legali dwar il-miżuri strutturali mressqa mill-Kummissjoni fid-dawl tad-dibattitu pubbliku se tkun suġġetta għal konsultazzjoni pubblika u għal valutazzjoni sħiħa tal-impatti tagħha.

Sfond: L-EU ETS u t-tielet fażi

Bħalissa, l-EU ETS tkopri madwar 11 000 stallazzjoni industrijali u 40 % tal-emissjonijiet tal-UE. Minn din is-sena qed tkopri wkoll is-settur tal-avjazzjoni.

Fit-tielet fażi, sas-sena 2020, l-emissjonijiet mill-istallazzjonijiet industrijali u mill-impjanti tal-enerġija jridu jitnaqqsu għal 21 % inqas mil-livelli tal-2005. It-tibdiliet ewlenin fit-tielet fażi huma:

  • L-introduzzjoni ta' limitu wieħed fuq l-emissjonijiet li jkun applikabbli għall-UE kollha, minflok is-sistema attwali ta' 27 limitu nazzjonali;

  • L-irkantar isir il-metodu ewlieni għall-allokazzjoni tal-kwoti, u b'hekk jieħu post l-allokazzjoni mingħajr ħlas. Fl-2013, għandhom jiġu rkantati aktar minn nofs il-kwoti kollha, u dan is-sehem ikompli jiżdied progressivament kull sena;

  • Għall-kwoti li għadhom qed jingħataw mingħajr ħlas, se jiġu introdotti regoli ta' allokazzjoni armonizzata ibbażati fuq punti ta' referenza ambizzjużi tal-prestazzjoni tal-emissjonijiet.

Aktar tagħrif dwar l-EU ETS jista' jinkiseb mis-sit:

http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/index_en.htm

Dokumenti, inkluża l-valutazzjoni tal-impatt dwar il-proposta ta' posponiment lejn tmiem il-perjodu, jistgħu jinkisbu mis-sit:

http://ec.europa.eu/clima/policies/ets/reform/index_en.htm

Ara wkoll MEMO/12/861 (mistoqsijiet u tweġibiet)

Kuntatti :

Isaac Valero Ladron (+32 2 296 49 71)

Stephanie Rhomberg (+32 2 298 72 78)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site