Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, l-14 ta’ Novembru 2012

Nisa fil-Bordijiet: Il-Kummissjoni tipproponi mira ta’ 40%

Illum il-Kummissjoni Ewropea ħadet azzjoni biex tkisser il-limitu li jkompli jwaqqaf talent femminili minn pożizzjonijiet għolja fl-akbar kumpaniji Ewropej. Il-Kummissjoni pproponiet leġiżlazzjoni bil-għan li tikseb mira ta’ 40% tas-sess l-anqas irrappreżentat fost pożizzjonijiet ta’ diretturi mhux eżekuttivi fil-kumpaniji kollha kkwotati fil-borża, bl-eċċezzjoni ta' impriżi żgħar u medji. Bħalissa, il-bordijiet huma ddominati minn sess wieħed: 85% tal-membri ta’ bordijiet mhux eżekuttivi u 91.1% tal-membri ta’ bordijiet eżekuttivi huma rġiel, filwaqt li n-nisa jirrappreżentaw 15% u 8.9% rispettivament. Minkejja dibattitu pubbliku intens u xi inizjattivi volontarji f’livell nazzjonali u Ewropew, is-sitwazzjoni ma nbidlitx b'mod sinifikanti f'dawn l-aħħar snin: mill-2003 ġiet irreġistrata żieda medja inkrementali tal-għadd ta’ nisa fuq il-bordijiet ta’ biss 0.6 punti perċentwali kull sena.

Huwa għal din ir-raġuni li l-Kummissjoni llum qed tipproponi leġiżlazzjoni tal-UE biex tħaffef il-progress lejn bilanċ aħjar bejn is-sessi fil-bordijiet ta’ diriġenti ta’ kumpaniji Ewropej. Il-proposta ġiet ippreżentata b’mod konġunt mill-Viċi-President Viviane Reding (responsabbli mill-Ġustizzja, id-Drittijiet Fundamentali u ċ-Ċittadinanza), il-Viċi President Antonio Tajani (responsabbli għall-Industrija u l-Intraprenditorija), il-Viċi President Joaquín Almunia (responsabbli mill-Kompetizzjoni), il-Viċi-President Olli Rehn (responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji), il-Kummissarju Michel Barnier (responsabbli għas-Suq Intern u s-Servizzi) u l-Kummissarju Lázsló Andor (responsabbli għall-Impjiegi u l-Affarijiet Soċjali).

Il-Kummissjoni llum qed twieġeb għas-sejħiet mill-Parlament Ewropew li, b’maġġoranza kbira, b’mod ripetut talab għal leġiżlazzjoni dwar l-ugwaljanza bejn in-nisa u l-irġiel fit-tmexxija ta’ negozji, l-aktar fir-riżoluzzjonijiet tiegħu tas-6 ta’ Lulju 2012 u tat-13 ta’ Marzu 2012.

Id-Direttiva proposta tistabbilixxi mira ta’ preżenza ta’ 40% tas-sess l-anqas irrappreżentat fost diretturi mhux eżekuttivi ta’ kumpaniji kkwotati fil-borża. Kumpaniji li għandhom proporzjon iżgħar (inqas minn 40%) tas-sess l-anqas irrappreżentat fost id-diretturi mhux eżekuttivi se jintalbu li jagħmlu ħatriet għal dawk il-pożizzjonijiet fuq il-bażi ta’ analiżi komparattiva tal-kwalifiki ta' kull kandidat bl-applikazzjoni ta’ kriterji ċari, newtrali fir-rigward tas-sessi u mhux ambigwi. B’applikazzjoni ekwa, il-prijorità se tingħata lis-sess l-anqas irrappreżentat. L-għan li jintlaħaq mill-inqas 40% sħubija tas-sess l-anqas irrappreżentat għal pożizzjonijiet mhux eżekuttivi b’hekk għandu jintlaħaq sal-2020 filwaqt li l-impriżi pubbliċi—li fuqhom l-awtoritajiet pubbliċi jeżerċitaw influwenza dominanti - se jkollhom sentejn inqas, sal-2018. Il-proposta hi mistennija li tapplika għal madwar 5,000 kumpanija kkwotati fil-borża fl-Unjoni Ewropea. Ma tapplikax għal kumpaniji żgħar u ta’ daqs medju (kumpaniji b'inqas minn 250 impjegat u b’fatturat globali annwali li ma jaqbiżx il-EUR 50 miljun) u kumpaniji mhux kwotati fil-borża.

José Manuel Barroso, il-President tal-Kummissjoni Ewropea, qal: “Illum, b'din il-proposta, il-Kummissjoni Ewropea qed twieġeb għas-sejħa b’saħħitha tal-Parlament Ewropew għal azzjoni tal-UE biex iġġib l-ugwaljanza bejn is-sessi f’bordijiet korporattivi. Illum qed nitolbu lill-kumpaniji kbar ikkwotati fil-borża mal-Ewropa biex juru li huma serji meta jiġu għall-ugwaljanza bejn is-sessi fit-teħid ta' deċiżjonijiet ekonomiċi. B'inizjattiva tiegħi, il-Kummissjoni saħħet b'mod sinifikattiv il-preżenza ta' Kummissarju nisa fost il-membri tagħha, b'terz tal-Kummissjoni jkunu nisa."

Il-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-Ġustizzja tal-UE, żiedet: “L-Unjoni Ewropea kisbet suċċess fil-promozzjoni tal-ugwaljanza bejn is-sessi għal iktar minn 50 sena. Madankollu, hemm post wieħed fejn għad ma rajna ebda progress: fil-bordijiet ta’ tmexxija tal-kumpaniji. L-eżempju stabbilit minn pajjiżi bħall-Belġju, Franza u l-Italja li riċentement adottaw leġiżlazzjoni u bdew jaraw progress, juri biċ-ċar li intervent regolatorju b’terminu ta’ żmien jista’ jagħmel id-differenza kollha. Il-proposta tal-Kummissjoni se tiżgura b’rabta mal-proċedura tal-għażla għal membri ta’ bord mhux eżekuttivi li tingħata preferenza għal kandidati nisa – sakemm ikunu inqas rappreżentati u kwalifikati b’mod ekwu daqs l-irġiel għall-istess pożizzjoni.

“Ninsab rikonoxxenti għall-membri numerużi tal-Parlament Ewropew li ġġieldu mingħajr waqfien għal din il-kawża u li kienu strumentali biex jgħinuni biex din il-proposta tiġi diskussa."

Progress bil-mod wassal għal azzjoni frammentata fi 11-il Stat Membru

Huwa biss wieħed minn seba’ membri ta’ bord (13.7%) f’kumpaniji kbar tal-Ewropa li hija mara. Dan huwa biss titjib żgħir fuq il-11.8% fl-2010. B’din ir-rata bil-mod ta’ progress xorta jridu jgħaddu madwar 40 sena biex saħansitra joqorbu lejn il-bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet ta’ tmexxija (mill-inqas 40% taż-żewġ sessi).

Bħala konsegwenza, bosta Stati Membri tal-UE bdew idaħħlu tipi differenti ta’ liġijiet għall-bordijiet ta’ tmexxija tal-kumpaniji. Iżda 11-il Stat Membru (il-Belġju, Franza, l-Italja, il-Pajjiżi l-Baxxi, Spanja, il-Portugall, id-Danimarka, il-Finlandja, il-Greċja, l-Awstrija u s-Slovenja) daħħlu strumenti legali li jippromwovu l-kwalità bejn is-sessi fil-bordijiet tal-kumpaniji. Fi tmienja minn dawn il-pajjiżi, il-leġiżlazzjoni tkopri impriżi pubbliċi (ara l-iskeda informattiva b'analiżi speċifika ta' pajjiż). Sadanittant, 11-il pajjiż ieħor tal-UE ma għandhomx fis-seħħ la miżuri ta’ awtoregolamentazzjoni u lanqas leġiżlazzjoni. Dan l-approċċ frammentat legali jirriskja li jtellef il-funzjonament tas-Suq Uniku tal-Ewropa, billi regoli differenti tal-liġi tal-kumpaniji u sanzjonijiet għan-nuqqas ta' konformità ma' liġijiet ta’ bilanċ bejn is-sessi jistgħu jwasslu għal kumplikazzjonijiet għan-negozji u jkollhom effett ta' deterrent fuq investimenti transkonfinali tal-kumpaniji. Huwa għalhekk li l-proposta tal-lum għandha l-għan li toħloq qafas mal-UE għal regoli ta’ azzjoni pożittivi bħal dawn.

L-elementi ewlenin tal-proposta:

Id-Direttiva tistabbilixxi mira minima ta’ 40% sal-2010 għall-membri tas-sess l-anqas irrappreżentat għal membri mhux eżekuttivi tal-bordijiet ta’ kumpaniji kkwotati fil-borża fl-Ewropa jew l-2018 għal intrapriżi pubbliċi kkwotati fil-borża.

Il-proposta tinkludi wkoll, bħala miżura komplementari, “kwota flexi”: obbligu għall-kumpaniji kkwotati fil-boża li għandhom jistabbilixxu għalihom infushom miri individwali, awtoregolatorji rigward r-rappreżentanza taż-żewġ sessi fost diretturi eżekuttivi li jridu jinkisbu sal-2020 (jew l-2018 fil-każ ta’ impriżi pubbliċi). Il-kumpaniji se jkollhom jirrappurtaw kull sena dwar il-progress li jkun sar.

Il-kwalifika u l-mertu se jibqgħu l-kriterji ewlenin għal impjieg fil-bord. Id-direttiva tistabbilixxi armonizzazzjoni minima ta' rekwiżiti ta’ governanza korporattiva hekk kif deċiżjonijiet ta’ ħatra se jkollhom ikunu bbażati fuq kriterji ta’ kwalifiki oġġettivi. Salvagwardji intrinsiċi se jassiguraw li ma jkunx hemm promozzjonijiet bla kundizzjonijiet u awtomatiċi tas-sess l-anqas irrappreżentat. Skont il-ġurisprudenza tal-Qorti tal-Ġustizzja Ewropea dwar l-azzjoni pożittiva, għandha tingħata preferenza lis-sess l-anqas irrappreżentat ugwalment ikkwalifikat, sakemm valutazzjoni oġġettiva li tikkunsidra l-kriterji speċifiċi kollha għall-kandidati individwali taqleb il-bilanċ favur il-kandidat tas-sess l-ieħor. Stati Membri li diġà għandhom sistema effettiva fis-seħħ se jkunu jistgħu jimplimentawha sakemm tkun daqstant effiċjenti bħas-sistema proposta fil-ksib tal-għan ta’ 40% tas-sess l-anqas irrappreżentat fost diretturi mhux eżekuttivi sal-2020. U Stati Membri jibqgħu bl-għażla li jintroduċu miżuri li jmorru lil hinn mis-sistema proposta.

L-Istati Membri se jkunu meħtieġa li jistabbilixxu sanzjonijiet xierqa u dissważivi għall-kumpaniji li jiksru d-Direttiva.

Is-Sussidjarjetà u l-Proporzjonalità tal-proposta: Il-mira ta’ 40% tapplika għal kumpaniji kkwotati fil-borża, minħabba l-importanza ekonomika tagħhom u l-viżibbiltà għolja. Il-proposta ma tapplikax għal intrapriżi żgħar u medji. Il-mira ta’ 40% hija ffokata fuq karigi ta’ direttur mhux eżekuttiv. Skont prinċipji ta’ regolamentazzjoni aħjar, id-Direttiva hija miżura temporanja u se tiskadi fl-2028.

Din il-miżura qiegħda hemm biex iġġib kemm jista’ jkun malajr l-ugwaljanza bejn is-sessi fil-bordijiet ta’ tmexxija korporattivi Ewropej. Mhux se tkun iktar meħtieġa ladarba jinkiseb progress f’dan il-qasam,” żiedet il-Viċi-President Viviane Reding.

Sfond

Il-kompetenza tal-UE biex tilleġiżla f'materji ta' ugwaljanza bejn is-sessi tmur lura sal-1957 (ara SPEECH/12/702). Ir-Rakkomandazzjonijiet tal-Kunsill dwar il-promozzjoni tal-parteċipazzjoni bbilanċjata tan-nisa u l-irġiel fil-proċess tat-teħid tad-deċiżjonijiet tmur lura għall-1984 u l-1996. Barra minn hekk, il-Parlament Ewropew appella għal kwoti legalment vinkolanti fil-livell tal-UE f’bosta Riżoluzzjonijiet.

Il-promozzjoni ta' ugwaljanza akbar fit-teħid tad-deċiżjonijiet hija waħda mill-miri fil-Karta Ewropea tan-Nisa (ara IP/10/237), li ġiet imnedija mill-President José Manuel Barroso u mill-Viċi President Reding f’Marzu 2010. Il-Kummissjoni segwiet dawn l-impenji billi adottat Strateġija dwar l-Ugwaljanza bejn in-Nisa u l-Irġiel f’Settembru 2010 għall-ħames snin li ġejjin (ara IP/10/1149 u MEMO/10/430).

Rapport mill-Kummissjoni f'Marzu 2012 wera li madwar l-UE, il-bordijiet tal-kumpaniji huma bħalissa ddominati minn sess wieħed. Hemm ukoll differenzi kbar bejn il-pajjiżi, fejn in-nisa jikkostitwixxu 27% tal-membri ta’ bordijiet fl-akbar kumpaniji Finlandiżi u 26% fil-Latvja, iżda biss 3% f'Malta u 4% f'Ċipru.

Il-progress fit-titjib tal-bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet ta’ tmexxija tal-Ewropa matul l-aħħar sena kien l-aħjar wara żmien twil (żieda ta' 1.9 punt perċentwali minn Ottubru 2010 sa Jannar 2012, imqabbla ma' żieda medja matul l-aħħar 10 snin ta' 0.6 punt perċentwali fis-sena). Din iż-żieda tista' tiġi attribwita għall-appelli li għamlu l-Kummissjoni u l-Parlament Ewropew (MEMO/11/487) u għall-għadd ta' inizjattivi leġiżlattivi nazzjonali fl-Istati Membri. Iżda b'mod ġenerali, il-bidla qed issir bil-mod ħafna. In-numru tan-nisa li jippresjedu bordijiet ta' kumpaniji ewlenin saħansitra naqas, u niżel għal 3.2% f’Jannar 2012 minn 3.4% fl-2010.

Progress tanġibbli hija l-eċċezzjoni u mhux ir-regola. Il-progress huwa biss viżibbli fil-pajjiżi li introduċew liġijiet li jorbtu legalment għal bordijiet tal-kumpaniji. Franza, li introduċiet kwota legali f'Jannar 2011, waħedha tgħodd għal aktar minn 40% tal-bidla totali mal-UE kollha rreġistrata bejn Ottubru 2010 u Jannar 2012.

F'Marzu 2011 il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja Viviane Reding sfidat lill-kumpaniji kkwotati fil-borża fl-Ewropa biex volontarjament iżidu n-numru ta' nisa li jokkupaw karigi eżekuttivi fit-tmexxija tal-kumpaniji billi jiffirmaw l-"Impenn Formali għal aktar Nisa fit-Tmexxija tal-Impriżi Ewropej" (MEMO/11/124). Il-wegħda tistieden lill-kumpaniji biex jieħdu impenn biex tiżdied il-preżenza tan-nisa fuq il-bordijiet tagħhom għal 30% sal-2015 u għal 40% sal-2020. Madankollu, wara sena, 24 kumpanija biss iffirmaw il-Wegħda.

Sabiex jiġu identifikati miżuri adatti biex jiġi indirizzat in-nuqqas persistenti fid-diversità bejn is-sessi fil-bordijiet tal-kumpaniji kkwotati fil-borża fl-Ewropa, il-Kummissjoni nediet konsultazzjoni pubblika (ara IP/12/213). Wara għadd kbir ta’ risposti, il-Kummissjoni mbagħad ivvalutat l-għażliet differenti ta' politika biex tiġi indirizzata s-sitwazzjoni.

Għadd dejjem jikber ta’ studji jissuġġerixxu li bordijiet bbilanċjati bejn is-sessi għandhom il-potenzjal li jtejbu il-prestazzjoni finanzjarja tal-kumpaniji. Li jkun hemm aktar nisa fl-ogħla impjiegi jista' jikkontribwixxi għal ambjent tax-xogħol aktar produttiv u innovattiv u prestazzjoni globalment imtejba tal-kumpanija. Dan jiġri prinċipalment minħabba mentalità aktar diversa u kollettiva li tinkorpora firxa usa’ ta’ perspettivi u għalhekk jilħaq aktar deċiżjonijiet bilanċjati. Barra minn hekk, in-nisa jirrappreżentaw 60% tal-gradwati ġodda tal-università iżda ftit minnhom jaslu fil-quċċata tal-kumpaniji. Il-ftuħ tal-bibien għal pożizzjonijiet għolja se jaġixxi bħala inċentiv għan-nisa biex jidħlu u jibqgħu fis-suq tax-xogħol, billi jgħin biex jiżdiedu r-rati tal-impjieg femminili. Li jkun hemm iktar nisa fil-forza tax-xogħol se jgħin biex tintlaħaq il-mira stabbilita mill-Istrateġija Ewropa 2020 - l-istrateġija tal-UE għat-tkabbir – li żżid ir-rata ta’ impjiegi għan-nisa u l-irġiel ta' bejn l-20 u l-64 sena għal 75% sal-2020.

Għal aktar tagħrif

MEMO/12/860

Il-pakkett għall-ġurnalisti – Nisa fil-bordijiet:

http://ec.europa.eu/justice/newsroom/gender-equality/news/121114_en.htm
Stħarriġ tal-Ewrobarometru dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi:

http://ec.europa.eu/public_opinion/archives/ebs/ebs_376_en.pdf

Folji informattivi dwar l-ugwaljanza bejn is-sessi:

L-Ugwaljanza bejn is-Sessi fil-Kummissjoni Ewropea

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/womenonboards/factsheet-general-4_en.pdf

L-Ugwaljanza bejn is-Sessi fl-Istati Membri

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/womenonboards/factsheet-general-2_en.pdf

Il-Bażi Legali għal Inizjattiva Ewropea

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/womenonboards/factsheet-general-3_en.pdf

Ir-raġuni Ekonomika ta’ Leġiżlazzjoni dwar is-Sessi

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/files/womenonboards/factsheet-general-1_en.pdf

Vidjow dwar il-Bilanċ bejn is-Sessi f'Bordijiet korporattivi:

http://youtu.be/OTlP4Ek3WP8

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Il-bażi tad-dejta tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet:

http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-decision-making/database/index_en.htm

Anness

Figura 1: In-nisa u l-irġiel fil-bordijiet tal-akbar kumpaniji kkwotati fil-borża, Jannar 2012

Sors: Il-Kummissjoni Ewropea, Bażi ta' dejta dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet u l-Eurostat, Stħarriġ dwar il-Forza tax-Xogħol. Noti: Dejta tirreferi għal membri tal-bord ta' diretturi (bord superviżorju f’każ ta’ funzjonijiet separati superviżorji u eżekuttivi. L-għadd jinkludi ċ-Chairperson.

Dejta dwar sehem ta’ impjiegi mhijiex disponibbli għal RS; dejta dwar l-edukazzjoni terzjarja mhijiex disponibbli għal LU, EL u RS.

Figura 2: In-nisa fil-bordijiet tal-akbar kumpaniji kkwotati fil-borża: membri eżekuttivi u mhux eżekuttivi (Jannar 2012)

Sors: Il-Bażi tad-Dejta tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet

Nota: F’sistema ta’ livell wieħed id-dejta fuq mhux eżekuttivi tirreferi għal membri mhux eżekuttivi tal-bord u dejta fuq eżekuttivi tirreferi għal membri eżekuttivi tal-bord. F’sistema ta’ żewġ livelli d-dejta fuq mhux eżekuttivi tirreferi għal membri tal-bord ta' superviżjoni u dejta fuq eżekuttivi lil membri tal-bord eżekuttiv/tal-maniġment. Okkażjonalment, huwa possibbli għall-bord ta’ superviżjoni biex jinkludi membru wieħed jew aktar eżekuttiv (eż. CEO u CFO). F’dan il-każ dawn huma inklużi fiċ-ċifri eżekuttivi, għalkemm individwi li qed jieħdu sehem fiż-żewġ bordijiet jingħaddew darba biss. Iċ-ċifri mhux eżekuttivi f’dan il-każ xorta waħda jirreferu għall-membri totali tal-bord ta' superviżjoni u b’hekk jistgħu jinkludu xi eżekuttivi imma n-numri kkonċernati mhumiex sinifikanti u ma għandhomx jaffettwaw ir-riżultat finali.

Figura 3: It-tqassim: Sehem ta’ Membri Nisa fil-Bordijiet Eżekuttivi u Mhux Eżekuttivi, Jannar 2012.

Member State

Executives

(women/total)

%women

Non-executives

(women/total)

%women

Women CEOs

(women/total)

EU-27

8.9%

15%

2.7%

AT

2.2%

11.2%

0%

BE

3.7%

11.7%

0%

BG

14.8%

15.1%

6.7%

CY

8.2%

3.3%

5.6%

CZ

4.7%

15.4%

0%

DK

11%

16.1%

5.6%

EE

13.9%

6.7%

0%

FI

14.9%

27.9%

0%

FR

3.3%

24.2%

0%

DE

4.2%

15.6%

0%

EL

5.8%

8.1%

0%

HU

1.4%

5.4%

0%

IE

6.8%

9.4%

0%

IT

0.8%

7.1%

0%

LV

21.4%

25.9%

3.2%

LT

13.3%

17.5%

7.7%

LU

0%

7.2%

0%

MT

11.1%

2.7%

5.3%

NL

8.8%

18.8%

10%

PL

8.2%

11.8%

0%

PT

7.6%

5.4%

0%

RO

30.6%

10.5%

9%

SK

13.5%

13.5%

10%

SI

19.7%

15.9%

0%

ES

2.6%

13.1%

2.9%

SE

4%

26.5%

3.8%

UK

6.5%

18.7%

6%

Figure 4: Is-sehem tan-nisa fil-bordijiet tal-akbar kumpaniji kkwotati fil-borża, 2010-2012

(% total board members)

 

2010 (Oct)

2011 (Oct)

2012 (Jan)

EU-27

11.8

13.6

13.7

BE

10.5

10.9

10.7

BG

11.2

15.2

15.6

CZ

12.2

15.9

15.4

DK

17.7

16.3

16.1

DE

12.6

15.2

15.6

EE

7.0

6.7

6.7

IE

8.4

8.8

8.7

EL

6.2

6.5

7.4

ES

9.5

11.1

11.5

FR

12.3

21.6

22.3

IT

4.5

5.9

6.1

CY

4.0

4.6

4.4

LV

23.5

26.6

25.9

LT

13.1

14.0

14.5

LU

3.5

5.6

5.7

HU

13.6

5.3

5.3

MT

2.4

2.3

3.0

NL

14.9

17.8

18.5

AT

8.7

11.1

11.2

PL

11.6

11.8

11.8

PT

5.4

5.9

6.0

RO

21.3

10.4

10.3

SI

9.8

14.2

15.3

SK

21.6

14.6

13.5

FI

25.9

26.5

27.1

SE

26.4

24.7

25.2

UK

13.3

16.3

15.6

Sors: Il-bażi tad-dejta tal-Kummissjoni Ewropea dwar in-nisa u l-irġiel fit-teħid tad-deċiżjonijiet: http://ec.europa.eu/justice/gender-equality/gender-decision-making/database/index_en.htm

Noti: Dejta tirreferi għal membri tal-bord ta' diretturi (bord superviżorju f’każ ta’ funzjonijiet separati superviżorji u eżekuttivi. L-għadd jinkludi ċ-Chairperson.

Il-Figura 5: Kważi disgħa minn kull 10 Ewropej jaqblu li, jekk ikun hemm kompetenza ugwali, in-nisa għandhom ikunu rappreżentati b'mod ugwali f'pożizzjonijiet ta' tmexxija f'kumpaniji.

Il-Figura 6:Tliet kwarti tal-Ewropej huma favur leġiżlazzjoni fuq il-bilanċ bejn is-sessi fil-bordijiet ta’ tmexxija tal-kumpaniji


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site