Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-13 ta' Novembru 2012

Inpoġġu l-ewwel l-interessi tal-vittmi: Regoli ġodda dwar id-drittijiet tal-vittmi se jsiru liġi

Liġi ġdida Ewropea li ttejjeb id-drittijiet għal madwar 75 miljun vittma tal-kriminalità madwar l-Unjoni Ewropea kull sena se tiġi ppubblikata għada fil-Ġurnal Uffiċjali – l-organu tal-liġijiet tal-UE. Id-direttiva dwar id-drittijiet tal-vittmi ġiet adottata fl-4 ta' Ottubru li għadda mill-Kunsill tal-Ministri (IP/12/1066), wara li l-Parlament Ewropew approvaha b'maġġoranza kbira ħafna fit-12 ta' Settembru (MEMO/12/659). Id-Direttiva tistabbilixxi drittijiet minimi għall-vittmi, kull fejn ikunu fl-UE (ara IP/11/585). L-Istati Membri issa għandhom tliet snin biex jimplimentaw id-dispożizzjonijiet fil-liġijiet nazzjonali tagħhom.

"Hija aħbar tajba għaċ-ċittadini li l-liġi l-ġdida tagħna li tiggarantixxi d-drittijiet għall-vittmi kollha tal-kriminalità fl-UE issa saret parti mil-liġi Ewropea," qalet Viviane Reding, il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea u l-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja. "Nistenna li nara lill-Istati Membri jittrasponu din id-Direttiva bħala kwistjoni ta' prijorità biex jiġu indirizzati l-ħtiġijiet ta' miljuni ta' Ewropej u l-familji tagħhom li jiġu vvittimizzati mill-kriminalità kull sena. Nixtieq nirringrazzja lil kull min għenna biex nagħmlu din il-liġi l-ġdida realtà, inkluż l-appoġġ vokali u attiv ħafna tal-Membri tal-Parlament Ewropew, il-Ministri Ewropej tal-Ġustizzja u Maggie Hughes, li binha kien vittma tal-kriminalità waqt btala u li għamlet kampanja bla heda favur id-drittijiet tal-vittmi. Il-ballun issa qiegħed għand il-qrati tal-Istati Membri sabiex ipoġġu dawn id-drittijiet il-ġodda fil-prattika fil-każijiet speċifiċi. Inħeġġiġhom biex mingħajr dewmien jagħmlu l-leġiżlazzjoni nazzjonali konformi mad-Direttiva l-ġdida tal-UE sabiex il-vittmi kollha jkunu ttrattati b'rispett, ikunu infurmati tajjeb, u jirċievu l-appoġġ xieraq."

Sfond

Id-Direttiva tal-UE dwar standards minimi għall-vittmi ġiet ippreżentata mill-Kummissjoni f'Mejju 2011 (IP/11/585 u MEMO/11/310). Il-pubblikazzjoni ta' għada fil-Ġurnal Uffiċjali ssegwi l-adozzjoni mill-Kunsill tal-UE (IP/12/1066) u vot plenarju fil-Parlament Ewropew (MEMO/12/659). Dan ġara wara li l-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Ministri laħqu ftehim f'Ġunju wara negozjati intensivi bil-medjazzjoni tal-Kummissjoni Ewropea.

Id-direttiva l-ġdida tal-UE dwar standards minimi għall-vittmi se tiżgura li, fis-27 Stat Membru:

  • il-vittmi jintwerew rispett, filwaqt li l-pulizija, il-prosekuturi u l-imħallfin jiġu mħarrġa biex jittrattawhom kif inhu xieraq;

  • il-vittmi jingħataw informazzjoni dwar id-drittijiet tagħhom u dwar il-każ tagħhom b'mod li jkunu jistgħu jifhmuh;

  • ikun hemm servizzi ta' appoġġ għall-vittmi;

  • il-vittmi jkunu jistgħu jipparteċipaw fil-proċeduri, jekk ikunu jridu, filwaqt li tingħatalhom għajnuna biex jattendu għall-proċess;

  • il-vittmi vulnerabbli - bħat-tfal, il-vittmi ta' stupru, jew dawk li jbatu minn diżabbiltajiet - jiġu identifikati u tingħatalhom protezzjoni xierqa;

  • il-vittmi jiġu protetti waqt li l-pulizija jkunu għaddejjin bl-investigazzjoni tar-reat u matul il-proċeduri tal-qorti.

Għal aktar tagħrif

Il-Kummissjoni Ewropea - id-drittijiet tal-vittmi

http://ec.europa.eu/justice/criminal/victims/index_en.htm

Il-paġna ewlenija tal-Viċi President Viviane Reding, il-Kummissarju tal-UE għall-Ġustizzja:

http://ec.europa.eu/reding

Kuntatti:

Mina Andreeva (+32 2 299 13 82)

Natasha Bertaud (+32 2 296 74 56)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website