Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Negħlbu l-ostakli għall-pagamenti siguri u innovattivi bil-kard, l-internet u l-mowbajl

Commission Européenne - IP/12/11   11/01/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea - Stqarrija għall-istampa

Negħlbu l-ostakli għall-pagamenti siguri u innovattivi bil-kard, l-internet u l-mowbajl

Brussell, il-11 ta’ Jannar 2012 – Il-ġarr ta’ biljett virtwali tal-ferrovija jew li tħallas lura lil ħabib/a permezz tal-mowbajl, ix-xiri tal-affarijiet tal-merċa fuq l-internet, il-ħlas bil-kard tad-debitu barra minn pajjiżek – il-mod ta’ kif iċ-ċittadini Ewropej qed jixtru u jħallsu qed jinbidel radikalment. Ambjent ta’ pagamenti integrat, sigur u trasparenti madwar l-UE jista’ joħloq mezzi ta’ pagamenti iktar effiċjenti, moderni u siguri - għall-benefiċċju tal-konsumaturi, in-negozjanti u l-fornituri tal-pagamenti. Abbażi tal-konsultazzjoni tal-Green Paper li ġiet adottata llum, il-Kummissjoni qed titlob l-opinjoni tal-partijiet interessati dwar liema ostakli jxekklu l-integrazzjoni ulterjuri tas-suq u dwar kif dawn jistgħu jiġu solvuti. Id-data ta’ skadenza biex jintbagħtu l-kontribuzzjonijiet għall-konsultazzjoni hija l-11 ta’ April 2012.

Il-pagamenti elettroniċi huma essenzjali għal kull konsumatur, meta nixtru xi ħaġa f’ħanut jew meta nixtru minn fuq l-internet. Madwar l-UE, qed jintużaw aktar minn 700 miljun kard tal-pagament, il-kummerċ elettroniku qed joffri opportunitajiet tremendi u l-għadd ta’ mowbajls intelliġenti (smart phones) qed jiżdied b’rata drammatika. Il-Green Paper tanaliżża l-ostakli li jxekklu l-integrazzjoni tas-suq Ewropew f'dawn it-teknoloġiji tal-pagament promettenti.

Il-Kummissarju għas-Suq Intern u s-Servizzi, Michel Barnier, qal: “L-Ewropa għandha l-opportunità li tkun fuq quddiem nett ta’ x’jista’ jkun ifisser fil-futur li wieħed "jagħmel pagament". Madankollu, mhux se nkunu nistgħu nilħqu din il-mira bil-frammentazzjoni attwali tas-suq. Il-pagamenti elettroniċi siguri, effiċjenti, kompetittivi u innovativi huma kruċjali għall-konsumaturi, negozjanti u kumpaniji biex ikunu jistgħu jibbenefikaw kompletament mis-Suq Uniku u wkoll biex iħeġġu t-tkabbir tal-kummerċ elettroniku. Il-konsultazzjoni li qed invaraw illum hija kompletament konformi mal-mandat tal-Kummissjoni li tiffoka fuq it-tkabbir u l-ħolqien tal-impjiegi u tibni fuq il-kisbiet li diġà saru fil-qasam tal-pagamenti tal-konsumaturi”.

Il-Viċi President Joaquín Almunia żied jgħid li “Sistemi tal-pagamenti ineffiċjenti fi ħdan l-Unjoni Ewropea jżiedu l-ispejjeż mingħajr bżonn; ixekklu l-kompetittività globali tal-ekonomija Ewropea u jillimitaw il-potenzjal tagħha għat-tkabbir. Il-konsumaturi, negozjanti u kumpaniji Ewropej jistħoqqilhom servizzi tal-pagament li huma armonizzati mas-seklu 21: trasparenti, b’valur miżjud ġenwin u li jagħmlu l-aħjar użu tat-teknoloġiji tagħna. '

Informazzjoni ta’ sfond

Din il-Green Paper tivvaluta s-sitwazzjoni attwali tal-pagamenti bil-kard, l-internet u l-mowbajl fl-Ewropa, tidentifika l-lakuni bejn is-sitwazzjoni kurrenti u l-viżjoni ta’ suq tal-pagamenti kompletament integrat u l-ostakli li ħolqu dawn il-lakuni. L-għan tal-Green Paper huwa li tvara proċess ta’ konsultazzjoni mifrux mal-partijiet interessati biex jivvalidaw jew jikkontribwixxu għall-analiżi tal-Kummissjoni u biex jgħinu l-identifikazzjoni tal-aħjar mod biex intejbu l-integrazzjoni tas-suq.

Il-kwistjonijiet ewlenin identifikati fid-dokument jikkonċernaw:

  • L-aċċess tas-suq u d-dħul għall-fornituri tas-servizz eżistenti u ġodda

  • Is-sigurtà tal-pagament u l-protezzjoni tad-dejta

  • Ipprezzar trasparenti u effiċjenti tas-servizzi tal-pagament

  • L-istandardizzazzjoni teknika

  • L-interoperabbiltà bejn il-fornituri tas-servizz.

Kwistjoni kruċjali oħra, li tiżboq l-aspetti kollha msemmija hawn fuq, hija dik tal-amministrazzjoni xierqa. Fi kliem ieħor, kif jistgħu r-rimedji għall-ostakli identifikati jiddaħħlu fis-seħħ bl-aħjar mod sabiex jiżguraw li l-benefiċċji jimmaterjalizzaw f’perjodu ta’ żmien raġonevoli.

Filwaqt li preċedentement il-Kummissjoni kienet attiva fuq il-pagamenti bil-kard, speċjalment fil-qafas taż-Żona Unika ta' Pagamenti bl-Euro (SEPA) u bl-applikazzjoni tal-liġi tal-kompetizzjoni (ara d-Deċiżjonijiet tal-Kummissjoni indirizzati lil MasterCard u Visa)1, il-pagamenti bl-internet u l-mowbajl huma oqsma tal-politika relattivament ġodda fil-livell Ewropew. Għaldaqstant, meta l-Kummissjoni kienet qed tipprepara l-Green Paper, ħarset lejn firxa wiesgħa ta' oqsma tal-politika li huma potenzjalment rilevanti għal dawn l-oqsma.

Ir-reazzjonijiet għall-Green Paper qed jintlaqgħu sal-11 ta’ April 2012. Abbażi ta’ analiżi bir-reqqa tar-reazzjonijiet għall-konsultazzjoni, il-Kummissjoni se tħabbar il-passi li jmiss li għandhom jittieħdu qabel is-sajf tal-2012.

Ara wkoll MEMO/12/6

Aktar informazzjoni

http://ec.europa.eu/internal_market/payments/cim/index_en.htm

Kuntatti:

Chantal Hughes (+32 2 296 44 50)

Carmel Dunne (+32 2 299 88 94)

Marisa Gonzalez Iglesias (+32 2 295 19 25)

Maria Madrid Pina (+32 2 295 45 30)

1 :

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tad-19.12.2007 marbuta ma’ proċediment skont l-Artikolu 81 tat-Trattat tal-KE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE – il-Każ COMP/34.579 – MasterCard, il-Każ COMP/36.518 – EuroCommerce, il-Każ COMP/38.580 – Il-Kards Kummerċjali; u d-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tat-8.12.2010 marbuta mal-proċedimenti skont l-Artikolu 101 tat-TFUE u l-Artikolu 53 tal-Ftehim taż-ŻEE – il-Każ COMP/39.398 – Visa MIF.


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site