Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, it-8 ta' Novembru 2012

CARS 2020: għal Industrija Ewropea tal-karozzi b'saħħitha, kompetittiva u sostenibbli

Bi 12-il miljun impjieg relatati ma' dan is-settur, l-industrija tal-karozzi hija essenzjali għall-prosperità tal-Ewropa u għall-ħolqien tal-impjiegi. L-UE teħtieġ iżżomm industrija tal-karozzi ta' livell dinji li tipproduċi l-aktar vetturi effiċjenti fl-enerġija u sikuri fid-dinja u li toħloq impjiegi b'ħiliet għoljin għal miljuni ta' persuni. Biex dan iseħħ, illum il-Kummissjoni Ewropea ressqet il-Pjan ta' Azzjoni CARS 2020 bil-għan li sal-2020 jissaħħu mill-ġdid il-kompetittività u s-sostenibbiltà ta' din l-industrija.

Il-Kummissjoni tipproponi spinta qawwija fl-innovazzjoni billi jiġu razzjonalizzati r-riċerka u l-innovazzjoni permezz tal-Inizjattiva Ewropea għal Vetturi Ekoloġiċi. Il-koperazzjoni mal-Bank Ewropew tal-Investiment se tissaħħaħ biex dan jiffinanzja xprun fl-innovazzjoni u jħeffef l-aċċess tal-SMEs għall-kreditu. Sors standard tal-UE li jirriċarġja se jagħti ċ-ċertezza regolatorja meħtieġa biex jitħeffef żvilupp ġdid għal produzzjoni fuq skala kbira tal-karozzi elettriċi.

L-innovazzjoni fl-industrija tal-karozzi se titħeġġeġ ukoll permezz ta' pakkett komprensiv ta' miżuri biex jonqsu l-emissjonijiet tas-CO2, tat-tniġġis u tal-istorbju, biex jiżdiedu l-iżviluppi fis-sikurezza tat-toroq u biex jinħolqu sistemi ta' trasport intelliġenti (ITS) teknoloġikament avvanzati.

B'mod paralleli, il-Kummissjoni tipproponi wkoll li jiġu indirizzati l-problemi immedjati fis-settur tal-karozzi. Peress li waqgħet id-domanda fis-swieq Ewropej tal-karozzi u tħabbru bosta għeluq ta' impjanti, f'Novembru l-Kummissjoni se tlaqqa' flimkien produtturi tal-karozzi u rappreżentanti tat-trejdjunjins u l-Ministri tal-Industrija qabel il-Kunsill li jmiss dwar il-Kompetittività biex tirrevedi l-miżuri li jittrattaw il-kriżi attwali b'mod ikkoordinat. L-industrija tal-karozzi hija importanti madwar l-Ewropa kolllha u għalhekk hemm bżonn rispons Ewropew. Dan ir-rispons għandu jagħti attenzjoni biex jiġu indirizzati l-kapaċitajiet żejda, l-investiment soċjali u teknoloġiku, kif ukoll miżuri dwar l-għajnuna mill-Istat u min-naħa tad-domanda, u wara ssir diskussjoni fl-ogħla livell politiku.

Il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani, il-Kummissarju għall-Industrija u l-Intraprenditorija, qal: "L-Ewropa tipproduċi l-aħjar karozzi fid-dinja. Il-Kummissjoni trid li tinżamm dil-pożizzjoni, u titjieb aktar il-prestazzjoni fejn jidħlu s-sikurezza u l-ambjent. Għaldaqstant illum il-Kummissjoni qed tippreżenta strateġija għall-industrija tal-karozzi tal-UE u se tieħu azzjoni urġenti wkoll biex jiġu indirizzati d-diffikultajiet attwali ta' dan is-settur u r-ristrutturar tiegħu b'mod ikkoordinat. Dan il-pjan awtomobilistiku huwa l-ewwel riżultat tal-istrateġija tal-Kummissjoni għal rivoluzzjoni industrijali ġdida, ippreżentat fl-10 ta' Ottubru. L-industrija tal-karozzi għandha l-kwalitajiet kollha biex tegħleb il-problemi attwali, tibqa' kompetittiva, issir aktar sostenibbli u żżomm il-bażi tagħha tal-manifattura fl-Ewropa. Aktar minn hekk, minħabba l-effett multiplikatur li għandha fl-ekonomija, l-industrija tal-karozzi għandha tagħti impetu qawwi biex iżżomm bażi industrijali b'saħħitha fl-Ewropa. Il-Pjan ta' Azzjoni tal-lum se jagħti lill-industrija tal-karozzi l-appoġġ politiku kollu possibbli."

Il-globalizzazzjoni u teknoloġiji ġodda joffru opportunitajiet f'settur dejjem aktar kompetittiv

Fl-għaxar snin li ġejjin x'aktarx li jiżdied ħafna l-għadd ta' karozzi li jinbiegħu f'pajjiżi emerġenti, u dan, għalkemm joffri opportunitajiet għall-industrija tal-karozzi tal-UE, jixħet pressjoni kbira biex titjieb is-sostenibbiltà u biex tiġi indirizzata l-kompetizzjoni globali li qed tiżdied.

Il-Pjan ta' Azzjoni jinkludi proposti konkreti għal inizjattivi politiċi li:

  1. Jippromwovu l-investiment f'teknoloġiji avvanzati u l-innovazzjoni għal vetturi nodfa, pereżempju permezz ta':

    • pakkett komprensiv ta' miżuri li jindirizzaw it-tnaqqis fl-emissjonijiet tas-CO2, tat-tniġġis u tal-istorbju

    • implimentazzjoni ta' miżuri tas-sikurezza fit-toroq, inklużi s-Sistemi ta' Trasport Intelliġenti

    • twettiq ta' infrastruttura għal fjuwils alternattivi (l-elettriku, l-idroġenu u l-gass naturali)

    • standard tal-UE għal interfaċċja li tirriċarġja l-vetturi elettriċi

    • Inizjattiva Ewropea għal Vetturi Ekoloġiċi permezz ta' Orizzont 2020 li tippromwovi investimenti fir-riċerka u l-innovazzjoni.

  1. Itejbu l-kundizzjonijiet tas-suq, pereżempju billi:

    • jissaħħaħ is-Suq Uniku għall-vetturi billi tittejjeb is-sistema tal-approvazzjoni tat-tip, inkluż is-sorveljanza tas-suq, biex tkun evitata l-kompetizzjoni inġusta.

    • jiġu razzjonalizzati l-inċentivi finanzjarji għal vetturi nodfa.

    • issir applikazzjoni konsistenti mal-prinċipji ta' regolazzjoni intelliġenti, inkluża l-applikazzjoni tal-ittestjar tal-kompetittività għal inizjattivi ewlenin tal-politika biex ikun stmat l-impatt speċifiku tal-inizjattivi ewlenin tal-politika fuq l-industrija tal-karozzi.

  1. Jappoġġaw l-industrija biex taċċessa s-suq globali billi:

  • jiġu konklużi ftehimiet kummerċjali bilanċjati, issir valutazzjoni bir-reqqa tal-impatti kumulattivi ta' dawn il-ftehimiet kummerċjali kif ukoll il-promozzjoni u t-tkomplija tad-djalogi bilaterali ma' pajjiżi terzi msieħba ewlenin, u

  • tiżdied il-ħidma għal armonizzazzjoni internazzjonali tar-regolamenti dwar il-vetturi bil-għan aħħari li jinkisbu approvazzjoni internazzjonali tat-tip tal-karozzi u rekwiżiti globali dwar is-sikurezza għall-vetturi elettriċi u l-batteriji tagħhom.

  1. Jippromwovu l-investiment fil-ħiliet u t-taħriġ biex jakkumpanjaw il-bidla strutturali u jantiċipaw il-ħtiġijiet għall-impjiegi u l-ħiliet, pereżempju billi jitħeġġeġ l-użu tal-Fond Soċjali Ewropew (FSE) għal dan il-għan.

Il-passi li jmiss

Il-Kummissjoni u l-Istati Membri issa jridu jimplimentaw il-politiki mħabbra. L-industrija tal-karozzi għandha r-rwol li tilħaq l-għanijiet ambizzjużi ġodda stabbiliti. Għal sorveljanza ta' dan il-proċess, u biex jissokta d-djalogu mal-partijiet interessati, se jiġi stabbilit proċess iddedikat imsejjaħ "CARS 2020".

Ċifri dwar l-industrija tal-karozzi fl-Ewropa

L-industrija tal-karozzi kollha kemm hi (il-produtturi tal-karozzi, il-katina tal-forniment u s-suq ta' wara l-bejgħ, inklużi eluf ta' SMEs) għandha importanza strateġika għall-ekonomija Ewropea, għax tirrappreżenta 12-il miljun impjieg dirett u mhux dirett, 4 % tal-PDG u EUR 90 biljun ta' bilanċ pożittiv fil-kummerċ (fl-2011). Din l-industrija hija l-akbar investitur privat fir-riċerka u l-innovazzjoni, u tonfoq madwar EUR 30 biljun fis-sena.

Kuntest

Il-Pjan ta' Azzjoni jixhed l-ewwel riżultati konkreti tal-prijoritajiet tal-politika l-ġdida li huma proposti fil-Komunikazzjoni riċenti dwar il-politika industrijali. Din tibni fuq ir-riżultat tal-grupp ta' livell għoli bl-isem CARS 21, li fih kienu rappreżentati seba' Kummissarji, kif ukoll l-Istati Membri u l-partijiet interessati ewlenin (inklużi rappreżentanti tal-industrija u NGOs). Il-Grupp CARS 21, imniedi mill-ġdid fl-2010, adotta r-Rapport Finali tiegħu f'Ġunju tal-2012.

Ara wkoll MEMO/12/845 għal aktar tagħrif dwar il-viżjoni għall-industrija tal-karozzi fl-2020 u l-azzjonijiet imħabbra mill-Kummissjoni.

Aktar tagħrif jista' jinstab fuq il-websajt ta' CARS 21

Kuntatti:

Carlo Corazza (+32 2 295 17 52)

Sara Tironi (+32 2 299 04 03)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website