Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Azzjoni klimatika: Il-Kummissjoni tipproponi tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet fluworurati responsabbli għat-tisħin tal-klima

Commission Européenne - IP/12/1180   07/11/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-7 ta' Novembru 2012

Azzjoni klimatika: Il-Kummissjoni tipproponi tnaqqis sinifikanti fl-emissjonijiet tal-gassijiet fluworurati responsabbli għat-tisħin tal-klima

Il-Kummissjoni Ewropea llum ħadet inizjattiva deċiżiva fir-rigward tal-għanijiet fit-tul li jikkonċernaw il-klima billi ppreżentat proposta sabiex l-emissjonijiet tal-gassijiet fluworurati (gassijiet F) jitnaqqsu b'mod sinifikanti. L-emissjonijiet tal-gassijiet F, li l-potenzjal ta' tisħin tagħhom huwa sa 23,000 darba akbar minn dak tad-diossidu tal-karbonju, żdiedu b'60 % mill-1990 'l hawn, filwaqt li l-emissjonijiet tal-gassijiet serra l-oħrajn kollha naqsu. Ir-Regolament propost għandu l-għan li, sal-2030, inaqqas l-emissjonijiet tal-gassijiet F b'żewġ terzi tal-livelli tal-lum. Jipprojbixxi wkoll l-użu tal-gassijiet F f'ċertu tagħmir ġdid, bħal friġġijiet domestiċi, fejn ikun hemm diġà disponibbli alternattivi vijabbli li jiffavorixxu aktar l-ambjent.

Il-gassijiet F jintużaw l-aktar fir-refriġerazzjoni u fil-kundizzjonament tal-arja, kif ukoll f'tagħmir elettriku, f'foams ta' iżolament, fi sprejs aerosol u f'tagħmir għat-tifi tan-nar. Huma jiġu rilaxxati fl-atmosfera minn impjanti tal-produzzjoni, minn apparat li jintużaw fih u meta dan it-tip ta' apparat jintrema.

Connie Hedegaard, il-Kummissarju tal-UE għall-Azzjoni Klimatika, qalet: "Kburija li qed nippreżenta din l-inizjattiva l-ġdida meta qed niċċelebraw il-25 anniversarju tal-Protokoll ta' Montreal. Minħabba li tillimita l-ammont ta' gassijiet F li jistgħu jinbiegħu fl-UE, din il-leġiżlazzjoni l-ġdida se tkun ta' benefiċċju għall-klima u se toħloq opportunitajiet ġodda ta' negozju. Il-leġiżlazzjoni eżistenti tagħna rnexxielha twaqqaf it-tendenza ta' żieda fl-emissjonijiet u tixpruna l-innovazzjoni teknoloġika. Issa li jistgħu jiġu manifatturati prodotti li jħallu anqas impatt fuq l-ambjent, nistgħu nimxu pass ieħor 'il quddiem fit-tnaqqis tal-emissjonijiet tal-gassijiet F b'mod kosteffiċjenti"

Il-proposta tal-lum tintroduċi miżura ta' tnaqqis gradwali li mill-2015 tillimita l-ammont totali tal-aktar grupp sinifikanti ta' gassijiet F, jiġifieri l-idrofluworokarburi (HFCs) li jistgħu jinbiegħu fl-UE u, sal-2030, dan l-ammont tnaqqsu bil-mod il-mod għal għoxrin fil-mija tal-bejgħ tal-lum. Din il-miżura se tibni fuq it-tneħħija gradwali tas-sustanzi li jnaqqsu l-ożonu; fl-UE din inkisbet b'suċċess 10 snin qabel iż-żmien miftiehem fuq livell internazzjonali.

L-UE tappoġġa azzjoni internazzjonali fir-rigward tal-HFCs fil-kuntest tal-Protokoll ta' Montreal. Il-miżura proposta tantiċipa u tiffaċilita ftehim dwar tnaqqis gradwali globali tal-konsum u tal-produzzjoni tal-HFCs li għandu jiġi diskuss fl-24 Laqgħa tal-Partijiet għall-Protokoll ta' Montreal iktar tard dan ix-xahar. Minbarra dan, matul il-konferenza dwar it-tibdil fil-klima fil-kuntest tal-Konvenzjoni Qafas tan-Nazzjonijiet Uniti dwar it-Tibdil fil-Klima li se sseħħ f'Doha aktar tard dan ix-xahar, se ssaħħaħ is-sejħa għal azzjonijiet urġenti fir-rigward tal-HFCs min-naħa ta' pajjiżi oħra, sabiex tnaqqas id-distakk li hemm bejn it-tnaqqis neċessarju tal-emissjonijiet sal-2020 u l-azzjonijiet ta' mitigazzjoni li huma previsti bħalissa.

Hekk kif ikun implimentat il-qafas legali xieraq, il-konsumaturi tal-UE u l-utenti kummerċjali tat-tagħmir ikunu jistgħu jistimolaw il-bidla filwaqt li jippromwovu żvilupp teknoloġiku fl-oqsma kollha li llum jużaw il-gassijiet F. Dan se jwassal għal aktar ishma mis-suq għal dawk il-kumpaniji li se jaħtfu din l-opportunità li jiżviluppaw prodotti u tagħmir li jiffavorixxu l-klima. Studji riċenti juru li jeżistu għadd ta' alternattivi li huma teknikament razzjonali, li jistgħu jintużaw b'mod sikur, li huma kosteffiċjenti u li jistgħu jwasslu għall-iffrankar tal-enerġija.

Il-proposta se tissostitwixxi r-Regolament eżistenti dwar il-gassijiet fluworurati b'effett ta' serra fejn il-kumpaniji huma meħtieġa jieħdu sensiela ta' miżuri sabiex inaqqsu t-tnixxija minn tagħmir li jkun fih gassijiet F u jirkupraw il-gassijiet meta t-tagħmir ma jibqax jitħaddem. Ir-Regolament attwali jistabbilixxi wkoll rekwiżiti dwar it-taħriġ u ċ-ċertifikazzjoni għall-persunal involut fil-manutenzjoni tat-tagħmir, fit-tikkettar tat-tagħmir li juża l-gassijiet F, fir-rappurtar dwar il-produzzjoni, fl-importazzjoni u l-esportazzjoni tal-gassijiet F kif ukoll f'ċerti projbizzjonijiet fi ftit oqsma speċifiċi. Dawn ir-rekwiżiti kollha nżammu u/jew ġew imsaħħa fil-proposta l-ġdida.

Il-passi li jmiss

Il-proposta se tintbagħat lill-Parlament Ewropew u lill-Kunsill biex tiġi diskussa u adottata skont il-proċedura leġiżlattiva ordinarja.

Sfond

Il-pjan direzzjonali tal-Kummissjoni Ewropea lejn livell baxx ta' karbonju jistabbilixxi mod kosteffiċjenti sabiex jinkiseb it-tnaqqis neċessarju fl-emissjonijiet meħtieġ fil-kuntest ta' sforz globali biex it-tisħin jiġi llimitat għal 2 gradi Celsius aktar mil-livelli preindustrijali. Sabiex jinkiseb dan il-għan, l-isforz għandu jaffettwa l-oqsma kollha u l-gassijiet serra kollha.

Il-pjan direzzjonali jimmira li jnaqqas l-emissjonijiet b'aktar minn 70 % sal-2030 għall-qasam industrijali li jinkludi l-gassijiet F. Il-proposta l-ġdida ġiet imfassla biex tikseb dan it-tnaqqis, li jirrappreżenta kontribuzzjoni kosteffiċjenti min-naħa tas-settur tal-gassijiet F għall-isforz ekonomiku ġenerali meħtieġ biex fil-futur jiġu evitati konsegwenzi tat-tibdil fil-klima li jġibu magħhom spejjeż akbar.

Għal aktar tagħrif

DĠ Azzjoni Klimatika, paġna dwar il-gassijiet F:

http://ec.europa.eu/clima/policies/f-gas/index_en.htm

Rapport ta' monitoraġġ tal-EEA dwar il-gassijiet F:

http://www.eea.europa.eu/highlights/potent-greenhouse-gases

Viewer tad-dejta dwar il-gassijiet serra tal-EEA:

http://www.eea.europa.eu/highlights/pressroom/data-and-maps/data/data-viewers/greenhouse-gases-viewer

Ara wkoll il-MEMO/12/840 (mistoqsijiet u tweġibiet)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site