Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 7 ta' Novembru 2012

Il-Kummissjoni tipproponi li tippermetti vjaġġar mingħajr viża liċ-ċittadini ta' 16-il Gżira Nazzjon

Iċ-ċittadini ta’ 16-il Gżira Nazzjon dalwaqt se jkunu liberi li jivvjaġġaw lejn iż-żona ta' Schengen mingħajr ma jkollhom bżonn viża. Dan se jiftaħ opportunitajiet u vantaġġi kemm għall-UE kif ukoll għaċ-ċittadini ta' dawn is-16-il nazzjon.

"L-ivvjaġġar mingħajr viża mhuwiex biss ġest simboliku – se jkollu impatt dirett fuq iċ-ċittadini ta’ dawn il-pajjiżi u ċ-ċittadini tal-UE, fil-forma ta' aktar kuntatti bejn in-nies u opportunitajiet tan-negozju," qalet Cecilia Malmström, il-Kummissarju tal-UE għall-Affarijiet Interni.

Illum, il-Kummissjoni Ewropea pproponiet li żżid ħames gżejjer nazzjon tal-Karibew (id-Dominika, il-Grenada, Santa Luċija, Saint Vincent u l-Grenadini, u Trinidad u Tobago), 11-il gżira nazzjon tal-Paċifiku (il-Kiribati, il-Gżejjer Marshall, il-Mikroneżja, Nauru, il-Palaw, is-Samoa, il-Gżejjer Solomon, Tonga, Tuvalu u Vanuatu) u Timor-Leste mal-lista ta’ pajjiżi u territorji terzi li ċ-ċittadini tagħhom huma eżenti mill-obbligu tal-viża.

L-għan huwa s-simplifikazzjoni tal-ivvjaġġar lejn iż-żona ta' Schengen, kif ukoll lejn Ċipru, il-Bulgarija u r-Rumanija. Ċittadin ta' wieħed minn dawn il-pajjiżi mhux se jkollu aktar bżonn ta’ viża għal permanenzi qosra (sa 90 jum) jekk ikollu passaport, sew għal għanijiet ta’ negozju, turiżmu jew żjarat lill-qraba. Dan se jagħmel l-ippjanar tal-ivvjaġġar aktar faċli u jnaqqas l-ispejjeż tal-ivjaġġar. Il-preżenza konsulari limitata tal-Istati Membri f'ħafna minn dawn il-pajjiżi irriżultat f'li l-applikanti għall-viża spiss ikollhom jivvjaġġaw barra mill-pajjiż biex japplikaw għal viża ta' Schengen.

Il-proposta tal-Kummissjoni tipprevedi li l-eżenzjoni mill-viża tkun reċiprokata permezz ta’ ftehimiet għar-rinunzja tal-viża, li jiżguraw reġim mingħajr viża għaċ-ċittadini kollha tal-UE li jixtiequ jivvjaġġaw lejn dawn il-pajjiżi. Barra minn hekk, kategoriji speċifiċi ta’ ċittadini Britanniċi attwalment taħt obbligu tal-viża (stmati li jlaħħqu madwar 300,000 ruħ u li l-biċċa l-kbira tagħhom jgħixu f'Territorji Britanniċi Extra-Ewropej bħal Bermuda u l-Gżejjer Turks u Caicos) se jiġu eżentati wkoll.

Issa hija r-responsabbiltà tal-Parlament Ewropew u l-Kunsill tal-Unjoni Ewropea biex jieħdu deċiżjoni finali dwar il-proposta tal-Kummissjoni.

Rapport dwar il-funzjonament tal-Kooperazzjoni Lokali ta' Schengen

Illum il-Kummissjoni adottat ukoll rapport dwar il-funzjonament tal-"Kooperazzjoni Lokali ta' Schengen". Ir-rapport jevalwa l-ewwel sentejn ta’ implimentazzjoni tal-Kodiċi tal-Viża tal-UE u jagħmel rakkomandazzjonijiet konkreti dwar kif tista’ tittejjeb il-kooperazzjoni fil-futur; pereżempju billi kulħadd jaqsam il-piż tal-atturi kollha involuti. Titjib lokali fil-kooperazzjoni ta' Schengen, partikolarment fuq l-armonizzazzjoni tal-prattiki, se jikkontribwixxi għat-tisħiħ tal-kredibbiltà tal-politika komuni tal-UE dwar il-viża u jiżgura li l-applikanti kollha għall-viża jirċievu trattament ugwali, ġust u trasparenti.

Sfond

Il-proposta tal-lum biex dawn il-pajjiżi jiġu trasferiti mal-lista ta' dħul mingħajr il-bżonn ta' viża billi jiġi emendat ir-Regolament 539/2001 hija r-riżultat ta' proċess ta' reviżjoni regolari mwettqa mill-Kummissjoni Ewropea. Hija bbażata fuq valutazzjoni każ b’każ tal-ħtiġijiet tekniċi u l-kriterji relatati, fost oħrajn, mal-migrazzjoni irregolari, il-politika pubblika u s-sigurtà, u r-relazzjonijiet esterni tal-Unjoni Ewropea ma' pajjiżi terzi.

Mill-adozzjoni tiegħu, ir-Regolament dwar il-Viża ġie emendat tmien darbiet. Riċentement, fl-2010, meta it-Tajwan, l-Albanija u l-Bożnja u Ħerzegovina ġew trasferiti fil-lista.

Attwalment, iż-żona ta’ Schengen tinkludi 22 Stat Membru tal-UE u erba’ Stati assoċjati (l-Islanda, il-Liechtenstein, in-Norveġja u l-Isvizzera). Ladarba ċittadini minn dawn il-pajjiżi mhux tal-UE jidħlu fiż-żona Schengen, huma jistgħu jiċċaqalqu liberament minn pajjiż għal ieħor. L-eżenzjoni tal-viża tapplika wkoll għar-Rumanija, il-Bulgarija u Ċipru li għadhom mhumiex membri sħaħ fiż-żona Schengen.

Ir-Renju Unit u l-Irlanda ma jipparteċipawx fil-kooperazzjoni ta’ Schengen u ma jiħdux sehem fil-politika komuni dwar il-viża. Huma għalhekk għandhom arranġamenti separati tal-viża ma' pajjiżi li mhumiex fl-UE.

Fl-2011, l-Istati Membri tal-UE u l-pajjiżi parteċipanti fil-kooperazzjoni ta' Schengen ħarġu aktar minn 12-il miljun viża.

Id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi (ir-Regolament (EC) 810/2009) huma applikati universalment mill-konsulati tal-Istati Membri. Madankollu, minħabba d-differenzi fiċ-ċirkostanzi lokali huwa essenzjali li jkun hemm kooperazzjoni koerenti fost l-Istati Membri u l-Kummissjoni sabiex ikun hemm applikazzjoni armonizzata tad-dispożizzjonijiet legali ġenerali filwaqt li jiġu kkunsidrati wkoll iċ-ċirkostanzi lokali.

Fil-Kooperazzjoni Lokali ta’ Schengen, isir xogħol pereżempju biex jiġi evalwat jekk l-Istati Membri għandhomx bżonn jarmonizzaw il-listi tad-dokumenti ta’ sostenn li għandhom jiġu ppreżentati mill-applikanti għal viża f'pajjiż partikolari. Fl-2011, il-Kummissjoni diġà ħadet żewġ Deċiżjonijiet dwar tali listi armonizzati li jkopru madwar 20 lokalità f'pajjiżi terzi ewlenin bħaċ-Ċina, it-Turkija, l-Arabja Sawdita u l-Indoneżja. Dawn il-listi jikkontribwixxu sabiex jiżguraw li l-applikanti għall-viża jirċievu trattament indaqs skont id-dispożizzjonijiet tal-Kodiċi dwar il-Viżi.

Ħoloq Siewja

Link to the report

Il-websajt ta' Cecilia Malmström

Segwi lill-Kummissarju Malmström fuq Twitter

Il-websajt tad-DĠ għall-Affarijiet Interni

Segwi d-DĠ għall-Affarijiet Interni fuq Twitter

Kuntatti:

Michele Cercone (+32 2 298 09 63)

Tove Ernst (+32 2 298 67 64)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site