Navigation path

Left navigation

Additional tools

Previżjoni tal-ħarifa għall-2012-14: ninsabu fil-maltemp

European Commission - IP/12/1178   07/11/2012

Other available languages: EN FR DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, 7 ta' Novembru 2012

Previżjoni tal-ħarifa għall-2012-14: ninsabu fil-maltemp

Il-perspettiva fit-terminu qasir għall-ekonomija tal-UE tibqa’ fraġli, iżda għall-2013 huwa pprojettat ritorn gradwali lejn it-tkabbir tal-PDG, b'tisħiħ ulterjuri fl-2014.

Fuq bażi annwali, il-PDG mistenni jonqos b’0.3 % fl-UE u 0.4 % fiż-żona tal-ewro fl-2012. It-tkabbir tal-PGD għall-2013 huwa pprojettat għal 0.4 % fl-UE u 0.1 % fiż-żona tal-ewro. Il-qgħad fl-UE huwa mistenni li jibqa’ għoli ħafna.

L-iżbilanċi interni u esterni kbar li akkumulaw fis-snin ta' qabel il-kriżi qed jitnaqqsu, iżda f'xi pajjiżi dan il-proċess għadu jkun ta' piż fuq id-domanda domestika u l-attività ekonomika tvarja b'mod sinifikanti bejn l-Istati Membri. Fl-istess waqt, il-kompetittività mitlufa fl-ewwel għaxar snin tal-UEM f'xi Stati Membri qed tiġi rrestawrata gradwalment, b'hekk it-tkabbir fl-esportazzjoni huwa pprojettat li jiżdied progressivament hekk kif il-kummerċ globali jerġa' jibda' jiżdied. Aktar progress fil-konsolidament tal-finanzi pubbliċi qed isejjes dan il-proċess ta' bbilanċjar mill-ġdid.

Ir-riformi strutturali li qed isiru għandhom jibdew iħallu l-frott matul il-perjodu tal-previżjoni, filwaqt li l-avvanzi fl-arkitettura tal-UEM jkomplu jsaħħu l-fiduċja. Dan għandu jwitti t-triq għal espansjoni aktar b'saħħietha u mqassma b'mod aktar ugwali fl-2014. It-tkabbir tal-PDG fl-2014 huwa pprojettat għal 1.6 % fl-UE u 1.4 % fiż-żona tal-ewro.

Olli Rehn, il-Viċi President tal-Kummissjoni responsabbli għall-Affarijiet Ekonomiċi u Monetarji u l-Euro, qal: "L-Ewropa għaddejja minn proċess diffiċli ta’ ribilanċjar makroekonomiku, proċess li ser jibqa' għaddej għal xi żmien. Il-projezzjonijiet tagħna juru titjib gradwali fil-prospettiva tat-tkabbir fl-Ewropa sa minn kmieni s-sena d-dieħla. Deċiżjonijiet ta' politika ewlenin qiegħdu l-pedamenti biex tissaħħaħ il-fiduċja. L-istress fis-suq naqas, iżda ma hemmx lok għall-kompjaċenza. L-Ewropa trid tkompli tikkombina politiki fiskali tajbin ma' riformi strutturali biex jinħolqu l-kundizzjonijiet għal tkabbir sostenibbli biex il-qgħad jitnaqqas mil-livelli għolja u inaċċettabbli attwali."

Irkupru modest fl-2013

Wara t-tnaqqis irreġistrat fit-tieni trimestru tal-2010, l-attività ekonomika mhijiex mistennija tirkupra qabel l-aħħar tas-sena. It-tkabbir tal-PDG fl-2013 huwa pprojettat li jkun verament modest qabel jissoda xi ftit fl-2014. L-esportazzjonijiet netti huma pprojettati li ser ikomplu jikkontribwixxu lejn it-tkabbir. Id-domanda domestika hija mistennija li tibqa' dgħajfa fl-2013 u mhux ser tibda tirkupra qabel l-2014, hekk kif tkompli tinżamm lura mid-diżingranaġġ li għaddej f'xi Stati Membri u r-riallokazzjoni tar-riżorsi bejn is-setturi. Dan il-proċess bilfors ser iħalli l-marka tiegħu fuq is-suq tax-xogħol. Il-qgħad mistenni kważi jilħaq 11 % fl-UE u 12 % fiż-żona tal-ewro fl-2013, għalkemm b'varjazzjonijiet kbar bejn l-Istati Membri.

Filwaqt li, kumplessivament, huma baxxi għall-UE, il-kostijiet tal-finanzjament ivarjaw b'mod konsiderevoli bejn l-Istati Membri. Deċiżjonijiet ta' politika reċenti naqsu t-tensjonijiet, għalkemm diffikultajiet f'partijiet mis-settur bankarju u l-ekonomija dgħajfa x'aktarx li se jibqgħu jkunu ta' piż fuq fil-provvista tal-kreditu.

Il-prezzijiet tal-enerġija u żidiet fit-taxxi indiretti baqgħu r-raġunijiet ewlenin tal-inflazzjoni tal-prezzijiet għall-konsumatur fix-xhur reċenti. Madankollu, il-pressjonijiet sottostanti fuq il-prezzijiet domestiċi trażżnu u l-inflazzjoni hija prevista li se taqa’ taħt it-2% matul l-2013.

Il-konsolidament fiskali qed jagħmel progress

Il-konsolidament fiskali qed jagħmel progress. Id-defiċits tal-gvern huma mistennija li jaqgħu għal 3.6% fl-UE u 3.3% fiż-żona tal-ewro fl-2012. L-informazzjoni disponibbli mill-baġits għall-2013 tindika aktar konsolidament, għalkemm pjuttost aktar kajman, b'defiċits nominali tal-gvern ipprojettati għal 3.2 % tal-PDG fl-UE u 2.6 % fiż-żona tal-ewro. Dan huwa rifless ukoll fit-titjib strutturali tal-bilanċ baġitarju, li fl-UE huwa mistenni li jkun 1.1pp tal-PDG fl-2012 u 0.7pp fl-2013, u fiż-żona tal-ewro 1.3pp u 0.9pp, rispettivament. Id-dejn tal-amministrazzjoni pubblika fl-2012 kien ta' 93 % fiż-żona tal-ewro u ta' 87 % tal-PDG fl-UE. Għall-2013, huwa pprojettat li se jiżdied għal 95 % tal-PDG fiż-żona tal-ewro u għal 89 % fl-UE, iżda wara dan se jistabbilizza ruħu.

Azzjonijiet ta' politkika qawwija fil-livell nazzjonali u tal-UE u l-progress fir-riforma tal-qafas istituzzjonali tal-UEM naqqsu r-riskji ta' ċaqliq 'l isfel għall-perspettiva tat-tkabbir. Il-fiduċja u l-prospetti tat-tkabbir fil-ġejjieni jkunu affettwati jekk il-qgħad ikun agħar milli projettat. Min-naħa l-oħra, fid-dawl ta' deċiżjonijiet ta' politika riċenti, l-istress fis-swieq finanzjarji tal-UE jista' jonqos b’rata aktar mgħaġġla u l-fiduċja tista' tirkupra iktar bil-qawwa milli mistenni, ħaġa li jkollha impatt pożittiv fuq id-domanda domestika. Ir-riskji għal perspettiva tal-inflazzjoni huma ġeneralment ibbilanċjati.

Ir-rapport dettaljat jinsab fuq:

http://ec.europa.eu/economy_finance/eu/forecasts/2012_autumn_forecast_en.htm

Kuntatti :

Simon O'Connor (+32 2 296 73 59)

Audrey Augier (+32 2 297 16 07)

Vandna Kalia (+32 2 299 58 24)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website