
Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Brussell, is-7 ta' Novembru 2012
Politika dwar il-viżi li tixpruna t-tkabbir ekonomiku fl-UE
F'Komunikazzjoni strateġika adottata llum, il-Kummissjoni qed tistudja kif l-implimentazzjoni u l-iżvilupp tal-politika komuni dwar il-viżi jistgħu jgħinu t-tkabbir fl-UE billi jiffaċilitaw l-opportunitajiet tal-ivvjaġġar għal nies minn pajjiżi terzi li jixtiequ li jżuru l-UE.
B’total ta' 18.8 miljun impjieg fl-2011 it-turiżmu sar wieħed mill-akbar ħallieqa ta' impjiegi fl-Unjoni Ewropea u mutur ewlieni għat-tkabbir u l-iżvilupp ekonomiku. Fl-2011 l-infiq tal-viżitaturi barranin ammonta għal EUR 330.44 biljun. Skont l-aħħar stimi dawn iċ-ċifri x'aktarx li jiżdiedu sa 20.4 miljun impjieg u EUR 427.31 biljun fl-2022.
Jekk ir-regoli attwali dwar il-viża jintużaw bl-aktar mod sħiħ, jistgħu jiżguraw li l-UE tibqa' destinazzjoni attraenti għal aktar turisti/nies minn pajjiżi terzi, filwaqt li jagħtu spinta lil-attività ekonomika u l-ħolqien tal-impjiegi fl-UE. Tabilħaqq, it-turiżmu għandu impatt konsiderevoli fuq l-ekonomija b'mod ġenerali, permezz tal-infiq fuq l-akkomodazzjoni, l-ikel u x-xorb, id-divertiment, ix-xiri, eċċ.
"Minħabba t-tnaqqis fir-ritmu ekonomiku attwali għandna nagħmlu ħilitna biex inżidu l-flussi turistiċi lejn l-Ewropa filwaqt li nibqgħu niżguraw is-sigurtà tal-fruntieri tagħna" qalet il-Kummissarju għall-Affarijiet Interni Cecilia Malmström. "L-iffaċilitar ta' opportunitajiet għall-vjaġġaturi leġittmi li ma jponux riskji ta' sigurtà, biex iżuru l-Ewropa jista' biss isaħħaħ il-pożizzjoni tagħna bħala d-destinazzjoni turistika ewlenija fid-dinja, kisba għall-ekonomija tagħna li napprezzawha ħafna", żiedet tgħid.
"it-turiżmu u l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar dejjem kienu fuq nett fl-aġenda tiegħi. Ninsab kuntenta ħafna li l-kooperazzjoni eċċellenti bejn is-servizzi tiegħi u tal-Kummissarju Malström qed iħallu l-frott. "Jiena nqis li din il-Komunikazzjoni hija pass importanti ħafna, fis-sens li l-Kummissjoni tagħraf b'mod uffiċjali l-importanza li jitqiesu kunsiderazzjonijiet ekonomiċi fl-adozzjoni ta' deċiżjonijiet dwar il-politika tal-viża", qal il-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea Antonio Tajani.
Iċ-ċifri juru li l-għadd ta' viżi maħruġa żdied b’mod sinifikanti f’dawn l-aħħar snin u li r-rifjuti tal-viża baqgħu baxxi. Inħarġu madwar 460 000 viża ta' Schengen fl-Indja fl-2011; fl-2007 dawn kienu 340 000. L-għadd ta' viżi maħruġa fiċ-Ċina ukoll żdied b'mod sinifikanti minn 560 000 viża fl-2008 għal 1 026 000 fl-2011. Fir-Russja nħarġu madwar 5 152 000 viża fl-2011, meta mqabbla ma' 3 500 000 fl-2007.
Nistgħu nkomplu nagħmlu aktar biex jiżdiedu l-flussi tat-turiżmu minn dawk il-pajjiżi li għandhom potenzjal għoli li jiġġeneraw it-turiżmu u kapaċità tal-akkwist li qed jiżdied.
Intejbu l-iffaċilitar tal-ivvjaġġar
Diġà jista' jinkiseb ħafna bir-regoli kurrenti tal-viża u jistgħu jitneħħew bosta ostakoli eżistenti permezz ta' implimentazzjoni korretta tal-Kodiċi tal-Viża mill-Konsulati tal-Istati Membri. B'mod partikolari, il-konsulati għandhom jinfurzaw l-iskadenza ta' 15-il jum għall-għoti ta' appuntament, l-iskadenza ta' 15-il jum għal deċiżjoni dwar l-applikazzjoni tal-viża, id-disponibbiltà tal-formoli tal-applikazzjoni fil-lingwa tal-pajjiż ospitanti u għandhom ukoll jivvalutaw il-possibbiltà li joħorġu viżi għal aktar minn dħul wieħed.
Fuq perspettiva fit-tul, it-tibdil possibbli tar-regoli attwali tal-viża jista’ wkoll jiġi studjat, dan jinkludi:
Simplifikazzjoni u tqassir tal-proċeduri (konsiderazzjoni mill-ġdid tal-passi kollha tal-proċedura inkluża l-preżentazzjoni tal-applikazzjoni tal-viża minn intermedjarji/aġenziji tal-ivvjaġġar, u konsultazzjoni minn qabel);
Kjarifika tad-definizzjoni tal-konsulat kompetenti għall-ipproċessar tal-applikazzjoni għall-viża;
Simplifikazzjoni tal-formola tal-applikazzjoni;
Simplifikazzjoni/kjarifika tar-rekwiżiti għad-dokumenti ta’ sostenn;
Kjarifika tar-regoli dwar ir-rinunzji mill-ħlasijiet tal-viża;
Kjarifika tar-regoli dwar il-ħruġ ta' viżi għal aktar minn dħul wieħed;
It-titjib tal-organizzazzjoni u l-kooperazzjoni konsulari, eż. billi jiġi ddefinit mill-ġdid il-qafas legali għal Ċentri Komuni ta' applikazzjoni, li jkun jiffaċilita t-twaqqif ta’ dawn iċ-ċentri u l-funzjonament tagħhom;
It-titjib tal-Kooperazzjoni Lokali ta' Schengen (l-armonizzazzjoni ta' prattiċi dwar il-viża fil-pajjiżi msieħba fix-Schengen) biex din issir aktar effiċjenti.
Barra minn hekk, l-iżviluppi teknoloġiċi, għandhom jitqiesu wkoll. Pereżempju, il-Kummissjoni dalwaqt se tippreżenta proposti leġiżlattivi dwar "Fruntieri Intelliġenti" (ara l-Komunikazzjoni tal-2011: IP/11/1234 u MEMO/11/728) li huma maħsubin biex jiżguraw faċilitazzjoni tal-flussi tal-ivvjaġġar fil-fruntieri esterni tal-UE.
Għal aktar informazzjoni MEMO/12/838
Ħoloq Siewja
Il-websajt u Twitter tal-Kummissarju Ewropew Cecilia Malmström
Il-websajt u Twitter tad-Direttorat Ġenerali għall-Affarijiet Interni
Il-websajt u Twitter tal-Viċi President tal-Kummissjoni Ewropea, Antonio Tajani
Il-websajt tad-Direttorat Ġenerali għall-Industrija u l-Intraprenditorija (Turiżmu)
Contacts : Michele Cercone (+32 2 298 09 63) Carlo Corazza (+32 2 295 17 52) Tove Ernst (+32 2 298 67 64) Sara Tironi (+32 2 299 04 03) |