Navigation path

Left navigation

Additional tools

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, is-6 ta' Novembru 2012

Rata globali tal-iżbalji għan-nefqa tal-UE ta' anqas minn 4 % għat-tielet sena konsekuttiva: rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri

Il-maġġoranza assoluta tal-pagamenti li saru s-sena l-oħra mill-baġit tal-UE kienu mingħajr żbalji kwantifikabbli. Fir-rapport annwali tagħha, il-Qorti tal-Awdituri kkonfermat li fl-2011, ir-rata globali tal-iżbalji kkwantifikati għan-nefqa tal-UE, baqgħet stabbli taħt l-4 %. Il-Qorti tal-Awdituri approvat iż-żamma tal-kontijiet tal-UE għall-ħames sena konsekuttiva.

"Matul dawn l-aħħar snin, il-Kummissjoni wettqet il-wegħda tagħha li tiżgura ġestjoni u kontroll ta' kwalità għolja għall-fondi tal-UE. Ix-xogħol tagħna żgur għadu ma spiċċax, iżda issa huwa l-waqt li sħabna jintensifikaw l-azzjoni tagħhom ukoll,"qalet Algirdas Šemeta, il-Kummissarju għat-Tassazzjoni u l-Unjoni Doganali, l-Awditjar u l-Ġlieda Kontra l-Frodi. "L-Istati Membri jistgħu jagħmlu dan permezz ta' żewġ passi sempliċi. L-ewwel nett, dawn jistgħu japprovaw ir-regoli aktar sempliċi proposti mill-Kummissjoni għall-perjodu ta' programmar il-ġdid. Ir-regoli aktar sempliċi huma aktar faċli biex jiġu rrispettati u kkontrollati, u jistgħu jgħinu wkoll biex inaqqsu drastikament l-għadd ta' żbalji tan-nefqa tal-UE. It-tieni nett, qed inġedded is-sejħa tiegħi lill-Istati Membri biex jieħdu r-responsabbiltajiet tagħhom aktar bis-serjetà, speċjalment fir-rigward tal-irwol tagħhom biex jipproteġu l-flus ta' dawk li jħallsu t-taxxi fl-UE. Naqra aktar sforz min-naħa tal-Istati Membri biex jikkontrollaw il-proġetti b'mod xieraq u biex jirkupraw il-fondi użati ħażin jista' jagħmel differenza kbira, b'mod partikolari f'dan iż-żmien ta' diffikultà ekonomika."

Ir-rapport tal-lum tal-Qorti tal-Awdituri jikkonferma li t-titjib fil-ġestjoni tal-fondi tal-UE matul dawn l-aħħar għaxar snin qed jinżamm b'mod konsistenti. Dan huwa partikolarment sinifikanti minħabba li l-perjodu ta' programmar attwali dalwaqt se jispiċċa. Dan ifisser li fl-2011 il-volum tal-pagamenti u r-rekwiżiti ta' rappurtar li japplikaw għalihom, żdiedu b'mod sostanzjali meta mqabbla mas-snin ta' qabel. Madanakollu, ir-rata tal-iżbalji xorta baqgħet stabbli.

L-iżbalji ma jfissrux li l-flus tal-UE huma mitlufin, moħlijin jew affettwati minn frodi. Fil-fatt, il-frodi jaffettwa biss 0.2 % tal-baġit totali tal-UE, u hemm strumenti b'saħħithom fis-seħħ biex jindividwaw il-frodi u jirkupraw il-flus meta dan iseħħ. Meta l-Qorti tal-Awdituri tirreferi għal rata tal-iżbalji, dan ifisser li ma kellux isir ħlas ta' flus għaliex il-proġett ma kienx jissodisfa r-regoli ddettaljati biex ikun eliġibbli għall-fondi tal-UE. Fejn fil-fatt ikun hemm l-iżbalji, jeżistu mekkaniżmi solidi sabiex isibuhom u jikkoreġuhom.

Sfond

Ir-rata globali tal-iżbalji għan-nefqa tal-UE issa ilha taħt l-4 % għal tliet snin konsekuttivi, filwaqt li oqsma bħall-għajnuna esterna, l-iżvilupp, it-tkabbir u l-amministrazzjoni, is-sena l-oħra, ma kellhom l-ebda żball materjali. It-titjib l-aktar sinifikanti fl-2011 seħħ fil-politika ta' koeżjoni, li tiffinanzja proġetti biex tippromwovi l-kompetittività u t-tkabbir madwar l-Ewropa. Hawnhekk, ir-rata tal-iżbalji naqqset b'aktar minn 2.5 punti perċentwali meta mqabbla mal-2010.

Fis-settur tal-agrikoltura kien hemm żieda fir-rata tal-iżbalji meta mqabbla mas-sena 2010, parzjalment minħabba l-fatt li l-Qorti inkludiet għall-ewwel darba l-obbligi ta' kundizzjonalità fil-kalkoli tagħha. Fir-rapport tagħha, il-Qorti tinnota li l-Kummissjoni diġà kienet identifikat il-problemi rilevanti f'dan il-qasam, u ħadet miżuri korrettivi biex tiżgura li l-flus ma jintilfux.

Il-Kummissjoni iffukat ħafna biex tissimplifika r-regoli li japplikaw għall-fondi tal-UE. Dan mhux biss se jagħmel il-fondi tal-UE aktar aċċessibbli għal dawk li għandhom bżonnhom, iżda għandu wkoll jagħmilha aktar faċli biex ikunu applikati u infurzati r-regoli relatati man-nefqa tal-UE, u għalhekk jitnaqqsu iktar l-isforzi.

Ir-Regolament Finanzjarju l-ġdid, li ġie adottat fil-25 ta' Ottubru 2012, diġà għandu miżuri sostanzjali ta' simplifikazzjoni, kif ukoll dispożizzjonijiet li għandhom itejbu l-kontrolli fuq il-fondi tal-UE f'kull livell.

Il-proposti tal-Kummissjoni għall-ġenerazzjoni li jmiss ta' programmi (mill-2014 sal-2020), li bħalissa qed jiġu diskussi mill-Kunsill u mill-Parlament, jinkludu ammont kbir ta' miżuri ġodda biex ikomplu jtejbu l-ġestjoni tal-fondi tal-UE. Dawn jinkludu miżuri korrettivi aktar stretti jekk l-Istati Membri jonqsu milli jindirizzaw l-irregolaritajiet fil-ħin; sistema ġdida għas-sorveljanza tal-progress fil-kisba tal-miri stabbiliti; u rekwiżit għall-awtoritajiet nazzjonali ta' ġestjoni biex jiffirmaw dikjarazzjoni ta' assigurazzjoni dwar il-kontijiet tagħhom.

Il-passi li jmiss

Wara l-pubblikazzjoni tar-rapport annwali tal-Qorti tal-Awdituri, il-Kunsill se jipprovdi lill-Parlament Ewropew b'rakkomandazzjoni dwar jekk il-Kummissjoni għandhiex tingħata kwittanza tal-baġit. Skont din ir-rakkomandazzjoni, f'Mejju 2013 il-Parlament Ewropew se jivvota dwar ir-riżoluzzjoni tal-kwittanza tagħha fir-rigward tal-baġit 2011.

Għal aktar tagħrif, ara MEMO/12/833

Kuntatti :

Emer Traynor (+32 2 292 15 48)

Natasja Bohez Rubiano (+32 2 296 64 70)


Side Bar

My account

Manage your searches and email notifications


Help us improve our website