Sélecteur de langues
Chemin de navigation

Il-Kummissjoni Ewropea
Stqarrija għall-istampa
Nikosija/Brussell, il-5 ta' Novembru 2012
Jitħabbru r-rebbieħa tal-ewwel Premju Marie Curie
L-ewwel rebbieħa tal-Premju l-ġdid Marie Curie tal-Kummissjoni Ewropea għal suċċess eċċezzjonali fir-riċerka, tħabbru llum f'ċerimonja f'Nicosia, Ċipru. It-tliet rebbieħa (dettalji fl-Anness) huma Dr Gkikas Magiorkinis mill-Greċja, fil-kategorija "Talent Promettenti fir-Riċerka”, Dr. Claire Belcher mir-Renju Unit, għal "Komunikazzjoni tax-Xjenza", u Dr Sarit Sivan mill-Iżrael, għal “Innovazzjoni u Intraprenditorija”. Waqt iċ-ċerimonja, Androulla Vassiliou, il-Kummissarju Ewropew għall-Edukazzjoni, il-Kultura, il-Multilingwiżmu u ż-Żgħażagħ, ippreżentat trofew lil kull xjentist. Dan qed isir fil-kuntest ta’ konferenza ffokata fuq il-ġejjieni tal-Azzjonijiet Marie Curie u Orizzont 2020; il-Kummissjoni pproponiet programm ta' EUR 80 biljun għall-investiment fir-riċerka u l-innovazzjoni. Skont il-proposta, aktar minn EUR 5,75 biljun se jiġu allokati lill-Azzjonijiet Marie Curie għall-perjodu 2014-2020. L-iskema sostniet it-taħriġ, il-mobilità u l-iżvilupp tal-ħiliet ta’ aktar minn 65,000 riċerkatur minn mindu tnediet fl-1996.
"Ħloqna dan il-premju biex nenfasizzaw l-eċċellenza u t-talent tal-aħjar riċerkaturi żgħażagħ tal-Ewropa. Jiena nifraħ lir-rebbieħa li kollha ħallew il-marka tagħhom fl-oqsma rispettivi tagħhom. Huwa importanti ħafna li aħna nkomplu ninvestu bil-qawwi fir-riċerka Ewropea, li tikkontribwixxi sabiex jissolvew l-isfidi soċjali kbar f'oqsma bħalma huma s-saħħa u l-ambjent, u li hija wkoll importanti għall-ekonomija Ewropea. Nittama li l-Premju Marie Curie se jħeġġeġ riċerkaturi oħra u jispira aktar żgħażagħ – speċjalment bniet – biex jikkunsidraw karriera fix-xjenza," qalet il-Kummissarju.
Gkikas Magiorkinis ġie onorat għall-ħidma tiegħu fuq it-traċċar ta’ kif il-vajrus tal-Epatite Ċ (HCV) nfirex madwar id-dinja. Dan il-vajrus li huwa ta’ periklu għall-ħajja jattakka l-fwied u jaffettwa madwar 150 miljun ruħ madwar id-dinja. Claire Belcher kienet rikonoxxuta għall-istudju tagħha tal-passat ġeoloġiku tad-Dinja u l-impatt tiegħu fuq il-ħajja tal-pjanti u tal-annimali – suġġett li ġibdet attenzjoni akbar lejh permezz ta' dehriet regolari fuq it-televiżjoni u fil-midja. Sarit Sivan żviluppat trattament innovattivi għall-uġigħ fid-dahar li jirriżulta mid-deġenerazzjoni tad-disks fil-kolonna vertebrali.
"Il-kompetizzjoni għal dan il-premju kienet qawwija ħafna iżda l-kwalità għolja tax-xogħol tar-rebbieħa turi b’mod ċar il-potenzjal tar-riċerka Ewropea u l-ħtieġa li jibqa’ jingħata l-appoġġ għall-ħafna talenti tagħha," qalet il-Professur Anne Glover, il-Kap Konsulent Xjentifiku tal-Kummissjoni Ewropea u membru tal-ġurija. Il-membri tal-ġurija internazzjonali, magħmula minn akkademiċi prominenti, xjentisti u esperti, kienu jinkludu lill-Professur Pierre Joliot, il-bijologu magħruf Franċiż u n-neputi tal-bijologa Marie Skłodowska-Curie, il-Professur Christopher Pissarides, ir-rebbieħ tal-2010 tal-Premju Nobel fl-ekonomija, u Maria da Graça Carvalho, Membru tal-Parlament Ewropew u eks Ministru Portugiża tax-Xjenza , l-Innovazzjoni u l-Edukazzjoni Għolja.
L-Isfond
Il-Premju Marie Curie jippromwovi l-kisbiet tal-aħjar detenturi ta' għotjiet tal-Azzjonijiet Marie Curie fi tliet kategoriji:
Komunikazzjoni ix-Xjenza;
Innovazzjoni u Intraprenditorija;
Talent Promettenti fir-Riċerka.
L-għan tal-Premju huwa li jinkoraġġixxi lix-xjenzati jespandu l-qasam tagħhom ta' eċċellenza għall-innovazzjoni, l-intraprenditorija u x-xjenza tal-komunikazzjoni. Dan se jgħolli wkoll il-profil tar-riċerkaturi rebbieħa u tal-istituzzjonijiet ospitanti tagħhom, filwaqt li jżid il-prestiġju tal-Azzjonijiet Marie Curie.
Kif intgħażlu r-rebbieħa tal-premji?
In-nominazzjonijiet saru mill-membri tal-komunità ta' riċerka. Dawn kienu ristretti għar-riċerkaturi attwali u preċedenti tal-Azzjonijiet Marie Curie ffinanzjati taħt is-6 jew is-7 Programm ta' Qafas għar-Riċerka u l-Iżvilupp Teknoloġiku (l-FP6 u FP7).
Ir-rebbieħa ntgħażlu minn ġurija ta' esperti prominenti skont sett ta' kriterji f'kull kategorija.
Azzjonijiet Marie Curie
L-Azzjonijiet Marie Curie, li għandhom baġit ta' EUR 4,7 biljun għall-perjodu 2007-2013, jippromwovu karrieri fir-riċerka fl-Ewropa permezz ta' skemi mmexxija mill-Kummissjoni Ewropea tal-Aġenzija Eżekuttiva għar-Riċerka. Mill-1996 l-Azzjonijiet Marie Curie ppermettew lil aktar minn 65,000 riċerkatur minn kważi 130 pajjiż differenti li jitħarrġu jew jirriċerkaw barra minn pajjiżhom.
Il-Kummissjoni pproponiet li żżid il-finanzjamenti għall-azzjonijiet Marie Curie għal EUR 5,75 biljun taħt l-inizjattiva Orizzont 2020. Il-proposta tal-Kummissjoni issa qed tiġi negozjata mill-Parlament Ewropew u l-Istati Membri. L-iskema hija msemmija għax-xjentista Franċiża-Pollakka li rebħet il-Premju Nobel darbtejn u li tat bidu għar-riċerka dwar ir-radjoattività u skopriet il-polonju. Mill-2014, il-fond se jingħata l-isem Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie.
"Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie taħt l-Inizjattiva Orizzont 2020. Konferenza Impatt Reġjonali u Internazzjonali"
Il-konferenza, li laqqgħet flimkien aktar minn 250 espert u fassala tal-politika, se tiffoka fuq il-futur skont l-Azzjonijiet Marie Skłodowska-Curie taħt l-Inizjattiva Orizzont 2020.
Għal aktar tagħrif
Mistoqsijiet Frekwenti dwar l-Azzjonijiet Marie Curie (MEMO/12/830)
Il-Kummissjoni Ewropea : Azzjonijiet Marie Curie
Is-sit ta' Androulla Vassiliou
Segwi lil Androulla Vassiliou fuq Twitter @VassiliouEU
Kuntatti : Dennis Abbott (+32 2 295 92 58); Twitter: @DennisAbbott Dina Avraam (+32 2 295 96 67) |
Anness: Il-profili tar-rebbieħa tal-Premju Marie Curie
Dr Claire M. Belcher, il-kategorija "Komunikazzjoni tax-Xjenza"

Ix-xogħol ta’ Dr Belcher intgħażel minħabba l-effettività tal-ilħiq tiegħu, l-approċċ innovattiv u kreattiv tiegħu u l-kopertura eċċellenti tiegħu fil-midja popolari. Hija ħadet sehem fi programmi popolari tat-televiżjoni u tar-radju u ssemmiet f’bosta artikli, fosthom in-New York Times, l-Irish Times u Nature, kif ukoll ikkontribwixxiet artikoli xjentifiċi popolari hi stess. Is-sit ta’ Dr Belcher kien imfaħħar għall-kreattività tiegħu fil-komunikazzjoni tax-xjenza. Dr Belcher kienet nominata għall-ħidma tagħha bħala sieħba fil-Marie Curie fil-Kulleġġ Universitarju ta’ Dublin, l-Irlanda (2007-2010) u fl-Università ta' Edinburgh u l-Università ta' Exeter, ir-Renju Unit (2010-2012).
Kuntatt:
Louise Vennells, il-Maniġer tar-Relazzjonijiet tal-Midja
L-Università ta’ Exeter
Tel: 44(0)1392 722062 / 07827 309332
Email: l.vennells@exeter.ac.uk
Dr Sarit Sivan, il-kategorija "Innovazzjoni u Intraprenditorija"

Id-deġenerazzjoni tad-disks ikkawżata minn telf gradwali ta' xi komponenti ewlenin tiegħu, l-aktar minħabba t-tixjiħ, twassal għal tnaqqis fil-funzjoni bijomekkanika li taffettwa s-sinsla. L-uġigħ fil-parti t’isfel tad-dahar li jirriżulta l-aktar mid-deġenerazzjoni tad-disk intervertebrali, huwa problema ekonomika u klinika enormi. Ħafna drabi dan huwa ttrattat b’kirurġija invażiva u għalja.
Matul il-fellowship Marie Curie tagħha fl-Università ta' Oxford (ir-Renju Unit), Dr Sivan żviluppat u ttestjat b’suċċess materjali bijokompatibbli qishom ġelatina li jistgħu jissostitwixxu, permezz ta' injezzjoni mhux invażiva, il-komponenti mitlufa tad-disks u jimitaw il-funzjonament tagħhom. Għal dan ix-xogħol, hi u l-kollegi tagħha rċevew il-Premju tal-“Aqwa Teknoloġija Ġdida għad-Disks” minn Orthopedics This Week.
Il-Ġurija faħħret l-għarfien xjentifiku espert, l-innovattività, l-approċċ intraprenditorjali u l-kapaċità tagħha li tisfrutta kummerċjalment sejbiet xjentifiċi bażiċi. Hi żviluppati bosta innovazzjonijiet, għadd impressjonanti ta' privattivi u kkontribwiet għall-ħolqien ta’ kumpanija li twettaq provi kliniċi dwar riċerka relatata.
Kuntatt:
Amos Levav, Uffiċjal għall-Istampa
Technion – IIT,
Tel: + 972-4-8292734
Email: press@tx.technion.ac.il
Dr Gkikas Magiorkinis, il-kategorija "Talenti Promettenti fir-Riċerka"

Dr Magiorkinis analizza sekwenzi molekolari tal-HCV li juru għall-ewwel darba li l-aktar tipi prevalenti ta’ HCV nfirxu mad-dinja kollha ftit wara t-tieni gwerra dinjija mill-pajjiżi żviluppati għall-pajjiżi li qed jiżviluppaw u din il-ġrajja ħabtet mal-espansjoni tat-trasfużjonijiet tad-demm u l-użu tad-droga mill-vini.
Dr Magiorkinis introduċa żewġ innovazzjonijiet li ppermettew rikostruzzjoni preċiża tal-istorja tal-HCV. L-ewwel, huwa analizza partijiet mill-ġenomu tal-vajrus li kienu qed jinbidlu l-aktar matul iż-żmien. It-tieni nett, huwa uża metodu ġdid biex jikkombina informazzjoni molekulari minn diversi partijiet tal-ġenomu. Huwa ppubblika aktar minn 20 karta u kummentarju, uħud minnhom f’ġurnali xjentifiċi ewlenin.
Dr Magiorkinis huwa attwalment sieħeb tar-riċerka Marie Curie fid-dipartiment taz-zooloġija u riċerkatur sublatern fil-Kulleġġ ta’ St Cross, it-tnejn li huma fl-Università ta' Oxford. Huwa lekċerer onorarju u konsulent fil-viroloġija fl-Università ta' Ateni u huwa involut f'diversi proġetti ta' riċerka.
Kuntatt:
Pete Wilton, Uffiċjal għall-Istampa
L-Università ta’ Oxford
Tel: +44 1865 280528
Email: pete.wilton@admin.ox.ac.uk