Chemin de navigation

Left navigation

Additional tools

Aġenda Diġitali: Deċiżjoni tal-Kummissjoni li twitti t-triq għat-teknoloġiji 4G fl-Ewropa

Commission Européenne - IP/12/1170   05/11/2012

Autres langues disponibles: FR EN DE DA ES NL IT SV PT FI EL CS ET HU LT LV PL SK SL BG RO

Il-Kummissjoni Ewropea

Stqarrija għall-istampa

Brussell, il-5 ta' Novembru 2012

Aġenda Diġitali: Deċiżjoni tal-Kummissjoni li twitti t-triq għat-teknoloġiji 4G fl-Ewropa

Illum, il-Kummissjoni Ewropea ddeċidiet li żżid 120 MHz oħra mal-portafoll tal-ispettru tar-radju għat-teknoloġiji 4G, bħall-LTE (Evoluzzjoni fit-Tul), madwar il-medda ta' 2 GHz. Din il-medda bħalissa qed tintuża biss għall-komunikazzjonijiet mingħajr fili UMTS (Sistema ta' Telekomunikazzjoni Mobbli Universali), magħrufa bħala netwerks 3G. Id-Deċiżjoni tistabilixxi l-obbligu li l-Istati Membri jiftħu l-ispettru rilevanti sa mhux aktar tard mit-30 ta' Ġunju 2014, u tistipula kundizzjonijiet tekniċi armonizzati li jippermettu l-koeżistenza bejn it-teknoloġiji differenti. Abbażi ta' dan, l-UE se tibbenefika minn ammont doppju ta' spettru għall-broadband mingħajr fili b'veloċità għolja, jiġifieri madwar 1000 MHz bħal dak tal-Istati Uniti.

Din id-deċiżjoni tal-Kummissjoni tfisser li l-operaturi tal-mowbajls se jkollhom aktar opportunitajiet biex jinvestu fit-titjib tan-netwerks mobbli, u b'hekk ikunu ta' benefiċċju għall-ekonomija kollha, u maż-żmien il-konsumaturi se jkollhom il-possibilità li jibbenefikaw minn trasferimenti ta' dejta aktar veloċi u minn aktar servizzi ta' broadband. L-aċċess akbar għall-ispettru tat-teknoloġiji 4G se jagħti kontribut sostanzjali lill-mira tal-Aġenda Diġitali biex, sal-2020, ikun hemm kopertura universali ta' mill-inqas 30 Mb għal kull sekonda għall-broadband fl-UE (ara IP/10/581, MEMO/10/199 u MEMO/10/200).

Il-Viċi-President tal-Kummissjoni Ewropea Neelie Kroes qalet: "Dan l-ispettru addizzjonali għat-teknoloġiji 4G fl-Ewropa jfisser li se nkunu nistgħu nilħqu aħjar id-domanda dejjem tinbidel u tikber għall-broadband. Nixtieq li l-Istati Membri jaġixxu malajr kemm jista' jkun biex ibiddlu l-liċenzji li diġà qegħdin fis-seħħ. Kollha kemm aħna mmorru minn fuq jekk ikollna konnessjonijiet bla fili aktar mgħaġġlin fl-Ewropa."

Id-Deċiżjoni tinforza l-liberalizzazzjoni armonizzata tal-medda ta' 2 GHz (il-medda 1920-1980 MHz akkoppjata mal-medda 2110-2170 MHz) fl-Istati Membri kollha, u tevita l-frammentazzjoni tas-suq intern fl-użu fil-futur ta' din il-medda.

L-introduzzjoni tal-użu flessibbli tal-meded tal-ispettru billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet teknoloġiċi toffri mod kosteffiċjenti biex jiġu żviluppati infrastrutturi mingħajr fili u avvanzati bi tweġiba għad-domanda tas-suq.

Sfond

L-ispettru tar-radju hija riżorsa estremament importanti iżda li kull ma tmur qiegħdha dejjem tonqos. L-importanza soċjoekonomika tagħha żdiedet b'mod sostanzjali minħabba li s-servizzi mingħajr fili bħall-aċċess għall-broadband u l-"internet tal-oġġetti" qed jinfirxu dejjem aktar fost is-setturi kollha tal-ekonomija u tas-soċjetà. Sorsi tal-industrija jbassru li t-traffiku globali tad-dejta mobbli se jiżdied b'26 % kull sena sal-2015. Sa dak iż-żmien, aktar minn 7 biljun telefown, tablet u apparat mobbli ieħor se jkunu jistgħu jaqbdu mal-internet.

Iż-żieda fit-traffiku tad-dejta mingħajr fili flimkien man-nuqqas ta' spettru vakanti biżżejjed jesiġu approċċ aktar intelliġenti fil-ġestjoni tal-ispettru. Dan għandu jinkludi l-użu aħjar ta' meded ta' spettru li qegħdin jintużaw diġà, pereżempju billi jitneħħew ir-restrizzjonijiet teknoloġiċi u permezz tal-kondiviżjoni tal-ispettru.

Il-medda terrestri akkoppjata ta' 2 GHż (1920-1980 MHz akkoppjata mal-medda 2110-2170 MHz) tradizzjonalment kienet użata mill-komunikazzjonijiet UMTS (netwerks 3G) bħala r-riżultat tal-hekk imsejħa Deċiżjoni tal-UMTS adottata fl-1999, li nediet l-introduzzjoni kkoordinata u progressiva tal-UMTS madwar l-UE sal-1 ta' Jannar 2002.

Bl-implimentazzjoni tal-Programm tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju, u b'mod partikolari biex tintlaħaq il-mira ta' mill-inqas 1200 MHz għas-servizzi ta' broadband mingħajr fili, it-tħaddim tal-inventarju tal-ispettru kif ukoll l-użu flessibbli u kondiviż tal-istess spettru huma prijoritajiet tar-riforma tal-ispettru tal-UE biex jistimulaw l-innovazzjoni, l-użu effiċjenti u l-investiment.

Għalhekk, din id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni tistabbilixxi l-użu flessibbli tal-medda 1920-1980 MHz u ta' dik ta' 2110-2170 MHz għas-servizzi elettroniċi ta' komunikazzjoni bbażati fuq teknoloġiji avvanzati mingħajr fili bħall-LTE u teknoloġiji avvanzati oħra. L-iżviluppi fl-industrija juru li permezzi dawn it-teknoloġiji huwa dejjem aktar possibbli li jiġu offruti 30 Mbps lil ħafna utenti fl-istess ħin, u b'hekk jagħtu lill-konsumatur aċċess għall-broadband b'veloċità għolja bi prezzijiet kompetittivi.

Il-Kummissjoni qed tqis ukoll miżura ta' segwitu dwar l-ispettru terrestri ta' 2 GHz mhux akkoppjat (1900-1920 MHz u 2010-2025 MHz) li bħalissa huwa allokat biex jintuża min-netwerks tal-UMTS iżda li jibqa' mhux użat madwar l-UE. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tiżgura l-użu effiċjenti tal-meded mhux akkoppjati li huma l-aktar ta' benefiċċju mil-lat ekonomiku, soċjali u ambjentali billi jitqiesu applikazzjonijiet alternattivi għall-broadband mobbli terrestri u billi jitqiesu wkoll id-drittijiet eżistenti tal-użu tiegħu. F'dan ir-rigward, il-Kummissjoni diġà ħarġet Mandat lis-CEPT (Konferenza Ewropea tal-Amministrazzjonijiet Postali u tat-Telekomunikazzjonijiet) biex tistudja applikazzjonijiet xierqa u tiżviluppa kundizzjonijiet tekniċi u arranġamenti ta' kondiviżjoni xierqa.

Ħoloq Siewja

Id-Deċiżjoni tal-Kummissjoni

Deċiżjoni tal-UMTS

Sit tal-Politika tal-Ispettru tar-Radju

Mandat lis-CEPT dwar il-medda terrestri taż-2 GHz mhux akkoppjata

Il-websajt ta' Neelie Kroes

Segwi lil Neelie Kroes fuq Twitter

Kuntatti :

Ryan Heath (+32 2 296 17 16), Twitter: @RyanHeathEU

Linda Cain (+32 2 299 90 19)


Side Bar

Mon compte

Gérez vos recherches et notifications par email


Aidez-nous à améliorer ce site